27.7.15

Beda jiċċafċaf





1.      Tul dawn l-aħħar sentejn il-Gvern, bl-aġir volontarju jew involontarju, bagħat sinjal qawwi barra.  Dak li ma hemmx għalfejn li wieħed jaħseb fil-futur.  Li ma hemmx wisq għalfejn tkun attent kif u b’kemm qiegħed tonfoq.  Ir-riżultat huwa li diversi ħadu l-impressjoni li ma hemmx ħafna għaqal fit-tmexxija tal-kaxxa ta’ pajjiżna.  Meta l-elettorat jara kif qed isir l-infiq u kif qiegħed isir fuq bażi rikorrenti jifhem li ser ikun hemm mument ta’ ingropp.  Jista’ jkollu raġun u jista’ jkollu tort.  Ħafna jafu li tkun f’liema pożizzjoni tkun trid taħseb dejjem iktar fil-futur.  Futur li f’dawn is-snin rajnih instabbli.  Daqqa ‘l fuq u daqqa l-iktar u iktar ‘l isfel.

2.      Din il-ġimgħa kienet iktar u iktar dominata mill-kriżi Griega.  Laqgħat barra minn xtutna, stqarrijiet ministerjali ġiebu fid-diskors tat-triq dak li huwa għaddej.  Min jifhem fl-ekonomija jitkellem mod, min jifhem fil-ħajja ftit differenti.  Għalkemm jidher li fil-kotba, skond il-manwali, pajjiżna m’huwiex ser jintmiss, hemm realtà oħra li ma toħroġx mill-kotba iżda mill-eventi ta’ kull ġurnata.  Ilkoll nafu li ftit snin ilu konna ħadna d-deċiżjoni tajba li ngħinu direttament lil dak il-gvern li kien dak il-mument immexxi minn Gvernijiet li kienu favur l-Ewropa u s-sistema ekonomika miftuħa li hija tħaddan.  Hemm min jitkellem fuq il-miljuni li ħarġu.  Biss, kif sewwa spjega l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, f’dawn is-snin pajjiżna għamel qabżiet ekonomiċi kbar.  Il-figuri juru dan u aħna iktar “sinjuri” milli konna.

3.      Dawn ir-riżultati seħħew għal numru ta’ raġunijiet però, żgur mhux forsi, kien hemm ferm ċentrali dik marbuta mal-istabilità ewropea u dik tagħna.  Dak li ħriġna għall-Griegi ssoda żgur indirettament iktar l-avvjament tagħna.  Biss il-Greċja llum l-affarijiet differenti.  Il-pajjiż mar lura ekonomikament u ma jistax ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-poplu.   Il-Gvern fil-poter ma għadux wieħed wisq favur l-Ewropa.  Il-partit fil-gvern huwa anti-kapitalista u fuq ix-xellug estrem li l-komuniżmu għadu kapaċi jwelled.  Tlett fatturi li li qed jaħdmu l-ħin kollu.  Diversi m’humiex forsi japprezzaw biżżejjed li f’dan kollu hemm ġlieda ideoloġika qawwija.  It-tmiem tal-ewro u tal-Unjoni Ewropea hija parti minn attakk kontra s-sistema “kapitalista” li l-Ewropa bniet.  Is-sistema ekonomika u finanzjarja, li terġa’, sfortunatament marret iktar lejn il-lemin fl-aħħar snin b’teoriji liberali li ma ħadux ħsieb l-aspett soċjali.

4.      Hawn f’dan dħul lura tal-bżonn ta’ konfront politiku ideoloġiku li ħafna nsew jew konvenjentement neħħew minn rashom.  F’dan kollu li qiegħed isir, l-effetti ta’ “tmiem” il-Greċja u l-Griegi huma ferm differenti milli qed naraw.  Fir-referendum deher ċar li 60% tal-poplu diġà qiegħed iħossu li mess il-qiegħ u ma għandu xejn iktar x’jitlef.  Fil-faqar kbir qiegħed u ma jistax jiftaqar iktar.  L-40% l-oħra huma dawk li għadhom b’xi mod aġevolati u dawn illum huma minoranza.  Min jimmaġina lil-ħruġ li l-Griegi jidħlu għalih ser iġib xi rivoluzzjoni kontra t-tmexxija ta’ Tsypras qiegħed jilludi ruħu u fl-istess ħin jinsa l-lezzjonijiet ċari u qawwija tal-metodiu linji politiċi li dittatorjati ħadu fi ħdan id-demokrazija.  Hemm taqbiliet kbar li jistgħu jittieħdu imma sfortunatament jibqa’ jkun hemm min jaħseb li kulħadd jaħseb u jaġixxi bħalu.

5.      Min jaħseb li l-ħruġ tal-Greċja mis-sistema ewropea mhux ser tolqtu b’xi mod indirett huwa, naħseb, żbaljat.  Dan il-pajjiż, fil-pożizzjoni li qiegħed fit-tarf tal-Mediterran huwa bieb li jdur sija lejn l-Orjent kif ukoll lejn l-Oċċident – jiddependi min iħabbat u min irid jiftaħ.  Negozju, id-dinja marittima, ir-rabtiet soċjali u kulturali m’humiex statiċi u anqas partijiet minn logħbiet.  F’din id-dinja ma hemmx sitwazzjoni fejn parti toħroġ minn fuq il-mejda għax tilfet u ma tilgħabx, iżda tkompli għaddejja taġixxi kif tkun.  Bdil fis-settur ekonomiku kif ukoll f’dak politiku lura lejn ideat “sovjetiċi” ser idaħħlu influwenzi ġodda.  Min jiftakar jaf li qabel il-Ħajt ta’ Berlin kien hemm xkiel ekonomiku kbir.  Dak li llum żviluppa seħħ proprju wara t-tmiem ta’ dak il-ħajt u wara li l-pajjiżi ta’ wara dik il-purtiera bdew it-triq demokratika u ekonomika tagħhom.

6.      Il-Gvern qiegħed jiftaħar bil-figuri li ħadd ma jista’ jiċħad.  Però, x’qiegħed iwassal għal dawn ir-riżultati nibża’ li ma hemmx biżżejjed għarfien tiegħu.  Iktar u iktar meta preżentement fuq naħa qed ingawdu, l-ewwel mill-prezzijiet ‘l isfel taż-żejt, u t-tieni mill-flejjes li l-Unjoni Ewropea qegħda l-ħin kollu toħroġ biex toħloq ix-xogħol u fuq in-naħa l-oħra qed naraw iktar prekarjat u iktar persuni fir-riskju tal-faqar.  L-effetti tal-ħruġ tal-Greċja ser inaqqru u jżidu rispettivament minn dan, żgur fuq il-livell dirett ta’ oħrajn u indirettament f’tagħna.  Dan iktar u iktar f’soċjetà ewropea fejn nafu li madwarna għandna soċjetajiet f’diffikultà.  Diġà qed immissu b’idejna ma’ bnedmin minn stati oħra li qed jiġu ħawn, jiftħu negozji li mhux kollha jibqgħu hawn, jekk ma jżarmawx u jitilqu b’kontijiet pendenti.

7.         Jekk din is-sitwazzjoni ma titlobx attenzjoni, ma nafx liema titlob.  Gvern Nazzjonalista, li ġie kkritikat ħafna inġustament, kien għaqli u kawt f’dan.  Dan preżenti ma huwiex, jew aħjar nittama ngħid li ma kienx sa issa.  Biss, anke jekk mid-djar u t-twieqi tal-karozzi tagħna ser inkunu qed inħarsu lejn baħar kalm, fir-realtà dak ekonomiku qed jitqalleb.  Il-Gvern ta’ pajjiżna għandu jieħu dan bħala sinjal u jibda jikkontrolla aħjar u jnaqqas il-ħela u l-infiq bla kontroll li diversi qed jaraw għaddej.  Jekk il-kaptan m’huwiex qiegħed jinduna, sejrin lejn ilmijiet li fihom ir-riħ qiegħed jonfoħ sew.  Dan, mingħajr allarmiżmu, jitlob attenzjoni.  Jitlob li nbiddlu dak li għaddej.  Min kien hemm qabel irnexxielu jifhem x’inhuwa ġej, ma tgħabbiex u wassal f’ilmijiet ċari lil pajjiżna li ilu sentejn fihom.  L-għażliet ma humiex, din id-darba, f’idejn il-Partit Nazzjonalista iżda huma f’idejn ħaddieħor.  Però dan ma jfissirx li ma aħniex ser inkomplu nwettqu dmirna mal-poplu tagħna.  Għandna l-interess nazzjonali li l-affarijiet isiru sewwa u li l-attenzjoni tingħata kif għandha.




21.7.15

FORZI ARMATI TA’ MALTA – MEMBRI GRADWATI FIL-LIĠI.





17864. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fl-Armata ta’ pajjiżna li huma gradwati fil-liġi u jista’ jgħid x’inhuwa r-rank li jokkupaw?

10/07/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm tliet membri fil-Forzi Armati ta’ Malta li huma gradwati fil-liġi. Ir-rankijiet huma Logutenent Kurunell, Logutenet u Surġent.

Seduta  294
20/07/2015

ADULTS’ TRAINING CENTRE TA’ MATUL IL-JUM - WIPES.





17863. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jassigura li l-Adults’ Training Centre ta’ Matul il-Jum ikun hemm wipes għall-użu tal-klijenti billi dawn mhux qed jiġu debitament provduti?

10/07/2015

  ONOR. MICHAEL FARRUGIA:  Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità l- policy hi li l-wipes għandhom jiġu provduti mill-ġenituri/guardians tal-klijenti.  Fil-każ ta’ persuni li jkollhom bżonn  ta’ tibdil ta’nappies, dawn il-persuni jinħaslu fiċ-Ċentru stess bl-ilma u non allergic soap minflok jintużaw il-wipes.

Seduta  294
20/07/2015

20.7.15

Statistika u realtà.



1.      Hemm dokumenti li jiddikjaraw il-fatti kollha, juruk l-istampa sħiħa u hemm oħrajn li jagħtuk parti minnha.  Drajna issa nisimgħu lill-Gvern joħroġ stqarrijiet jiftaħar kemm id-dinja tax-xogħol sejra apparentement ‘il quddiem.  Il-figuri maħruġa mill-NSO tul il-ġimgħa għal dawk li għandhom impjieg full-time għax-xhur ta’ Jannar-Frar 2015 stabilew il-bank ta’ iktar ftaħir u inqas attenzjoni għad-dettalji.  Dan qiegħed jingħad mhux biex wieħed jipprova jtappan, iżda sempliċement biex wieħed jifhem sewwa sew x’qed jiġri fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna.  Ngħid iktar dan għax din l-istatistika reġgħet irrepetiet li ż-żieda ta’ bejn wieħed u ieħor 4% ta’ dawk li għandhom impjieg full-time baqa’ kostanti ma’ tas-sena l-oħra.  Għalkemm minn eżami tal-aħħar rappor tal-Bank Ċentrali jingħad aħjar: The annueal growth rate slowed down somewhat to 3.8% in December (2014) from 4.1% three months earlier.  On average, employment in 2014 was up by 3.6% on a year earlier, sustaining the 3.5% growth recorded in 2013.

2.      Il-figuri li nħarġu jikkonfermaw żieda, però ma hemmx xi kwalità ta’ żieda qed nitkellmu fuqha għal min qiegħed isib ix-xogħol.  Ma nippretendix dan mill-NSO, però hemm insensittività min-naħa tal-Gvern li sempliċement joħroġ jiftaħar u jinjora realtajiet oħra.  Ir-realtà li toħroġ mill-ewwel mill-pożizzjoni ta’ persuni fl-għalqa l-kbira u varja tal-prekarjat.  It-tieni, ta’ dawk li huma f’diffikultajiet finanzjarji li qed ifittxu xogħol ieħor part-time, u t-tielet ta’ dawk li jew għax pensjonanti fl-iskali ta’ isfel jew għax qed jgħixu għar-raġunijiet varji fuq forom ta’ għajnuniet soċjali tħallew żbaljatament barra.  Hemm statistika oħra li ma tiġix ikkunsidrata, u minflok jintbagħat barra l-messaġġ li jżid il-melħ fil-ferita ta’ diversi persuni li qed ibatu fis-soċjetà tagħna.

3.      Il-prekarjat jibqa’ b’rasu għolja.  Minn numru sew ta’ domandi parlamentari li ressaqt jidher ċar li mhux biss għandna żieda qawwija fil-persuni li qed jaħdmu part-time, iżda wkoll ta’ kuntratti ta’ xogħol varji li huma b’xi mod dipendenti mill-Gvern.  Meta l-NSO jitkellem fuq il-figura ta’ 43,892 persuni li jaħdmu mal-Gvern qiegħed fl-istess waqt ma jinkludix id-diversi li għandhom kuntratti marbuta ma’ xogħol part-time u ta’ dawk li għandhom impjieg mal-Gvern fuq bażi ta’ self-employed.  F’dawn is-sentejn jidher li l-pożizzjoni tal-prekarji, flok tnaqqset, żdiedet.  Huwa żgur li sija l-ETC kif ukoll il-Bank Ċentrali qed jaqblu li kien hemm żieda ta’ madwar 8% ta’ persuni fis-settur part-time.

4.         Ippruvajt ikolli f’idejja kif kienet il-pożizzjoni lejn l-aħħar ta’ Marzu 2015 dwar dan is-settur biex nifhem aħjar dak li għaddej, però għaż-żewġ domandi li ressaqt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol irreferieni għal dik ta’ l-aħħar ta’ Diċembru 2014.  Però minn dawn hemm 34,057 li kienu hekk reġistrati u li minnhom jidher li kien hemm 10,479 li kienu ilhom hekk għal iktar minn ħames snin, l-oħrajn nibtu iktar reċentement.  Mhux biss, imma jidher li hemm 13,946 raġel u 20,111 nisa li għandhom il-part-time bħala l-impjieg prinċipali.  Ma’ dawn hemm 15,689 raġel u 7,691 nisa lig ħandhom impjieg part-time u full-time f’daqqa.  Dawn il-figuri juru li 23,380 persuna li għandhom xogħol full-time u li l-istatistika ta’ din il-ġimgħa tal-NSO tinkludi li parti sew minnhom ma jistgħux ikampaw u għandhom bżonn impjieg ieħor biex ivinċu l-ispejjeż tal-ħajja.  Dan ifisser li 13.47% tal-persuni li qiegħed jiftaħar bihom il-Gvern qegħdin f’pożizzjonijiet ekonomiċi diffiċli.

5.         Mhux ser nidħol fil-kwistjoni ta’ jekk huwiex minnu li iktar nisa qed jidħlu lura għad-dinja tax-xogħol għax għad ma għandniex l-istampa sħiħa, però hemm żgur żewġ punti li rrid sempliċement insemmi li juru li hemm tnaqqis fl-impieg full-time u ż-żieda fil-part-time.  L-ewwel li l-aħħar rapport tal-Bank Ċentrali, meta jqabbel il-figuri tal-2013 u l-2014 jgħid: During the 4th quarter the total employment rate stood at 61.6% and was thus 0.2% of a percentage point higher than a year earlier.  This reflected developments in the male employment rate, which rose by 0.8% percentage point on a year earlier, to 74.9%.  The largest rise was registered in the 35-54 age bracket.  On the other hand, the female employment rate dropped by 0.3% percentage point on a year earlier, to 47.8%.  It-tieni f’dak li hemm fl-aħħar rapport tal-ETC fejn jingħad: Overall, the increase in part-time employment has originated from the female cohort of the labour force.

6.         L-istqarrija tal-Gvern għażlet ukoll li tinjora lil dawk li jinsabu f’pożizzjoni diffiċli għar-rigward tal-pensjoni tagħhom.  Minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament għandna 22,221 persuna li tirċievi inqas minn ħames mitt ewro fix-xahar.  Figura li trid tinqara’ wkoll ma’ domanda oħra li għamilt minn fejn jidher li hemm numru ta’ persuni li qabżu t-62 sena li qed jaħdmu fis-settur part-time.  Fil-fatt hemm 6,228 li minnhom 5,716 għandhom il-part-time bħala l-impjieg primarju u 512 li għandhom dan flimkien ma’ impjieg full-time.  Statistika li ġiet injorata li però titlob li tiġi eżaminata.  Jista’ jingħad: ara kemm sejrin tajjeb, però minn dak li nara u mmiss miegħu jidher li l-maġġoranza tagħhom huma dawk li mhux qed iwasslu bil-pensjoni baxxa tagħhom.

7.         L-istess stqarrija tal-Gvern taħrab mill-pożizzjoni preżenti ġewwa l-gżira ta’ Għawdex.  Filwaqt li qed tiġi kull darba injorata l-istatistika tal-ETC li l-persuni reġistrati jaħdmu f’Ghawdex ma naqsux iżda żdiedu.  Jidher ukoll li l-impjieg part-time għadu b’saħħtu.  Fil-fatt, minn domanda parlamentari jidher li hemm 4,065 li huma hekk reġistrati li minnhom 2,126 il-part-time huwa wieħed primarju u 1,939 huwa flimkien ma’ full-time.  Dan jindika li hemm il-figura ta’ 11.9% tal-persuni reġistrati part-time qed jaħdmu f’dik il-gżira li huwa 5.3% ‘il fuq minn dak li wieħed jistenna distrett, distrett.

8.         L-istess dikjarazzjonijiet tal-Gvern jinjoraw li hemm issa żidiet oħra ta’ persuni li huma “third country nationals” li qed jaħdmu fis-suq f’pajjiżna li ma jissemmewx ukoll.  Fil-fatt, minn domandi li għamilt jidher li filwaqt li fl-2010 (fl-eqqel tal-immigrazzjoni irregolari) kellna 3,431 jaħdmu, illum fl-2015 għandna 6,112 jiġifieri żieda ta’ kważi d-doppju.  Figura li tirrappreżenta 3.5% tal-persuni li huma reġistrati jaħdmu full-time u li hija viċin ħafna dik taż-żieda nazzjonali li l-Gvern qed jitkellem dwarha.

9.         Hemm ferm iktar li jista’ jingħad fuq dan is-suġġett, ma hemmx dubju, speċjalment kif inħoloq iktar xogħol mal-Gvern u l-effetti tiegħu fuq is-settur privat.  Li huwa żgur hu li ma hemmx kollox ileqq, u l-Gvern jagħmel tajjeb li jorbot saqajh mal-art u jħares lejn ir-realtà tal-fatti u mhux jintilef fi statistika parzjali, li m’hijiex sħiħa.  Il-fatti li elenkajt hawn anzi juru li hemm iktar nies li qed ibatu fil-partijiet ta’ isfel tas-soċjetà li stqarrijiet bombastiċi żgur m’humiex balzmu għalihom, anzi melħ aħrax fuq fil-feriti miftuħa.



16.7.15

MALTA FILM FUND - RIŻULTATI





17430. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienu r-riżultati finali tal-Malta Film Fund għas-snin 2013 u 2014 u jista’ jindika dan sena b’sena u jistax jindika kemm kien hemm investiment f’dawn il-proġetti u x’kienu r-riżultati ottenuti għal kull wieħed?

26/06/2015

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi r-riżultati finali tal-Malta Film Fund għas-snin 2013 u 2014, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.  Għas-sena 2013, ġew investiti €210,000 fi proġetti filwaqt illi għas-sena 2014 ġew investiti €234,790.  Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti miexi tajjeb u numru ta' proġetti diga tlestew.

Seduta  290
15/07/2015

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...