Showing posts with label Greċja. Show all posts
Showing posts with label Greċja. Show all posts

4.1.12

Inħarsu 'l quddiem

1.         Dik li għadha kif għaddiet kienet sena mill-iktar impenjattiva u interessanti għalina bħala pajjiż, bħala poplu.  Għalina l-poplu li aħna mdorrija b’valuri sodi ta’ solidarjetà, li ngħinu lil xulxin fil-mumenti d-diffiċli nafu li dawn l-aħħar xhur ser jibqgħu fil-memorja.  It-taqlib li rajna fil-parti ta’ fuq u ta’ taħt tal-Mediterran sawwarna fid-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu.  Tkissru gvernijiet, inbidlu dittaturi, oħrajn mietu, diversi oħra tilfu ġidhom – l-effetti ta’ dan irridu nqisuh fis-sena li ġejja.  F’dawn ix-xhur li għandna quddiemna ser immissu mal-effetti ta’ dawn it-terremoti ekonomiċi u politiċi.

2.         Huwa minnu li dawn il-jiem, ġustament, jeħduna fil-passat.  Niċċelebraw il-Milied u l-jiem ta’ qabel u ta’ wara b’intensità, sija mill-aspett reliġjuż – dik tat-tfittxija kostanti tal-bniedem għall-verità, kif ukoll minn dak familjari u soċjali.  Mingħajr ma rridu ninqatgħu mir-rutina tas-sena u naħsbu fi ħwejjeġ oħra.  Fejn ser nisimgħu l-quddies, x’ser insajru, għand u ma’ min ser naqsmu l-kumpanija.  Dan huwa sew fih innifsu, ovvjament mhux fl-abbuż, imma fid-dożi ġusti li jżidu u mhux li jneħħu mill-pjaċir.

3.         Biss ilkoll nafu li mal-bidu tas-sena rridu nimpenjaw ruħna ferm iktar direttament sabiex ngħelbu l-isfidi li diġà qegħdin naraw li ġejjin, kif ukoll dawk li żgur ser jinqalgħu.  Min f’dawn il-gżejjer u f’din id-dinja għandu rasu fuq għonqu jaf li ser ikollna tnax-il xahar ta’ baħar imqalleb sew.  Trid impenn, determinazzjoni, perseveranza u dożi qawwija ta’ esperjenza sabiex jiġu affrontati, konfrontati u, sa fejn hu possibbli, megħluba.  Meta nħarsu lura u naraw x’ġara fil-Greċja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Portugall nifhmu kemm irreżistejna u ħdimna bil-għaqal.  Ħaddieħor ġie mkaxkar mill-eventi u l-popli ta’ dawn il-pajjiżi d-daqqa qed iħossuha sew, mentri aħna bqajna għaddejjin.

4.         Minkejja t-taqlib evidenti fil-parti tal-Mediterran, bqajna naraw żieda fit-tkabbir ekonomiku u fil-ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol.  Biss, dawn ir-riżultati li ksibna ma jfissirx li waqgħu f’ħoġorna u li huma garantiti għas-sena li ġejja.  Irridu nibqgħu naħdmu għalihom fix-xenarju li diġà qiegħed jiżviluppa.  Irridu nifhmu li s-sitwazzjoni finanzjarja kompliet taggrava u l-effetti tagħha ser ikomplu jikkumplikaw.  It-triq 'l isfel ħadd għadu ma jista’ jiddikjara li waqfet u issa lkoll bdejna telgħin 'il fuq.  Nittama li tul is-sena li ġejja nkunu nistgħu ngħidu dan, però għandi ħafna dubji.

5.         Il-pajjiż tagħna sa issa rnexxielna nżommuh lura kemm stajna mill-pilloli morri li qiegħed jieħu ħaddieħor.  Dan sar għax impenjajna ruħna bil-lejaltà lejn dan il-poplu li vvutalna.  Il-ġurament li ħadna li naħdmu kemm nifilħu biex inżommu 'l-poplu miexi 'l quddiem fil-maltemp li għandna, żammejna miegħu sew.  Żammejna li naraw li f’kull settur naħdmu b’intelliġenza biex, mid-drapp li għandna, nfasslu kemm jista’ jkun.  Inħares madwar il-Kabinett tal-Ministri u jiġu quddiem għajnejja d-diversi passi li ġew meħuda, uħud kbar u wħud żgħar, li servew.  Servew biex jibdlu, biex nibqgħu nikbru u ma niġux wieqfa, bħal ma qiegħed ħaddieħor.

6.         Hemm ħidma kbira li trid issir fil-jiem li ġejjin – waħda li mhix ser tkun faċli għax meta l-ekonomiji ta’ madwarna mhumiex javvanzaw, aħna ser inbatu wkoll.  Biss, nibqgħu determinati li nagħtu s-sehem tagħna bil-valuri li nħaddnu.  F’dawn l-aħħar xhur, il-ġustizzja soċjali ma naqsitx u anqas inxteħtet 'il barra.  Żammejna d-dimensjoni soċjali fil-politika tagħna.  Ma bqajniex lura milli naffermaw li l-bniedem jiġi qabel l-ekonomija.  Anzi, ħadna ħsieb li nibqgħu niggarantixxu l-qafas soċjali tal-Istat.

7.         L-isfida għalina hija li nkomplu niddefendu dak li għandna billi nkabbru l-ekonomija fil-qafas tal-valuri nsara tagħna.  Inħarsu 'l quddiem, preparati li naħdmu bil-forza kollha li għandna għall-ġid ta’ dan il-poplu.  Minn qalbi nawgura s-Sena t-Tajba lil kulħadd.


26.2.10

Il-Greċja ta' Papandreou

1. Ftit xhur ilu kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-Prim Ministru l-ġdid tal-Greċja George Papandreou. L-okkażjoni kienet laqgħa li saret ġewwa Berlin għall-kapijiet ta’ diversi gvernijiet fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt. Hemm kelli l-ħin li niddiskuti miegħu fit-tul sija l-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari, kif l-aħjar wieħed jidħol għaliha fl-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll diversi sitwazzjonijiet internazzjonali. Rajt li huwa ppreparat u anzi determinat li jibda jirriforma dak li l-Greċja għandha.

2. Ir-rapporti diplomatiċi bejnna u l-Greċja huma tajbin ħafna. Naqblu fuq diversi punti ta’ ħidma u nista’ liberament ngħid li fiż-żmien li sibtni nokkupa din il-kariga kelli appoġġ fil-linji ta’ azzjoni li ħadt, jew ppruvajt nieħu. Mort ukoll f’Ateni u xtaqt li jkolli l-Ministru tal-Intern Grieg f’pajjiżna, imma dan ma kellux ikun. Niftakar li Prokopis Pavlopoulos kellu sitwazzjonijiet xejn faċli x’jaffronta, b’diversi rewwixti li qamu fl-ibliet prinċipali. Għal xhur sħaħ għaraq id-demm.

3. Il-problema li wiret dan il-Gvern ta’ Papandreou hija fis-sustanza l-istess li kellu ta’ qabel, salv li meta Karamanlis (li ġie f’pajjiżna u ltqajt miegħu wkoll) kien ipprova jibda proċess tar-riformi neċessarji sab quddiemu ħajt imkaħħal bi strajkijiet, vjolenza fit-toroq u aġir anti-demokratiku mill-anarkiċi. Niftakar waqt li kont f’dik il-belt, li minnha nbdiet ħafna miċ-ċiviltà Mediterranja tagħna, ġejt imgħarraf li ta’ kuljum partijiet minnha kienu qed jingħalqu minħabba dimostrazzjonijiet varji.

4. Il-Greċja għadu l-pajjiż li għad għandu fil-Parlament tiegħu partiti fuq ix-xellug estrem attivi u għalhekk għall-partit konservattiv ta’ Karamanlis kien iktar komplikat sabiex issib tarf, speċjalment tad-dimostrazzjonijiet tal-unions varji. Issa l-Gvern Soċjalista għandu quddiemu defiċit ta’ kważi tlettax fil-mija (13%) li jrid jara kif sejjer b’xi mod iniżżel għal tlieta fil-mija (3%), li huwa aċċettabbli fl-Unjoni Ewropeja taħt ir-regoli ta’ stabbilità finanzjarji. Id-deċiżjonijiet li Papandreou jrid jiffaċċja u jieħu m’humhiex jew ser qatt ikunu faċli. Altru tgħid fuq karta u altru tipprova twettaqhom f’atmosfera ostili għall-aħħar.

5. Id-deċiżjonijiet, u nittamaw, l-id soda fuq ir-riedni taż-żiemel sfrattat ta’ l-Istat Grieg għandhom effett mhux biss direttament fuqhom, iżda anke fuqna. Jekk il-Prim Ministru Grieg iżomm sod allura ma jkollniex l-effetti negattivi li defiċit ta’ dak il-marġini għoli ser inevitabbilment iġib fuq kull membru tal-Unjoni Ewropeja. L-impatt fuq l-ekonomiji taż-żona ewro ser ikun iebes, meta tqis li l-Griegi huma debituri bankarji varji fl-ammont ta’ 300 biljun dollaru. Jekk ma jżommux mal-linja ta’ riforma, d-defiċit tagħhom iġib kriżi finanzjarja oħra.
6. Is-sitwazzjoni hija verament ta’ serjetà kbira meta tikkonsidra li ma nafx x’jonqoshom jagħmlu biex joħorġu mill-kriżi. Hemm diġà ipotekati toroq u l-ajruporti tal-pajjiż. Għandhom kumpannija “Aeolas” li rahnet id-dħul kollu ta’ l-ajruplani għal snin twal, kważi sal-2019. Oħra, l-“Areadne” rahnet id-dħul ta’ l-Istat mil-lotteriji nazzjonali. Il-Greċja daħlet uffiċjalment fil-kategoriji ta’ Stati Ewropej li qegħdin fix-xifer ta’ kriżi mega-finanzjarja u dan mhux 'il bogħod fl-Istati Uniti, imma tefgħa ta’ ġebla 'l bgħid minna.

7. Pajjiżna dan qisu m’huwa xejn. Għal uħud qisu ma teżisti ebda problema barra minn xtutna li ser taffettwana, għax għandek uħud jgħixu f’dinja għalihom. Jgħidu x’jgħidu dawk li ma jridux il-ġid lill-Gvern, però aħna qegħdin ferm aħjar minn ħaddieħor. Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħna hija aqwa minn dik ta’ oħrajn u hemm bżonn li napprezzawha. Jekk naġixxu b’mod irresponsabbli nispiċċaw li nkissru dak li, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa fl-interess ta’ kull min jgħix f’dawn il-gżejjer li jinżamm. Bħall-ġudizzju ta’ Salamun, il-poplu jagħżel min huwa favur li jippreserva l-ġid tat-tarbija, mhux li joqtolha billi jħarbatha.


Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Illum tal-21 ta' Frar 2010

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...