2.12.25

IX-XGĦAJRA - RESTAWR TA’ LAPIDA

32650. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fil-ġnien bejn l-aħħar parti ta’ Triq Qaċċawiet u Dawret ix-Xatt fix-Xgħajra, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?

 

25/11/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li r-restawr tal-lapida f’dan il-ġnien ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

 

Seduta  416

01/12/2025

IX-XGĦAJRA - RESTAWR TA’ LAPIDA

32649. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fix-Xgħajra int u sejjer lejn il-Kalkara, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?

 

25/11/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li r-restawr tal-lapida f’din it-triq ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

 

Seduta  416

01/12/2025

HERITAGE MALTA - OFFERTA

32648. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta’ Heritage Malta u x’passi ttieħdu senjatament dwar l-offerta li saret mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar fdalijiet misjuba f’Għar Dalam?

 

25/11/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li Heritage Malta wieġbet għal din l-istqarrija pubblikament, u t-tweġiba tagħha ġiet ippubblikata fil-ġurnali lokali. Id-diskussjonijiet mal-Prof. Aida Gómez-Robles komplew, tant li din il-Professoressa tagħmel parti minn tim ta’ esperti minn istituzzjonijiet internazzjonali, li flimkien ma’ Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Università ta’ Malta qed iwettqu għadd ta’ studji tekniċi u speċjalizzati fuq dawn il-fdalijiet. Dawn l-istudji għadhom għaddejjin u jiġu ppubblikati meta jkunu lesti.

 

Seduta  416

01/12/2025

MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI - FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA

32357. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefika l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

 

18/11/2025

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

 

Seduta  416

01/12/2025

MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI – FONDI U PROGRAMMI TAL-UNJONI EWROPEA

32356. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32116 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

 

18/11/2025

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

 

Seduta  416

01/12/2025

IL-BIDLA POLITIKA

1. Biex titkellem dwar il-varjetà ta’ bidla politika mhuwiex diffiċli. Però huwa iktar dak li qiegħed fil-fatt tipproponi fis-sustanza tal-proposti tiegħek. Dawk li tressaq għax taħseb li oħrajn ser jaqblu miegħek dwarhom biex iżżid il-voti, jew inkella, aqwa, dawk li tħoss verament f’qalbek u ruħek li għandhom isiru. Hemm differenzi oħra bejn dawk li jingħadu biex ikunu ngħadu f’sitwazzjonijiet maqtugħa minn xulxin u dawk li jsegwu programm loġiku. Hemm dawk li jingħadu b’reazzjoni għal dak li jgħid ħaddieħor u li jsiru fl-ispirtu tal-mument. Hemm oħrajn li jsiru mingħajr bidu u mingħajr kuntest loġiku. Biss, f’dan kollu nibqa’ nifhem li l-bidla vera hija dik ibbażata fuq il-ħsieb u f’kuntest ta’ programm politiku ċar u maħsub b’kemm il-moħħ tal-bniedem jagħtih.

Il-qari politiku


2. Id-direzzjoni t-tajba li wieħed jista’ jieħu mill-formazzjoni politika serja hija dik li titmexxa minn qari ta’ kotba mimlija direzzjonijiet. Fil-verità hemm il-politika li ssir mingħajr dan, li hija ifqar minn dik li ssir bih. Huwa proprju għalhekk li jekk irridu nitkellmu fuq bidla politika fil-kuntest storiku tal-lum irridu nagħrfu din il-verità. Anzi iktar, irridu nippreparaw irwieħna għas-serjetà tas-sitwazzjoni sabiex nifhmu dak li hemm bżonn jinbidel u kif ser inwettqu din il-bidla. Min jaħseb li huwa tant intelliġenti li m’għandux bżonn dan il-proċess qiegħed, fil-fatt, jidħaq bih innifsu. Nieħu pjaċir nara iktar parteċipazzjoni politika, imma ninkwieta meta nara li hemm diversi li ser jinħarqu għax għadhom mhumiex ippreparati.

L-immaġini

3. F’dan hemm dawk li qed jilludu rwieħhom li tista’ titwettaq kampanja politika bażata fuq kif tidher. Fil-kundizzjonijiet inevitabbli li f’dan il-mument hemm abbandun tax-xiri u tal-qari tal-gazzetti u t-teħid tal-ħin għall-informazzjoni jew il-fatti qed jingħata lill-mezzi soċjali. Dawk li fir-realtà huma bażati fuq ritratti sbieħ jew le fejn il-messaġġ huwa sekondarju. Hemm min qiegħed jipprova jibdel biex jagħti aktar sustanza politika, storika u letterarja, imma xorta dan mhux popolari. Biss anki jekk hemm kalatura politika fir-ritratt, xorta waħda hemm parti sostanzjali tas-soċjetà li mhijiex interessata f’dan u li anzi qed titlob iktar sustanza milli dehriet.

Fortunati

4. F’dan ukoll ngħid li, f’ħafna sens, il-ġenerazzjoni li jien parti minnha kellna vantaġġi differenti. Kellna iktar lil min jimbuttana lejn il-qari u kellna wkoll lil min kien attent sabiex ikollna kotba li stajna naqraw u li anzi ridna naqraw iktar minnhom. Tul din il-ġimgħa sellimna l-memorja ta’ persuna partikolari li f’dan għen ħafna. Arthur Gruppetta, li nafuh direttament mid-diversi kotba bil-Malti li konna nsibu f’idejna proprju bil-mod li bih biddel il-Merlin Publishers. Niftakarni naqra l-kotba varji tal-famuż Fra Mudest ta’ Charles Casha. Bħal sħabi qattajt ħafna ħin naqra, u għadni niftakar sal-lum id-diversi stejjer minn tiegħu. Is-Sur Gruppetta kien, fil-karattru ġentili tiegħu, miftuħ u mill-iktar umli: dak li kellu viżjoni, ideat u sustanza li permezz tagħhom wettaq b’abbiltà kbira bidla li għadha magħna sal-lum.

Ċertament telfa

5. Is-sejħa tiegħu lura għand il-Ħallieq tagħna hija telfa għalina. Ħalla warajh eżempju u memorja mill-isbaħ. Fuq naħa dak li huwa mis-sewwa jikber u jitkattar. Fuq l-oħra dik li kellu sehem dirett fil-formazzjoni ta’ ħafna, proprju għax kien kapaċi jidentifika u jressaq quddiemna aġenda ċara, bażata fuq il-valuri u l-ideat li bihom iffurmajna aktar ruħna. Vuċi unika f’dan iż-żmien li jrid jitlef l-għerf tal-missirijiet biex jiġbor l-injoranza tal-ġurnata. Bnedmin li kellhom fiduċja fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda sabiex bil-gwida t-tajba jimxu ’l quddiem. Bniedem li jixraqlu attenzjoni u rikonoxximent fil-wirt li qed iħallilna.

Eżempju


6. F’dan aktar wieħed irid iħares ’il quddiem sabiex nassiguraw li l-politika futura tagħna tkun waħda bażata iktar fuq is-sustanza. Jekk irridu bidla fil-pajjiż irridu nibdew niddiskutu iktar fil-fond sabiex insibu: l-ewwel, bil-preċiż dak li jrid jinbidel; u t-tieni, il-proċess, metodu u alternattiva sabiex dan iseħħ. Hija sfida politika li nistgħu nieħdu jew inkella li nistgħu nħallu fil-ġenb. Dan għax jekk trid issir, allura taħrab mill-politika tal-inqas u tal-għażż u tmur lejn dik tal-iktar u tal-ħidma ħawtiela. Is-sejħa qed issir lilna u għal darb’oħra rridu nifhmu li hemm differenza bejn kwantità u kwalità. Nifhmu li jekk trid issir fl-ispirtu u fi proċess demokratiku trid aktar bnedmin jieħdu sehem attiv fiha.

Inħares ’il quddiem

7. F’dan aktar għax għandna iktar żmien għad-dispożizzjoni tagħna. Il-fatt li kif qed jiġi dikjarat mhuwiex ser ikollna elezzjoni bikrija, anzi, kif qed nara l-affarijiet illum ser ikun hemm leġislatura sal-aħħar tagħha, hija iktar okkażjoni għalina. Aktar u aktar meta qiegħed jidher li l-Gvern qiegħed inaqqas mill-viżjoni, l-ideat politiċi u fejn il-kunsens elettorali tiegħu qiegħed jonqoslu. Daqt nidħlu fil-perjodu tal-Milied u dak kollu li dan iġib miegħu. Waqfien ta’ attività politika parlamentari imma f’dan aktar żmien għad-dispożizzjoni tagħna lejn preparazzjoni ta’ politika ta’ sustanza. Biex ikollna bnedmin li jridu jivvutaw aktar għalina u mhux sempliċement kontra l-Gvern irridu ngħaddu minn dan il-proċess.

Jissudana

8. Dan għax matulu nissudaw iktar fid-determinazzjoni tagħna, fil-preċiżjoni tal-ħsieb u fil-viżjoni ta’ proġett politiku veru. F’dan inkunu aktar il-politiċi li l-poplu li mhuwiex jivvota jrid. Inkunu aktar dawk li kapaċi jwettqu soċjetà aħjar milli għandna, fejn almenu l-valuri li nħaddnu jitħaddmu. Inqas artifiċjalità u iktar proposti konkreti li tant hemm għatx għalihom. Dawk ta’ qabilna tawna eżempju f’dak li jgħodd u hemm bżonn ir-rieda li jkollna l-kuraġġ sabiex nidħlu sew għal din il-bidla. Il-bieb huwa miftuħ. Nappella sabiex iktar nies jingħaqdu magħna fil-bżonn tal-bidla politika li pajjiżna jeħtieġ.

25.11.25

L-AGĦAR JATTAKKA L-AĦJAR

1. Il-ħsieb irid jiġi kkultivat, immaturat, mgħejjun sabiex jikber u jrendi l-ġid lill-bniedem. Mingħajr din l-attività nitilfu ħafna minn dak li aħna għandna nkunu verament. Dan sija fil-persuna tagħna stess: min aħna u fejn nimmiraw li nkunu, kif ukoll f’dik tas-soċjetà li ngħixu fiha, f’dik li rriduha tkun. Nistgħu nkunu ordinati, organizzati, attivi u nħarsu ’l quddiem bħala umani. Nistgħu nassiguraw li kemm jista’ jkun naġixxu sewwa fil-ħsieb li kull azzjoni tajba jew ħażina li nwettqu, biha ser naffettwaw lill-oħrajn, l-ambjent soċjali fis-sħiħ. Att tajjeb, fih innifsu, imiss lilna direttament. Inħossuna aħjar u nafu li mixjin fit-triq it-tajba. Dan imiss, direttament u indirettament, lil dawk li huma madwarna.

Kif għandna nkunu

2. Il-bniedem ilu sekli sħaħ jiddibattu u jikteb f’kif jaħseb li hu l-aħjar mod li bih is-soċjetà tiġi mibnija u organizzata. Uħud dehru li qed jitkellmu mingħajr kuntest jew realtà. Imma diversi kienu qed jirriflettu fuq is-sitwazzjonijiet soċjali u politiċi li kienu fihom. Uħud aċċettaw dak li kien hemm u b’pariri ppruvaw jibdlu lir-renjanti, lil dawk li kellhom il-poter assolut f’idejhom. Oħrajn ħolmu b’soċjetà ġdida differenti, qisu d-dinja setgħet tibda ddur mill-ġdid. Proġetti li wara Sir Thomas More (1478-1535), bil-ktieb tiegħu Utopia (1513) ġew ikklassifikati bħala ‘utopistiċi’. Dawk li wħud raw, f’dak li dan il-qaddis kiteb, il-proġett ta’ soċjetà li ma tistax tieħu l-ħajja. Dan għax għalkemm mibnija fuq premessi u intenzjonijiet mimlija bil-valuri, kienet qed tinjora lill-bniedem f’dak li hu u f’dak li l-istorja għaġnitu li jkun.

Xorta waħda

3. Warajh ġew diversi bi proġetti politiċi li wħud ġew implimentati f’termini puristi u oħrajn le. Karl Marx u d-dixxendenti tiegħu għaddew minn dan. Dak li seħħ fl-Unjoni Sovjetika hemm min jgħid li ma kienx it-twettiq kif kellu jkun, oħrajn le. Il-fatt però jibqa’ li miegħu ġew diversi oħrajn, f’reazzjonijiet varji, bl-isfumaturi żbaljati li n-Nażiżmu u l-Faxxiżmu ġiebu magħhom. Ħolm ta’ soċjetà perfetta, mibnija fuq is-suppost bnedmin perfetti u puri. Direzzjonijiet varji li meta mfassla fuq utopiji imprattikabbli, u inzi aktar indirizzati fuq kunċetti anti-umani, li jmorru kontra n-natura u d-dinjità tal-bniedem, ifallu. Xorta hemm diversi atti li saru li wieħed irid jikkonsidra u jeżamina sabiex jifhem x’effett u x’impatt kellhom fuq l-istorja u l-Istati. Xorta aktar li l-bniedem ma qatax qalbu milli jittama li huwa kapaċi jibni proġett utopiku li huwa iktar realistiku minn oħrajn qablu jew miegħu.

Wieħed għandu jistaqsi

4. F’dan, quddiem il-fallimenti ta’ proġetti politiċi fuq il-lemin u fuq ix-xellug fl-estremiżmi tagħhom, fil-puriżmi apparenti tagħhom, hemm pożizzjonijiet li żviluppaw. Iktar u iktar f’dawn it-tmenin sena mit-tmiem tal-aħħar gwerra dinjija jidher li barra l-paċi u l-organizzazzjoni nterna Ewropea waqfu dawk li kitbu kotba utopiċi ġodda kif nafuhom. Id-domanda li però baqgħet tiġi mistoqsija f’moħħ diversi, u hekk għadha. Ideat u kunċetti li l-perit u filosfu Amerikan Richard Buckminister Fuller (1895-1983), fil-ktieb miġbur mid-dixxendenti Utopia or Oblivion (2008) iħares fihom. Ktieb li, fl-introduzzjoni tiegħu, jibda b’dawn il-kliem: “All of humanity now has the option to “make it” successfully and sustainably, by virtue of our having minds, discovering principles and being able to employ these principles to do more with less.” (L-umanità kollha issa għandha l-għażla li “tirnexxi” b’suċċess u b’sostenibilità, bil-gwida li nidderieġu l-imħuħ tagħna biex jiskopru prinċipji li bihom ikunu kapaċi jwettqu iktar b’inqas.”

Dibattitu kontinwu

5. F’dan il-punt, fin-nuqqas ta’ kunċetti ġodda “utopistiċi” sibt ktieb interessanti li jiddibatti dan kollu fi sfond iktar preċiż u miftuħ: passat, preżent u futur. Il-ktieb Occidente senza utopie (2016) fih is-sabiħ ta’ żewġ trattati ta’ bnedmin intelliġenti u li huma akkademikament u politikament impenjati. Qrajt dak li l-istoriku u politiku Paolo Prodi (1932-2016), (li kien jiġi ħu l-ex Prim Ministru Taljan Romano Prodi), kif ukoll dak li l-filosfu u politiku Massimo Cacciari (1944) kitbu. It-tnejn b’linji etiċi differenti, imma jaqblu li hemm bżonn li l-bniedem jibqa’ joħlom u jħares ’il quddiem. Mingħajr dan, il-bniedem u s-soċjetà li jgħix fiha, imorru lura. Element neċessarju fl-eżistenza umana.

Ideat


6. It-tnejn huma trattati fi sfond akkademiku qawwi, però b’ħafna għerf politiku li tawhom l-esperjenzi diretti rispettivi tagħhom. Dawk li fil-ħajja tagħhom it-tnejn jindikaw li għad hemm lok għall-Utopija u li għad hemm bżonn ta’ bnedmin li jħarsu ’l quddiem f’dak li s-soċjetà għandha tkun. Difatti Cacciari jgħidilna hekk, fi kliem mill-iktar rilevanti għal-lum: “Sicurezza e pace non potranno mai essere garantite se Politica e Accademia non celebreranno indissolubili nozze. È la natura stessa dell’impresa scientifica a esigerle.” (Is-sigurtà u l-paċi ma jistgħu qatt ikunu garantiti jekk il-Politika u l-Akkademja ma jiċċelebrawx żwieġ li ma jinħallx. Huwa min-natura stess tal-kunċett xjentifiku li jitlobha.) Punti li jfakkruna iktar li jekk dan ma jsirx ser ikollna iktar politika amministrattiva, kif diversi uffiċjali tal-Gvern jissugraw li jkunu, minn dawk li kapaċi jibnu soċjetajiet aqwa milli għandna.

Sewwa nittamaw


7. F’dan, f’soċjetà fejn il-politika abbandunat l-ideoloġija taħt il-ħsieb li m’għadhiex iktar rilevanti, wieħed jistaqsi jekk dan huwiex minnu jew huwiex ir-raġuni ta’ deklin b’mod partikolari magħna li ninsabu fl-Oċċident. Dan fis-sens li għad għandna partiti politiċi li għandhom kunċett ċar fil-politika tagħhom ta’ x’tip ta’ soċjetà għandu jkollna. Meta wieħed jistaqsi l-politika xi trid twettaq ma ssibx linja sħiħa bażata fuq prinċipju etiku uniku, imma varjetà ta’ ideat li ħafna drabi anqas ma jiffunzjonaw jew jistgħu jiffunzjonaw flimkien. Dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li fl-għażla li ġejja, il-Gvern irid iżomm il-poter f’idejh taħt il-messaġġ indirett li huwa hu biss li kapaċi jamministra tajjeb il-pajjiż, u huwa minħabba dan li jista’ jkun hemm xi forma ta’ progress.

L-Isfida u l-Proposta

8. F’dan, ovvjament, għal min irid iħares li jibni pajjiż oċċidentali bħal tagħna li jkollu kunċett ta’ ‘Utopia’ pożittiv u ċar ġej minn isfel għal fuq ċert li jagħraf li għandu s-sogru qawwi li jiġi akkużat li dan huwa fil-ħolm li ma jitwettaqx. F’dan wieħed irid jistaqsi ma’ dawn l-awturi proprju kemm hemm lok għat-tama. Cacciari, fil-ħsieb tiegħu, jgħidilna hekk: “Filone, soprattutto in Quod deterius, era giunto quasi a identificare essenza dell’uomo e speranza: ‘che cosa è più proprio dell’uomo della speranza? ‘solo chi è capace di sperare è uomo, il disperato non è uomo. Vivere è vivere nella speranza ripeterà Agostino. Ma la fondatezza della speranza è più entrambi “gioia prima della Gioia”, e proviene dalla fede in Lui.” (Filone, il-filosfu Lhudi, l-iktar fil-ktieb tiegħu Quod deterius potiori insidiari soleat, jasal viċin l-essenza tal-bniedem u t-tama: ‘x’inhuwa l-iktar proprju fil-bniedem mit-tama? Huwa dak biss li kapaċi jittama li huwa bniedem; l-iddisprat mhuwiex hekk. Li tgħix huwa li tgħix bit-tama, jirrepeti Santu Wistin. Imma l-bażi tat-tama hija iktar f’daqqa, hija “l-ferħ qabel il-Ferħ” u ġejja mill-fidi f’Alla.) F’dan nibqa’ nittama li nkun kontributur lejn proġett politiku ċar u futur. Nibqa’ nħoss fija l-ferħ qabel il-Ferħ li dan jista’ jsir għax hemm bażi fuq x’jista’ jsir. Għax l-agħar, minnu nnifsu, jattakka l-aħjar.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...