7.7.22

Mhux ser iżommuna

 


1.      Jingħad x’jingħad, resqin lejn tmiem din il-leġislatura.  Waħda mimlija ferm iktar minn ta’ qabel.  Miżgħuda, anzi, b’kumplikazzjonijiet u sfidi uniċi.  Fl-istorja parlamentari, dawn il-ħames snin kienu partikolari.  Kienu mimlija mrar għal diversi.  Kienu għaddejja f’dellijiet varji.  Dawk umani u dawk li n-natura, fil-pandemija, ġiebet.  Ikun żball min jaħseb li konna fin-normalità.  Ma konniex, u m’aħniex.  Għaddejna kif aħna fl-imqalleb li ma jistax isib serħan.

 

Instabilità

 

2.      F’dan kollu, bqajna nagħtu servizz u nirrappreżentaw lill-poplu.  Il-pożizzjoni politika, f’dawn iċ-ċirkostanzi esiġiet dan fuq żewġ livelli.  L-ewwel: dak li kull deputat fil-Kamra huwa mistenni li jwettaq.  It-tieni: fir-realtà politika li s-sitwazzjoni gravi li ninsabu fiha li huwa gvern ġdid u differenti li jista’ jneħħi.  Kien hemm opportunitajiet, fl-aħħar sentejn, li ma tteħdux.  Kien hemm min ta parir jew ifforma l-opinjoni li ż-żmien ser isolvi.  Dare tempo al tempo.  Imma, minflok, aggravat.  Jum wara jum, bl-iżviluppi li rajna, hawn iktar instabilità u diffikultà biex tibdel.

 

Sinerġija

 

3.      Kien dak iż-żmien, għal diversi f’waqtu, li kif inbidel il-Mexxej tal-Partit Laburista, wieħed imur għal elezzjoni ġenerali.  Jintalab mandat ġdid mill-elettorat u ħadd ma jiddependi fuq is-suċċessi u l-maġġoranzi tal-mexxej ta’ qabel.  Dan ma sarx, fil-ħsieb varju u fin-nuqqas ta’ aptit li tmur għas-sentenza mill-ewwel.  Dak li pprova jiġi mibni, fuq il-biċċiet tat-torrijiet imfarrkin li kien hemm, ma setax jaħdem bħal qabel.  Is-sinerġija u l-kordinazzjoni, mingħajr il-kordinatur passat, ma ħadmitx kif kienet.  Il-kurrenti li kien hemm naqqsu fl-intensità u fil-fiduċja reċiproka, kif qed naraw.

 

Interessi

 

4.      Forsi rebħu interessi varji li kienu magħquda qabel seħħ it-trasferiment tal-poter.  Forsi dawn kienu konvinti li kollox ser ikun kif kien.  Forsi ħasbu li l-bnedmin mhumiex rilevanti, u anke jekk inbidlu, xejn ma jolqothom.  Imma lkoll nafu, mill-esperjenza, li bnedmin differenti jiġu b’ħidmiet u ideat oħra.  Beda, u għadu għaddej proċess ta’ taqbil bejn merti u demerti tal-bnedmin fil-poter. Imma l-iktar evidenti kien li ntilef proċess essenzjali fid-demokrazija.  Spiċċa f’daqqa dak li politiċi varji fil-Partit Laburista kienu ġabru magħhom.  Dik il-memorja kollettiva fil-ħidma ta’ kull partit.  Dik li tikber u tiġi mill-fatt li għax kienu servew fit-tul kellhom l-għeruq  mal-bnedmin li jirrappreżentaw fl-ideat u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

 

Il-konsegwenzi

 

5.      Illum, il-pożizzjoni politika kkargat iktar fil-gravità. Dak li kellna sentejn ilu żdiedlu ħafna iktar miegħu.  Daħlet inċertezza affermata.  Daħlet malinkonija stramba.  Daħal iktar sens li ma hemmx soluzzjoni vera għall-problemi attwali.  Pożizzjonijiet li welldu f’uħud l-idea li ħadd u xejn m’huwa tajjeb għalihom.  Iduru huma wkoll mal-kantunieri, jistennew il-politiku perfettissimu jew rinkarnazzjoni ta’ idolu passat tagħhom.  Aġir uman li qiegħed iservi biex jibgħat messaġġ li ħadd m’huwa tajjeb għalihom biex imexxi pajjiż kumplikat bħal tagħna.  Ħidma żbaljata, għax politiċi tajba hemm, u bnedmin kapaċi jbiddlu wkoll.

 

Insistenza

 

6.      Iktar ma nara dan, u l-effetti xejn tajba għat-tessut demokratiku u l-pożizzjoni soċjo-ekonomika tagħna, iktar għandna nagħżlu li nippersistu fis-sewwa.  Nippersistu biex ikun hemm tama ġdida għal dan il-pajjiż.  Jekk dan il-Gvern jibqa’ fil-poter ser ikun iktar diffiċli sabiex il-bidliet li hemm bżonn isiru jseħħu.  L-ewwel, fil-miżuri nfushom.  It-tieni, fil-piż politiku li jingħata fost il-poplu u dawk li għandhom x’jaqsmu magħna.  Il-problema f’dan mhix l-Oppożizzjoni, imma l-Gvern, li fuqu hemm il-piż tar-responsabbiltà.  Dik li għandu jġorr bħal kull wieħed ta’ qabel.  Jieħu u jagħti kont ta’ dak li seħħ u jieqaf iwaħħal fl-istituzzjonijiet demokratiċi.

 

Ieqaf

 

7.      Fid-demokrazija huwa essenzjali li kull min qiegħed fl-Eżekuttiv, b’mod speċjali, jifhem li meta jattakka l-Ombudsman, il-Qrati, l-Awditur Ġenerali, il-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ikun qiegħed iweġġa’ lilu nnifsu.  Jekk politiku huwa fil-poter ministerjali, qiegħed hemm jirrappreżenta mhux biss lill-kostitwenti tiegħu, imma lill-Istat Demokratiku.  Jekk huwa stess iċekken, jiddisprezza, javvelixxi tastieri vitali, ikun qiegħed inaqqas mill-valur tal-pajjiż sħiħ u tiegħu nnifsu, li għandu jkollu l-unur li jirrappreżenta.  Iktar u iktar meta dawn l-akkużi jikkumplikaw l-ambjent parlamentari fix-xejn.  Din hija demokrazija, u mhux battalja militari medjevali.

 

Għoli tal-ħajja

 

8.      Iktar u iktar illum, meta l-pajjiż għandu diversi problemi soċjali.  Dawk li qed imissu direttament il-bwiet tal-bnedmin fuq din il-gżira.  Ħafna jafu li l-ħajja għoliet fl-affarijiet u l-prodotti essenzjali.  Hemm min qiegħed jara żidiet ta’ 20%, li mhumiex traskurabbli.  Hemm min ma jistax ilaħħaq f’żewġ kategoriji.  Dawk li diġà kienu ħażin, ċertament, imma issa l-klassi qegħda tara iktar membri jidħlu fiha.  Fejn jinħeba l-ħin kollu l-fatt li l-pern ta’ ħafna hija wkoll il-greylisting tal-FATF li l-Gvern irid jaħrab u jnessi.

 

Inkunu aħjar

 

9.      Għax ħadd mill-Gvern ma jissogra jgħid kemm inkunu, ċertament aħjar, jekk nitneħħew minn fuq din il-lista.  Kemm nibdew nieħdu r-ruħ.  Kemm nerġgħu naraw lura dak li telaqna.  Nifhmu li hemm min jaħseb li ma jaqbillux li jinbidel il-Gvern.  Nifhmu iktar li hemm min għandu interess li ma jkunx hemm bidla, u tibqa’ din il-maġġoranza.  Imma r-realtà politika hija waħda.  Jekk ikun hemm il-bidla, huma x’inhuma d-difetti umani li l-Partit Nazzjonalista għandu, xorta ħa jwassal fejn il-Gvern preżenti ma jistax.  Nifhmu li hemm min moħħu biex jaqtagħlna qalbna, sabiex ma nkomplux naħdmu għal din il-bidla ferm u ferm neċessarja.  Imma nassigurawh li xejn m’huwa ser iżommna milli nkomplu naħdmu determinati għall-ġid tal-poplu tagħna.

 

 

Enigmi f’Ħal Tarxien

 


 

1.      Nikteb dan l-artiklu bi skop wieħed u ċar.  Dak li minnu nittama li jseħħ il-ġid.  L-iktar, huwa appell fuq widnejn il-Gvern sabiex il-proġetti li ġew imwegħda, jsiru.  Kif ukoll li dawk li jinbnew ma jdumux għaddejja x-xhur.  Hemm bżonn aktar attenzjoni għal dak li r-residenti f’Ħal Tarxien qegħdin imissu kontinwament magħhom.  Jixirqilhom li jingħataw aktar widen f’dak li qegħdin imissu jum wara jum.

 

Urbs Antiqua Fuit

 

2.      Virġilju hekk irrefera u kiteb fl-Enejde.  Ħal Tarxien hekk huwa: raħal antik sew, li għandu l-evidenza ta’ dan.  Nafu lkoll bit-tempji preistoriċi tiegħu, fejn kull sena jiġu kwantità ta’ turisti.  Proprju dan il-post, li fih il-bniedem ilu jgħix, wieħed jippretendi li jkun hemm din l-attenzjoni.  Illum hemm ‘il fuq minn tmint’elef persuna jgħixu.  F’post fejn bil-permessi tal-bini li ħarġu, qiegħed issa jitlef mill-karattru veru tiegħu.

 

Servizzi bankarji

 

3.      F’dawn l-aħħar xhur, speċjalment għall-anzjani, kibret id-diffikultà.  Ingħalaq bank li kien iservi ħafna bżonnijiet tar-residenti.  Illum, anqas ATM ma hemm li jistgħu jużaw.  Ressaqt domandi parlamentari dwar dan biex inġib għall-attenzjoni tal-Ministru tal-Finanzi din il-pożizzjoni.  Ir-risposta kienet[1] li ma jista’ jsir xejn, għax hija “deċiżjoni kummerċjali”.  Nifhem, però nippretendi li almenu l-Gvern iġibilhom għall-attenzjoni kemm hemm bżonn dan is-servizz sabiex inaqqas mit-tbatija.  Kuljum, biex wieħed jinqeda jrid imur f’lokalità oħra.

 

Għassa

 

4.      L-istess diffikultà qed isibu r-residenti fl-Għassa tal-Pulizija, għax din ma tkunx miftuħa.  Hemm servizz ta’ ‘intercom’, però ma hemmx min huwa preżenti, u jekk wieħed irid jagħmel rapport irid jinżel Raħal Ġdid.  F’domanda li ressaqt[2], it-tweġiba ċara kienet li hemm lok li l-Għassa tiġi miftuħa u tinfetaħ “skont l-esiġenzi tas-servizz”.  Nifhem dan, imma ftit jirrealizzaw kemm żdiedu r-residenti u l-bżonn, għalhekk, ta’ iktar pulizija li jafu l-post sew u ‘l-bnedmin li jgħixu fih.

 

Pjazza u zuntier

 

5.      Infakkar li fl-14 ta’ Mejju 2019 kienet saret konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza u fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali.  Diversi ministri kienu preżenti, u hemm ħabbru li ser issir riġenerazzjoni taz-zuntier u pavimentar ġdid tal-Pjazza.  Proġett ċertament tajjeb.  Biss, wieħed naħseb li ma jiżbaljax jekk jippretendi li wara tmienja u tletin (38) xahar skorruti kellna naraw il-bidu tax-xogħol.  Mhux qed ngħid ilestuh, imma almenu jibdewh.  Minflok, wara żewġ domandi parlamentari[3] jirriżulta li Infrastructure Malta tinsab “fil-proċess li tagħmel id-diżinn tal-pjazza u z-zuntier”.  Jiġifieri għadha trid tibda biex tfassal il-pjani tekniċi u li terġa’, kif qaluli, “għaż-żmien li ġej ser jiġu finalizzati”.  Il-post jixraq li jkun hemm konsultazzjoni vera dwar dak li għandu jsir, u ma nsibux wieħed li ħadd ma jaqbel miegħu.  Però, aktar minn hekk, jixraqlu li jsir u li jsir b’iktar veloċità.

 

Toroq varji

 

6.      Dan huwa wkoll il-pass, mhux proprju ħafif, li biha saru jew qed isiru t-toroq f’Ħal Tarxien.  Ħafna jafu kemm toroq prinċipali kienu u damu magħluqa, bid-diffikultajiet varji u nkonvenjent għar-residenti.  Ħafna drabi, sfortunatament, mingħajr kordinazzjoni.  Mingħajr pjan tingħalaq triq użata sew mir-residenti u mit-traffiku mingħajr ma tinfetaħ.  Fl-istess ħin, l-inkonvenjent għall-anzjani li jridu jimxu jikber sew fl-art li ma tkunx proprju livell.  Ftit pjanar jgħin, imma dan mhuwiex isir.

 

Triq il-Knisja

 

7.      Bħalissa Triq il-Knisja, fil-fatt tinsab magħluqa.  Wieqfa.  Beda jsir ix-xogħol, però dan kellu jieqaf għal raġunijiet tekniċi.  Jidher li qabel inbeda ma sarux il-preparazzjonijiet li jsiru s-soltu, u għalhekk kellu jieqaf.  Ma kienx hemm kordinazzjoni mal-aġenzija kollha, u dan fisser li hemm arterja importanti magħluqa.

 

F’toroq oħra

 

8.      L-istess jidher li seħħ f’numru ta’ toroq prinċipali.  Bħal fi Triq Birżebbugia, li ġiet maqlugħa u magħluqa diversi drabi.  Daqqa għal raġuni, u daqqa għal oħra.  Fejn kelli wkoll ministri li jgħiduli li l-ieħor huwa responsabbli[4] sakemm forsi tkun lesta.  Biss, fil-frattemp it-triq ingħalqet regolarment, b’inkonvenjent lir-residenti.  U dan, l-istess seħħ fi Triq Paola, fejn ix-xogħol beda wkoll fil-bidu tas-sena u baqa’ għaddej għal xhur sħaħ.  Kif ukoll fi Triq Xintill, li hija wkoll sabet ruħha daqqa fuq naħa, u daqqa fuq oħra, magħluqa.

 

Futur

 

9.      Ħal Tarxien jixraqlu ferm aħjar.  Jixraqlu li jkollu aktar attenzjoni u li x-xogħol li jinbeda jsir b’attenzjoni u fl-inqas żmien possibbli.  Nafu li hemm toroq oħra li għad iridu jsiru, u oħrajn li beda x-xogħol fihom.  Nittama li jittieħdu l-passi tal-inqas inkonvenjent.  Ċertament, il-proġett taz-zuntier u tal-Pjazza hemm iktar lok li jinbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwaru, jiġi ppreżentat għall-pubbliku u jinbeda.  Nittama li dan l-artiklu jservi għall-ġid.  Iservi sabeix dan l-appell favru ir-residenti tarxiniżi ma jaqax fuq widnejn torox, imma jitqiegħed fis-seħħ.



[1] Domanda 22219

[2] Domanda 20365

[3] Domandi 22148 u 22147.

[4] Domandi 19007 u 19008

Mhux beħsiebna nċedu

 


1.     Qegħdin, għal darb’oħra, fi sfida determinanti għal pajjiżna.  Sfida biex ma nċedux quddiem kultura li trid lil kulħadd jibqa’ lura fis-silenzju biex ikun l-istess fil-ħsieb u fil-konformazzjoni.  ‘Il bgħid minn kultura li tħares lejn il-bniedem bħala wieħed mingħajr l-aspetti, il-valuri uniċi tiegħu.  Fejn l-effett huwa li bilfors, ilkoll, ikollna nintrefgħu fuq xkaffa impersonali disordinata ta’ ideat imxerrda bla fundament.

 

Raġġ ta’ tama

 

2.     Bdejna l-ġimgħa b’messaġġ ta’ tama.  Wieħed li twieled mill-vot favur id-deputata Ewropea Roberta Metsola.  Wieħed li welled lura t-tama li hemm politiċi tajba u b’esperjenza fil-Partit Nazzjonalista.  Persuni kapaċi jiġbru kunsens fuqhom f’pożizzjonijiet li, għal uħud, kienu impossibbli.  Politiċi li jsarrfu ruħhom bħala strumenti li jwasslu, ma’ oħrajn, għall-bidliet li huma neċessarji fl-Unjoni Ewropea.  Unjoni li qegħda f’mument ta’ sfida, li qegħda tfittex li ssib lura l-għeruq Insara li ffurmawha.

 

Taħwid

 

3.     Fit-taħwid u l-kumplikazzjonijiet qawwija li l-pożizzjoni politika f’pajjiżna qegħda ssarraf, hemm bżonn iktar ħidma, hawn, għall-ordni.  Ħidma li titwieled, fuq naħa, mill-għarfien aħjar tal-kawżi u effetti li qed naraw.  Fuq l-oħra, fil-bżonn li ma nċedux għal dak li ser jiżviluppa.  L-instabilità politika tidher iktar evidenti li qegħda tikber.  Għax inqabdet issa linja li minnha l-Partit Laburista fil-Gvern irid jiftaħ paġna biex jafferma l-poter intern preżenti fuq dak apparentement ‘mejjet’, imma li għadu ħaj.

 

Tista’ tħares

 

4.     Tista’ taħseb li dan ġej għal raġuni jew oħra.  Forsi wkoll hemm, f’dan, forom ta’ konvenjenza f’allejanzi strambi.  Imma l-fatt jibqa’ li dak li kien qiegħed jiġma, issa huwa barra għad-dawl tax-xemx.  F’dawn is-snin dedikati għall-ħajja pubblika tgħallimt li l-moderazzjoni hija l-linja li fuqha r-raġuni titħaddem.  Meta tiġi użata wieħed jasal, bil-verità, sabiex jieħu deċiżjonijiet għaqlin.  Meta tiġi, minflok, abbużata, iseħħu l-estremiżmi li minnhom jitwieldu u jissudaw iktar il-bażi għall-politika tar-riżentiment.  Dawk li jibqgħu fil-ġenerazzjonijiet futuri.

 

Ma nċedix

 

5.     Ma nħossx li għandi nċedi, u li ma mmurx il-kontra jew li nipprova nirkeb fuq raġunijiet żbaljati li qed jemerġu.  Anki jekk nagħraf iktar dak li The Economist kitbet: “Right now it pays to be outrageous but not to be truthful.”  Imma nemmen iktar li l-politika t-tajba ma ssirx hekk.  Għax din il-linja tħalli warajha ħafna feriti u inabilità li ġġib lill-bnedmin biex jaħdmu flimkien.  Flimkien għal proġett li jwassal u jkattar il-ġid ta’ kull persuna fis-soċjetà.  Minflok, qed nerġgħu naqbdu l-linja li nogħġbu lil dawk li huma ġustizzjalisti.  Dawk li jiktbu mingħajr m’għandhom ħsieb, salv forom strambi ta’ għira.

 

Nirrifjuta

 

6.     Nirrifjuta li nkun parti minn kurrent li fih isiru azzjonijiet żbaljati, ħżiena u bbażati fuq sentimenti xejn tajba.  Nirrifjuta li nħalli lil xi ħadd jipprova jużani biex, f’karamboli politiċi, inkun parti minn kultura tan-non-verità.  Min irid iċekken lil ħaddieħor, min irid jiskredita persuna oħra fil-politika għandu jwettaq dan direttament hu, bl-użu tal-verità.  Fuq kollox, ikollu l-abbiltà li juri biċ-ċar, bil-fatti dak li huwa ħażin, u mhux f’apparenzi strambi.  Dan iwassal għas-sewwa u l-ġustizzja.

 

Sentejn Abela

 

7.      Hemm forom differenti fit-teoriji li jitwieldu u għar-raġunijiet tagħhom.  Jekk hemm min iddeċieda li hemm kontijiet interni fil-Partit Laburista li jridu jiġu regolati, ħa jiġi biċ-ċar ‘il quddiem.  Jekk hemm min irid ikun distint għax hemm tmexxija “oħra”, ħa jiċċaqlaq.  Jekk il-messaġġ ta’ “Sentejn” huwa dak li jimmarka “differenza” għandu jingħad, iswed fuq abjad, minn sieq naħa u sieq oħra.  Jekk hemm, bħalissa, proċess ta’ affermazzjoni interna ta’ dawk li huma ma’ Abela kontra dawk li huma u kienu ma’ Muscat għaddejja, ħa tingħad.

 

Verità

 

8.      L-iktar importanti f’dan hu li naqbdu proċess li jieħu lilna lkoll lejn il-verità.  Għax kif ingħad fl-istess The Economist: “When the distance between what feels true and what the facts say grows too great, it can always be bridged with a handy conspiracy theory.”  Sistemi li d-dinja, fl-istorja tagħha, tixhed sew għalihom.  Kellna każijiet varji li ħallew warajhom snin ta’ kunflitti.  Storja li titlob iktar attenzjoni mingħandna, għax huwa ta’ ġid għas-soċjetà li tkun taf x’qiegħed jiġri.  Għax il-poplu għandu dritt li jkun jaf, fl-apert, dak li għaddej, għall-ġid u l-għarbiel politiku tiegħu.

 

Iktar paċi

 

9.      Il-pajjiż tagħna jimxi ‘l quddiem iktar ma jkollu forzi politiċi li jaħdmu flimkien mingħajr ma jitilfu l-prinċipji rispettivi tagħhom.  Iktar aħjar meta jkun hemm politiċi u bnedmin li għandhom esperjenza li jinġiebu f’daqqa biex jaħdmu fi klima ta’ stabilità u awtentiċità.  Fejn l-interess nazzjonali jiġi verament rispettat, mhux abbużat.  Fejn kull persuna tiġi rispettata fid-dinjità u t-talenti li għandha, mhux skartata jew demonizzata.  Il-korrettezza politika li l-poplu jfittex għandna, f’dan, iktar dmir li nħaddmu.

 

Bil-ħsara

 

10.    Bil-ħsara, bl-azzjonijiet ħżiena ma jitwieled xejn ħlief ferm iktar imrar.  Il-ħsara li m’għandniex inkunu lesti li nċedu għaliha bħala xi forma ta’ xprun ta’ bidla.  Iktar u iktar f’din is-soċjetà u fl-arja politika li mill-2019 żviluppat f’taħwid ġenerali.  Fejn il-pandemija, f’mumenti għattiet, u f’oħrajn kabbret.  Hemm, f’reazzjoni pożittiva, ordni u linja ta’ kondotta li hemm bżonn li jiġu affermati.  M’għandniex insiru strumenti tal-anti-demokrazija.  Proprju għalhekk mhux beħsiebna nċedu għal dan għax nittradixxu dak li għandna dmir inwettqu u nħallu lura dik il-bidla li pajjiżna għandu bżonn.

 

 

Żbalji politiċi ħoxnin

 

 

1.      Jgħaddi ż-żmien, u l-bnedmin mhux dejjem jieħdu l-lezzjonijiet li l-istorja tgħaddilna.  L-aħħar seklu kien, u jibqa’ mmarkat b’perjodi twal fejn rajna l-ħerba li l-estremiżmu tal-lemin u dak tax-xellug ħoloq.  Il-Faxxiżmu, in-Nażiżmu fuq naħa u l-Komuniżmu fuq l-oħra, bil-linji ideoloġiċi tagħhom ġiebu ħerba u distruzzjoni.  Kissru, l-iktar, lill-bniedem.  Irrendewh strument, għodda, ilsir tal-Istat u oġġett mingħajr ebda forma ta’ dinjità.  Dak li seħħ kien żbaljat.  Biss, daqshekk ieħor huwa hekk min, f’dan is-seklu, jibqa’ jħares b’xi forma ta’ nostalġija lejn dak il-passat.

 

Estremiżmu

 

2.      L-estremiżmu fi kważi kollox huwa nieqes mill-għaqal.  Iktar u iktar fid-dinja politika fejn l-istorja stess, fil-fatti tagħha, turi.  Turi kemm il-politika li twettaq il-ġid hija dik li timxi fil-moderazzjoni u taqbad it-triq taċ-ċentru.  Hemm partiti taċ-ċentru, bħal ma hemm ukoll dawk li jiddikjaraw li huma fiċ-ċentru-xellug jew ċentru-lemin.  Imma huwa dejjem ċar u evidenti li partiti Demokratiċi-Nsara fiċ-ċentru kienu, u ma rrikorrewx għall-estremiżmu.  Irrikorrew li jibnu iktar demokrazija, iktar dinjità għall-bniedem fis-soċjetà, iktar ġustizzja soċjali.

 

Għandna valur

 

3.      Diversi ma jifhmux x’valur u x’wirt politiku għandna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Uħud, fin-nuqqas tal-konoxxenza tagħhom jaħsbu li hemm vojt.  Jaħsbu li l-liberaliżmu żbaljat li qiegħed isir dejjem iktar tiranniku, intolleranti u awtoritarju huwa xi soluzzjoni.  Huwa, anzi, proprju l-kontra ta’ dak li aħna.  Il-Partit Nazzjonalista ġie ffurmat bit-timbru ċar ta’ partit Demokratiku-Kristjan.  Kienet din il-linja politika li rrendietu wieħed ta’ suċċess fil-miżuri għas-sewwa li wettaq, u dan kif ir-riżultati elettorali urew.  Meta tabbanduna din il-lezzjoni taqbad, kif qed naraw fl-Italja, it-triq għad-deżert.  Iddur, sakemm fl-aħħar tifhem u tmur lura lejn il-belt it-tajba.

 

Żbalji

 

4.      Fin-nuqqas, jew aħjar, fl-abbandun preżenti ta’ kultura politika, f’pajjiżna qed naraw mill-ġdid lil min jaħseb li l-progress iseħħ bl-estremiżmu.  Għal dawn il-persuni, il-bidla sseħħ billi nieħdu pożizzjonijiet li ma jaqblux man-natura u mal-valuri Nsara li l-poplu tagħna jħaddan.  Flok jitwieled il-ġid, jinbet iktar l-ambjent lejn id-deni.  Flok jikber l-ispazju għad-diskussjoni u d-djalogu, jingħalaq favur id-demagoġija.  Flok inħarsu ‘l-bniedem u nimxu fis-sewwa, fis-solidarjetà u fis-sussidjarjetà, inwettqu l-kontra.  L-individwaliżmu qiegħed jiġi kkultivat, u bdejna niftaħru bih, flok inħarsu lejn politika personalista.

 

L-aħħar żball

 

5.      Dan ħareġ iktar u iktar ċar fl-aħħar elezzjonijiet amministrattivi fl-Italja.  Fin-nuqqas ta’ partit taċ-ċentru Demokratiku-Kristjan b’saħħtu, illum għandna iktar partiti fuq il-lemin milli fuq iċ-ċentru-lemin.  Għandna ġabra ta’ tlieta prinċipali, li qishom iridu jilgħabu lura ma’ nostalġiji żbaljati tal-Faxxiżmu.  L-aġenda stabbilita hija dik li tmur lura lejn iktar estremiżmu u abbandun tal-moderazzjoni.  Matteo Salvini u Giorgia Meloni jikkompetu f’kemm jinċensaw dan.  Forza Italia, immexxija minn Silvio Berlusconi u Antonio Tajani ġiet, f’dan, imqegħda fil-ġenb u mhux tifhem li jekk ma tmurx lura lejn iċ-ċentru Demokristjan, ser tibqa’ tnaqqas.

 

Żball ikbar

 

6.      L-elezzjonijiet kienu telfa ċara għal din il-linja politika estremista.  Waħda li kibret iktar meta l-lemin irrifjuta li jikkundanna l-attak li sar f’Ruma fuq il-kwartieri ġenerali taċ-CIGL (Confederazione Generale Italiana del Lavoro), li hija l-unjin tal-ħaddiema b’saħħitha minn Forza Nuova, grupp neo-Faxxista.  Irrifjuta, iktar minn hekk, li jinżel fil-pjazez biex jingħaqad ma’ forzi demokratiċi oħra jipprotesta kontra dak li seħħ.  Din id-deċiżjoni politika żbaljata wasslet iktar il-messaġġ mal-elettorat li ma hemmx alternattiva għaċ-ċentru-xellug ta’ Enrico Letta.  Wasslet il-messaġġ li ma tistax tappoġġja partit, jew ġabra ta’ partiti li sejrin lura u mhux kapaċi jaqtgħu minn magħhom lil dawk l-ulied il-ħsara.

 

Riżultat

 

7.      Ir-riżultat ċar u prevedibbli kien li ċ-ċentru-xellug, immexxi minn bniedem intelliġenti u attiv fid-Demokrazija-Kristjana, Enrico Letta, rebaħ fil-bliet prinċipali.  F’Ruma, Turin u Milan u f’lista twila ta’ bliet, iċ-ċentru-xellug ġie ppremjat.  Fi sfond fejn parti sostanzjali tal-elettorat ma marx jivvota, astjena.  Kif ukoll f’dak fejn hemm listi Ċivici varji, immexxija minn persuni moderati li rebħu, bħal Clemente Mastella, li ġie rivindikat għal darb’oħra.  Ħareġ messaġġ iktar ċar minn dan għaċ-ċentru-lemin: li m’għadux rilevanti u m’hemmx bżonnu.

 

Lura fiċ-ċentru

 

8.      L-elettorat juri biċ-ċar li hemm bżonn lura partit Demokratiku-Kristjan.  Wieħed li hemm bżonn li jiġi rivalutat u l-vantaġġi, il-preġji u l-progressi soċjali u ekonomiċi li wettaq jiġu lura għad-diskussjoni.  Għax proprju wieħed mid-difetti ta’ dan il-partit kien li ma xandarx biżżejjed dak li wettaq.  Li ma fakkarx dak li mmarka.  Hemm bżonn lura partit moderat, li jwieġeb għall-bżonnijiet soċjali tal-poplu.  Partit li jħaddan, b’intelliġenza aġġornata, il-ġustizzja soċjali biex id-diffikultajiet li diversi klassijiet qed imissu jsibu soluzzjoni.  Il-klima politika mhix lura lejn il-Faxxiżmu, imma lejn forza demokratika taċ-ċentru, dik Demokratika-Kristjana.

 

Ulied Paola

 1.      Ftit ilu, mhux tant ‘il-bgħid, fl-20 ta’ Lulju 2018, kienet saret ċerimonja kbira, mimlija tifħir, propaganda, xorb u sparar.  Niftakruha sewwa.  Fiha, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, fetaħ il-“Proġett” ta’ Pjazza Antoine de Paule.  Niftakru iktar għax f’dik il-ġurnata tal-Ġimgħa filgħaxija, kien sar diskors minnu stess.  Fih, huwa kien informa li ntefqu tlett miljun ewro, u li saru ħamest’elef siegħa xogħol.  Mhux biss, imma ddeskriva l-jum bħala ‘ġurnata storika’, li kellha tibdel il-mod kif in-nies fin-nofsinhar jissoċjalizzaw u jirrikrejaw ruħhom f’żoni u spazji miftuħa.  Iktar minn hekk, qali li dan kien parti minn viżjoni kreattiva, ċentru kulturali viżibbli.  Iddikjara li kien qiegħed jagħti spazju mill-ġdid lill-poplu fl-ewwel parti minn investiment, fejn it-tieni kellu jkun aċċess għal Ġnien il-Mediterran.

 

Illum

 

2.      Dak li kellu jkun ossiġnu, dak li kellu jkun proġett uniku, illum nafu li mhuwiex.  Huwa fi stat medjokri.  Nafu dan għax il-Pjazza f’Raħal Ġdid ma saritx kif kellha.  Jew ma sarx ix-xogħol sewwa.  Jew ma kienx hemm pjanar tajjeb.  Imma l-fatti huma li llum hemm xtat viċin id-diżastruż.  Wieħed li huwa tant gravi li għandu bżonn, illum qabel għada, jinqala’ u jsir mill-ġdid.  Dan, kif nistgħu nifhmu, huwa ta’ uġigħ ta’ ras u ta’ nkwiet.  Mhux biss għax huwa mimli bi traskuraġni ta’ difetti, imma wkoll għax huwa perikoluż.  Mhux biss, imma ma’ dan, billi lkoll nafu kemm din il-Pjazza kienet damet magħluqa b’konġestjoni kbira tat-traffiku tul tlett snin, nistgħu nimmaġinaw fejn sejrin.  U issa li hemm ħafna li ser ikollu jsir mill-bidu, ċertament ser tingħalaq it-triq, u għal darb’oħra ngħaddu mit-tbatija li din iġġib.

 

Triq użata sew

 

3.      Nafu lkoll kemm din il-Pjazza hija arterja prinċipali tat-traffiku.  Hekk kienet, u hekk baqgħet.  Jgħaddi minnha kull forma ta’ trasport.  Dak normali u dak industrijali jgħaddi spiss, u ħafna matul il-jum sa tard filgħaxija sas-sigħat kmieni ta’ filgħodu.  Min iddeċieda li jbiddel dak li kien hemm qabel, u li ħadem għal snin twal, kellu almenu jaħseb sew u jibni aħjar.  Iktar u iktar meta ttieħdet id-deċiżjoni li jitneħħa t-tarmak u jsir il-profido.  Dan ix-xogħol ma sarx bi pjan sew għalih, u kien hemm ħafna għaġġla.  Mhux biss, imma ma kienx hemm anqas konsultazzjoni sewwa u vera man-nies u mas-sidien tal-ħwienet.  B’diversi sabu ruħhom jgħixu, f’daqqa waħda fi sqaq, bi klijentela li waqfet tmur.  Mhux biss, imma ma dan żdied ukoll l-imrar li anqas ħsieb sew dwar is-siġar u l-funtani ma sar.  Smajt u rċevejt numru sew ta’ lmenti dwar dan kollu.

 

Mis-27 ta’ April 2021

 

4.      Proprju għalhekk li, tul din is-sena, ressaqt numru ta’ domandi parlamentari u ntervjenejt f’diskorsi dwar l-istat li tinsab fih il-Pjazza.  Il-linja li ħadt, u li għadni nsostni mhix waħda partiġġjana, imma bl-iskop ċar li din tiġi rranġata kemm jista’ jkun malajr.  Il-Gvern, fil-bidu, miegħi kien rgħib fl-informazzjoni.  Nifhem.  Ma xtaqx ħafna juri l-affarijiet kif inhuma verament.  Biss, wara domandi preċedenti, fis-27 t’April, il-Ministru responsabbli ppreżenta rapport tekniku fl-interpellanza numru 20706.  Hemm, il-Perit inkarigat mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta ddikjara li kien hemm varjetà ta’ difetti.  Fosthom, li l-art bdiet iċċedi, u għalhekk mhix invell, b’periklu sija għal min ikun miexi, kif ukoll għas-sewwieqa.  Diversi qrawh dan ir-rapport.  Jafu li l-kontenut tiegħu huwa wieħed serju, u li hemm bżonn bidliet malajr.  Is-sewwieqa li jgħaddu minn hemm kuljum jafu b’dan, bħal min hemm jgħix fil-viċin jaf bl-istorbju kontinwu.

 

Responsabbiltà

 

5.      Dan kien pass ‘il quddiem.  Almenu, aċċetta li x-xogħol kien ħażin.  Imma mhux biżżejjed.  Dan, għax qamu erba’ punti li komplejt ressaqt.  L-ewwel: min ser iġorr din ir-responsabbiltà għal dawn in-nuqqasijiet?  Il-Gvern, li tant ftaħar?  Il-Kunsill Lokali, li ġie użat, jew il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta?  It-tieni: min kien ser iġorr ir-responsabbiltà legali għall-ħsarat li qed isiru, jew li jistgħu jsiru?  It-tielet: min ser iħallas għat-tiswijiet li hemm bżonn isiru?  Ir-raba, u l-iktar importanti: meta ser isiru dawn it-tiswijiet tant neċessarji?  Tweġibiet pubbliċi għal dawn ma hemmx, imma jidher li hemm min, nittama, li qiegħed jibda jifhem li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin hekk.

 

Sitwazzjoni aktar gravi

 

6.      Ngħid li nittama li xi ħadd beda jifhem, għax għalkemm jidherli fl-aħħar, fl-1 ta’ Lulju 2021 saret stima tal-ħsarat, il-Gvern u l-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta mhumiex jifhmu kemm dawn huma verament urġenti.  Dawn il-ħsarat, li ġejjin minħabba ħafna nuqqasijiet, u li setgħu ġew evitati kieku l-‘Proġett’ sar sewwa, hemm bżonn li jsiru llum qabel għada.  Għax nafu li l-istat tal-post huwa wieħed mill-iktar medjokri.  Dak li kien sar b’tant ftaħir għalih tlett snin ilu, illum, sfortunatament, irid jinbidel.  Lura għall-istat li kien, bit-trab u bis-soltu dewmien.  U nafu li l-istimi, il-famużi Bill of Quantities li hemm bżonn jiġu approvati jibdew b’ċifri raġjonevoli, imma meta tinqala’ t-triq u ssir sewwa, ser inżidu mal-miljuni li diġà ntefqu.

 

Nittama

 

7.      Is-sajf daqt ikun għadda u t-traffiku ser jiżdied hekk kif nidħlu għax-xhur ta’ Settembru u Ottubru.  Dak li seta’ diġà sar minn April hemm iktar il-bżonn tiegħu.  Raħal Ġdid tixraqlu Pjazza li l-istat tagħha jkun mill-aqwa.  Nafu li altru d-diskors faħħari li sar fl-2018, u altru issa.  Nafu li mhux biss ma sarx sew, imma anki li ġie traskurat.  Nafu li waqaf hemm u anqas Ġnien il-Mediterran ma ħadu ħsiebu.  Imma għalxejn inħarsu lura.  Dak li ma sarx kif kellu, issa jrid jiġi rranġat urġentement.

 

Il-Funtana

 

8.      F’dik is-serata, fl-aħħar tagħna nkixef il-Monument-Funtana ġdid li llum ma tantx jaħdem tajjeb, imsemmi ‘Ulied Paola’.  Jekk l-Istat Malti verament jirrispetta ċ-ċittadin li jgħix u jgħaddi minn hemm, għandu jaċċetta t-tort pubblikament u jibda mill-ewwel bix-xogħol.  Nittamaw li, din id-darba, l-affarijiet isiru sewwa.

 

 

Mhux kollox huwa għall-bejgħ


 

1.    Dan huwa prinċipju li għandna lkoll naqblu dwaru.  Biss, minn dak li għaddej, il-fatti juru li dan mhux minnu għal uħud fil-poter.  Mhux hekk, sija f’dak li qiegħed isir, kif ukoll f’dak li mhuwiex jingħad.  Anzi, jingħad il-kontra ta’ dak li hu, fejn il-verità titqiegħed fil-ġenb, u flokha tidħol il-gidba iebsa ta’ verità.  Dik li minnha jintmissu l-libertà u l-ugwaljanza tagħna.  Mill-ħsieb li wieħed jista’ jġib ruħu hekk għax sirna soċjetà mmexxija mil-linji ta’ ħsieb tas-suq.

 

Market Economy, Market Society

 

2.    Fejn għalhekk, is-suq jiddetermina l-prezz tal-oġġett u minhekk, l-influwenza kibret biex jistabbilixxi l-piż li jingħataw il-bnedmin.  Għalhekk, kif qed jiġri, meta tqiegħed prezz fuq kollox, fuq dak li huwa tajjeb fil-ħajja, jirnexxilek tiddegradah.  Jirnexxilek tikkorrompih fl-għeruq tiegħu.  Għax iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar il-valuri li jmexxu n-negozju qed jieħdu sehem predominanti fil-ħajja soċjali.  Qed inkabbru iktar mentalità li, għax għandek il-flus, il-mezzi, allura tista’ tixtri anki dak li mhuwiex għall-bejgħ.

 

Inugwaljanzi

 

3.    F’soċjetà bħal tagħna, dan huwa iktar rilevanti.  Fejn qed naraw, l-ewwel, żieda kostanti fl-għoli tal-ħajja; it-tieni, fil-kunsiderazzjoni li għax il-Gvern mhuwiex jgħid il-verità fuq kollox, l-inugwaljanzi qed jikbru.  Mhux biss, imma deħlin iktar minn qabel, fatturi li jġibu lura l-elementi ta’ konflitti fis-soċjetà, fil-klassijiet soċjai.  Diġà għandna klassi ta’ dawk li huma minn taħt, dawk li qed ibatu biex jgħixu.  Bilanċi fl-infiq u attenzjoni kbira fix-xiri tal-prodotti.  Magħhom għandna lil dawk li huma komdi u affluwenti mal-partit tal-poter, u dawk li fuq in-naħa l-oħra, jafu li huma maqtugħa.

 

Inqtajna

 

4.    Dan qiegħed jikber iktar għax hemm iktar persuni li qed jgħixu fin-niċċa u l-kantuniera tagħhom.  Iktar ‘il-bgħid mir-realtà u inqas kuntatt mar-realtà.  Anzi, iktar bżonn ta’ ħarba kostanti minn dak li hu, mill-veritajiet li qed joħorġu.  F’soċjetà, li għalkemm imrobbija tħobb u teżerċita l-ġenerożità, qed tiġi bbumbardata bil-kunċett tal-individwaliżmu.  Kunċetti ta’ egoiżmu, fejn il-ħsieb li tagħti, li taqsam, u li tidħol f’solidarjetà huwa żbaljat.  Li qiegħed taħli jekk tnaqqas mir-riżorsi tiegħek biex taqsam.  Is-soċjetà tagħna, sija b’dan l-attakk tas-suq, kif ukoll bil-mewġ tal-pandemija qiegħed jara iktar bnedmin li mhumiex jgħixu fis-soċjetà, f’daqqa.

 

Fil-Liġi ugwali

 

5.    Fil-liġijiet tal-pajji aħna ugwali, imma fil-ħajja mmexxija minn dawn il-kunċetti, m’aħniex.  Is-suq jibbaża ruħu fuq kemm għandek mezzi, mhux fuq li inti bniedem daqs l-oħrajn.  Anzi, għax għandek il-flus imexxuk biex taħseb li inti superjuri għall-oħrajn.  Dan qiegħed iċekken il-libertà ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna.  Fejn minflok għandna naqblu li sakemm ma nistinkawx biex kull persuna tkun ugwali, inkunu qed inħallu lura l-libertà.  Jekk m’aħniex organizzati fuq prinċipji etiċi li mhumiex tas-suq imma tas-sewwa, allura dak li hemm fil-liġi ma jistax jaħdem.

 

Nuqqas ta’ verità

 

6.    Dan qiegħed joħroġ iktar f’soċjetà li hija nfluwenzata minn nuqqas ta’ verità.  B’figuri politiċi li jispiraw ruħhom direttament u indirettament mill-iżbalji li oħrajn iwettqu barra minn xtutna.  Dak li qed naraw fl-Istati Uniti tal-Amerika, bl-azzjonijiet tal-ex-President Donald Trump fl-anniversarju tal-attakk fuq id-demokrazija sena ilu.  Kif ukoll fir-Renju Unit, fejn il-Prim Ministru Boris Johnson qiegħed jiddefendi dak li ma jistax, proprju għax naqas fil-verità.  Fejn it-tnejn, billi għal uħud saru ‘mudelli’ li għandek timita, qed iwassluna f’soċjetà fejn huwa aċċettabbli li ma tingħadx il-verità.

 

Periklu

 

7.    Dan huwa theddida ċara u diretta lid-demokrazija u lis-soċjetà.  Huwa perikoluż li dan jitħalla għaddej mingħajr reazzjoni politika differenti.  Perikoluż li wieħed jaċċetta li f’dan iż-żmien ma jkollniex politiċi li jħarsu, fid-dgħjufija u l-imperfezzjonijiet tagħhom, li jiġġieldu sabiex jingħadu barra l-fatti u l-verità.  Il-kultura tas-suq, fejn għax kollox jista’ jinxtara, kollox sar oġġett, irnexxilha tikkorrompina.  Id-demokrazija nafu li hija fraġli.  Daqshekk ieħor is-soċjetà tagħna.  Biss, dan għandu jissudana iktar fl-impenn li naħdmu biex inkunu sodi fis-sewwa.

 

Kliem iktar dirett

 

8.    F’soċjetà fejn il-bżonnijiet materjali u t-tnawwir tal-valuri tagħha kibru, hemm bżonn iktar diskors dirett.  Il-lingwa li tħares u timmira li jkun hemm in-neċessitajiet prattiċi f’posthom.  Mhux iktar it-tmexxija politika li tħares li ‘tixtri’ l-kunsens, imma li tirbaħ il-fiduċja fuq il-fatti.  Inqas logħob u rqad fis-sodda tal-gideb.  Iktar verità li tirbah u tagħti l-libertà.  Iktar għaqda tal-klassijiet soċjali kollha fis-soċjetà.  Anki min għandu l-flus, għandu jagħraf li huwa fl-interess tiegħu li jonqsu l-inugwaljanzi u d-disparità fil-mezzi.  Ir-rota tista’ ddur iktar jekk nassiguraw li aktar persuni jieħdu sehem, sija fil-ħajja demokratika, kif ukoll bħala promoturi fil-ħajja ekonomika.

 

Abbandun

 

9.    Huwa l-konsegwenza, l-effett ta’ politika dikjarata li kienet għal kollox barra soċjalista mill-Gvern preżenti.  Id-dikjarazzjonijiet ripetuti li huma ser ikunu ‘business friendly’ fisser għalihom li daħħlu fis-soċjetà, u fid-dinja politika, il-kunċett tas-suq.  Fejn tista’ tixtri li trid u ġġib ruħek mal-oħrajn bħallikieku qiegħed tikkompeti magħhom.  Fejn, min jaqa’ lura tant aħjar għalik, u ma hemmx problemi ta’ kuxjenza fl-egoiżmu u n-nuqqas ta’ skruplu.  Il-kontrolli telqu proprju għax anki fil-liġi tista’ taħseb f’dan il-kunċett.

 

Bidliet

 

10.  Kemm dan il-Gvern jifhem dan kollu, ħafna għandhom id-dubju tagħhom.  Kemm huwa kapaċi jibdel din il-linja politika wara sentejn ta’ tmexxija oħra, ħafna u ħafna iktar għandhm dubju.  Daħlet iktar l-indifferenza fis-soċjetà.  Kiber iktar is-suspett fil-mod ta’ kif issir il-politika, u dak li jingħad mill-politika.  Dan jitlob, għall-ġid tagħna lkoll, li jinbidel.  Jitlob li jkun hemm tmexxija differenti.  Dik li: l-ewwel, hija deċiża li ma timxix aktar fuq soċjetà tas-suq, imma li tħalli s-suq fl-ekonomija, fejn huwa postu.  It-tieni: dik li ma tridx twettaq l-iżbalji li twettqu.  Din hija l-isfida li għandna quddiemna, proprju għax nemmnu fil-valuri Demokristjani tagħna, li mhux kollox huwa għall-bejgħ.

 

 

 

 

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...