1. Dik li għadha kif għaddiet kienet sena mill-iktar impenjattiva u interessanti għalina bħala pajjiż, bħala poplu. Għalina l-poplu li aħna mdorrija b’valuri sodi ta’ solidarjetà, li ngħinu lil xulxin fil-mumenti d-diffiċli nafu li dawn l-aħħar xhur ser jibqgħu fil-memorja. It-taqlib li rajna fil-parti ta’ fuq u ta’ taħt tal-Mediterran sawwarna fid-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. Tkissru gvernijiet, inbidlu dittaturi, oħrajn mietu, diversi oħra tilfu ġidhom – l-effetti ta’ dan irridu nqisuh fis-sena li ġejja. F’dawn ix-xhur li għandna quddiemna ser immissu mal-effetti ta’ dawn it-terremoti ekonomiċi u politiċi.
2. Huwa minnu li dawn il-jiem, ġustament, jeħduna fil-passat. Niċċelebraw il-Milied u l-jiem ta’ qabel u ta’ wara b’intensità, sija mill-aspett reliġjuż – dik tat-tfittxija kostanti tal-bniedem għall-verità, kif ukoll minn dak familjari u soċjali. Mingħajr ma rridu ninqatgħu mir-rutina tas-sena u naħsbu fi ħwejjeġ oħra. Fejn ser nisimgħu l-quddies, x’ser insajru, għand u ma’ min ser naqsmu l-kumpanija. Dan huwa sew fih innifsu, ovvjament mhux fl-abbuż, imma fid-dożi ġusti li jżidu u mhux li jneħħu mill-pjaċir.
3. Biss ilkoll nafu li mal-bidu tas-sena rridu nimpenjaw ruħna ferm iktar direttament sabiex ngħelbu l-isfidi li diġà qegħdin naraw li ġejjin, kif ukoll dawk li żgur ser jinqalgħu. Min f’dawn il-gżejjer u f’din id-dinja għandu rasu fuq għonqu jaf li ser ikollna tnax-il xahar ta’ baħar imqalleb sew. Trid impenn, determinazzjoni, perseveranza u dożi qawwija ta’ esperjenza sabiex jiġu affrontati, konfrontati u, sa fejn hu possibbli, megħluba. Meta nħarsu lura u naraw x’ġara fil-Greċja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Portugall nifhmu kemm irreżistejna u ħdimna bil-għaqal. Ħaddieħor ġie mkaxkar mill-eventi u l-popli ta’ dawn il-pajjiżi d-daqqa qed iħossuha sew, mentri aħna bqajna għaddejjin.
4. Minkejja t-taqlib evidenti fil-parti tal-Mediterran, bqajna naraw żieda fit-tkabbir ekonomiku u fil-ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol. Biss, dawn ir-riżultati li ksibna ma jfissirx li waqgħu f’ħoġorna u li huma garantiti għas-sena li ġejja. Irridu nibqgħu naħdmu għalihom fix-xenarju li diġà qiegħed jiżviluppa. Irridu nifhmu li s-sitwazzjoni finanzjarja kompliet taggrava u l-effetti tagħha ser ikomplu jikkumplikaw. It-triq 'l isfel ħadd għadu ma jista’ jiddikjara li waqfet u issa lkoll bdejna telgħin 'il fuq. Nittama li tul is-sena li ġejja nkunu nistgħu ngħidu dan, però għandi ħafna dubji.
5. Il-pajjiż tagħna sa issa rnexxielna nżommuh lura kemm stajna mill-pilloli morri li qiegħed jieħu ħaddieħor. Dan sar għax impenjajna ruħna bil-lejaltà lejn dan il-poplu li vvutalna. Il-ġurament li ħadna li naħdmu kemm nifilħu biex inżommu 'l-poplu miexi 'l quddiem fil-maltemp li għandna, żammejna miegħu sew. Żammejna li naraw li f’kull settur naħdmu b’intelliġenza biex, mid-drapp li għandna, nfasslu kemm jista’ jkun. Inħares madwar il-Kabinett tal-Ministri u jiġu quddiem għajnejja d-diversi passi li ġew meħuda, uħud kbar u wħud żgħar, li servew. Servew biex jibdlu, biex nibqgħu nikbru u ma niġux wieqfa, bħal ma qiegħed ħaddieħor.
6. Hemm ħidma kbira li trid issir fil-jiem li ġejjin – waħda li mhix ser tkun faċli għax meta l-ekonomiji ta’ madwarna mhumiex javvanzaw, aħna ser inbatu wkoll. Biss, nibqgħu determinati li nagħtu s-sehem tagħna bil-valuri li nħaddnu. F’dawn l-aħħar xhur, il-ġustizzja soċjali ma naqsitx u anqas inxteħtet 'il barra. Żammejna d-dimensjoni soċjali fil-politika tagħna. Ma bqajniex lura milli naffermaw li l-bniedem jiġi qabel l-ekonomija. Anzi, ħadna ħsieb li nibqgħu niggarantixxu l-qafas soċjali tal-Istat.
7. L-isfida għalina hija li nkomplu niddefendu dak li għandna billi nkabbru l-ekonomija fil-qafas tal-valuri nsara tagħna. Inħarsu 'l quddiem, preparati li naħdmu bil-forza kollha li għandna għall-ġid ta’ dan il-poplu. Minn qalbi nawgura s-Sena t-Tajba lil kulħadd.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
2 comments:
when will the parole be introduced in Malta?
L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi ser jibda jiddaħħal fis-seħħ minn din is-sena, issa li ġie approvat mill-Parlament fl-istadji kollha.
Post a Comment