31.8.23

GĦAD IRRIDU NIFHMUH - Fil-75 anniversarju mill-mewt ta' IL-GROSS

1. Il-politiċi tallum għandhom il-vantaġġ li jaraw il-pubbliku u lill-elettorat isegwuhom b’faċilità akbar. Drabi jiġu segwiti u f’mumenti oħrajn imqabbla ma’ dawk passati. Fil-preżent ninnota u nsibni b’ħafna iktar persuni li jitkellmu u jsemmuli politiċi ta’ ġenerazzjoni oħra. L-iktar dik li mexxiet lill-pajjiżna mill-1987 ’il quddiem. Nisma’ diskors ta’: “Dak kien żmien!”, u fil-fatt, hekk kien. Kull persuna għandu t-talenti u l-abbiltajiet partikolari tiegħu. Daqqa jkun fid-dawl pubbliku u jurihom, u daqqa jservi bihom fid-dell li l-politika attiva tixħtek fih.

Ġenerazzjoni

2. F’dan, però, nisma’ tifħir għal dawk tal-ġenerazzjoni ta’ qabel. Ħafna drabi dak dipendenti fuq memorja kollettiva. Din il-memorja kollettiva daqqa tkun preċiża u daqqa inqas, imma fil-kumplessità ta’ dak li seħħ u fil-kuntrast ta’ dak li huwa llum hemm ideat varji, rispett u għarfien. Għarfien li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kellna diversi deputati li servew b’intelliġenza, għaqal u umiltà. Biss, issa li għaddejjin diġà minn tibdil ġenerazzjonali ieħor, politiċi li kellna tletin sena ilu qegħdin, biċċa biċċa, jintesew. Għad hemm simpatija qawwija minn uħud għal xi wħud minn dawn il-mexxejja tagħna, imma l-verità hija li l-influwenza politika tagħhom fl-ideat u fid-direzzjoni mogħtija minnhom qegħda tonqos.

Hemm sfida

3. Nuqqas li jikber f’numru ta’ direzzjonijiet. L-ewwel: il-politika kif qed titħaddem illum mhix waħda li għandha warajha l-kunsens popolari. Mhix anqas dik li qed tispira lin-nies bl-istess mod li kienu jaraw qabel f’politiċi oħra bħal meta kienu jsegwu d-diskorsi u l-ħidmiet ta’ George Borg Olivier, Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, Alfred Sant u oħrajn. It-tieni: għadna ma bnejniex biżżejjed klima ġenerali ta’ dibattitu politiku li fih jittieħdu, kemm jista’ jkun b’mod oġġettiv, l-ideat u n-nuqqas ta’ qbil politiku passat. Kull darba jrid ikun hemm timbru jew palata li naħa kellha iktar raġun minn oħra, meta fil-verità kull naħa kkontribwiet biex wasalna għal numru ta’ deċiżjonijiet tajba. Qisna, wara tant snin, għadna ma nistgħux nissuperaw kunflitti passati. Għad hemm min iżomm għal dak li anqas hu ma ħa sehem fih.

Pass ieħor

4. Diġà, dan waħdu huwa ċar u evidenti, imma daqshekk ieħor hemm id-diffikultà li wieħed jispjega l-importanza ta’ numru ta’ deputati li servew mill-1921 sallum. Mertu tagħhom li għandna s-sistema demokratika tagħna. Mertu tagħhom li għandna liġijiet tajba. Mertu aktar tagħhom għar-reputazzjoni tajba li pajjiżna jgawdi u li jixraqlu. Poplu intelliġenti, bilgħaqal u li huwa preparat jaħdem biex jimxi ’l quddiem mingħajr ma jiddependi fuq ħadd. Ġżejjer fil-Mediterran li kellhom fuqhom bnedmin deċiżi, u fil-verità kapaċi, li jiddeċiedu huma l-futur tagħhom u ma jibqgħux kolonja jew protettorati. Bnedmin li, meta fil-fatt taqra ħidmiethom tifhem li kienu ġenerużi, qalbiena, u anki jekk neċessarjament ma taqbilx ma’ kull ma qalu tagħraf li kienu repożitorji ta’ għerf u kultura.

Sibtni

5. Dwar dan iktar sibtni, tul dawn l-aħħar ġimgħat, fil-ħsieb li għandi nikteb l-artiklu ta’ dan il-Ħadd. Dan għax fid-29 ta’ Awwissu 1948 nannuwi, Carmelo Mifsud Bonnici magħruf bħala “Il-Gross”, ġie msejjaħ lura għal għand il-Ħallieq. Fil-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-mewt tiegħu ħassejt li jkun sewwa, mhux tant għalija, kif nista’ nħajjar iktar interess fih. Għalkemm reċentement xi ħadd bagħtilna ftit sekondi minn pellikola antika fejn jidher ħaj, jien nafu iktar mill-kitba tiegħu, li hija voluminuża, sabiħa u studjata, kif ukoll ta’ oħrajn dwaru. Iktar ma naqra mid-dibattiti parlamentari li ħa sehem fihom, iktar nifhem li kien persuna mimlija intelliġenza, kultura, qari, attent għal dak li kien għaddej mhux biss fis-soċjetà fejn kien jgħix, imma anke barra, fil-kontinent Ewropew. Persuna dedikata, bieżla għall-aħħar u determinat li jkun għas-servizz tas-sewwa.

Ġustizzja Soċjali

6. F’dan, hemm diversi bnedmin li messew miegħu, kellmuh u għarfu li kellu kwalitajiet uniċi. Kien kapaċi jitkellem ma’ kull faxxa ta’ nies fis-soċjetà u kien deċiż li jaqbeż għall-bnedmin li kienu l-iktar ’l-isfel. Kien il-persuna li beda l-proċess sabiex jitwieled l-istat soċjali f’pajjiżna, b’liġijiet li ntroduċew il-pensjonijiet, bil-liġi magħrufa bħala dik tal-Widows and Orphans tal-1927. Kontra kull kurrent f’ambjent imperjalista għall-aħħar. Imma rnexxielu, u beda proċess uniku għal pajjiżna. Bniedem li f’dan sofra wkoll minn dawk li ma qablux miegħu, jew li fil-fatt kienu avversi għalih. L-ideat tiegħu ma kinux tradizzjonali, anqas konservattivi, iżda progressivi. Ried, u rnexxielu, jieħu l-aqwa ideat ta’ pajjiżi oħra biex jintroduċihom hawn.

Opinjonijiet

7. Dawk li saru jafuh kitbu dwaru jew għamlu diskorsi għalih. Ħafna drabi nsib kitbet Eric Robert Shepherd fil-ktieb Malta and Me, li fih dan il-professur tal-Letteratura Ngliża jfaħħar lil nannuwi sew. Imma missejt ma’ oħrajn. Fosthom dak li kiteb Charles Bonham-Carter (1876-1955), li fiż-żmien kien serva f’pajjiżna bħala Gvernatur mill-1936-40. Fil-ktieb, fl-1936, wara li kien sar jafu jikteb hekk: “The last, Mifsud Bonnici (the Gross), is a great character; his enormous bulk commands notice wherever he goes and at first it rather put me off. But he has a really fine and very active brain and is a most thorough and conscientious worker. He is the most highly educated and cultivated man I have met in Malta and he has enormous influence in his own town of Cospicua and among a very large number of the moderate Nationalists. He is a fighter but at bottom a man of moderate views, and he is of great value in Council.”[1] (L-aħħar membru tal-Kunsill, Mifsud Bonnici (il-Gross) fih karattru: il-persuna goffa tiegħu tikkmanda l-attenzjoni kull fejn imur, u fil-bidu ma tantx ħadt grazzja miegħu. Però għandu moħħ attiv u fin, u huwa persuna mill-iktar attent u kuxjenzuz f’ħidmietu. Huwa l-iktar persuna edukata u mrawwma tajjeb li fil-fatt iltqajt miegħu f’Malta u għandu influwenza enormi f’beltu Bormla u fost ħafna Nazzjonalisti moderati. Huwa kombattiv, imma fondamentalment persuna ta’ ideat moderati u huwa ta’ valur kbir f’ħidmet il-Kunsill).

Moħħ attiv

8. Proprju f’dan kien persuna li seta’ jagħti iktar fil-ħajja pubblika, għax kien bniedem ta’ kultura. Il-pubblikazzjoni li kienet saret fl-2012, bit-titlu Il-Gross. Il-Kontribut Letterarju, li fiha ġabra ta’ poeżiji, diskorsi u kitbiet varji fuq bnedmin tal-letteratura jixhdu dan. Juru iktar li fil-kitbiet tiegħu dwar George Bernard Shaw, Alessandro Manzoni, Wolfgang Goethe, Byron, Coleridge u Sir Walter Scott fost l-oħrajn, kien hemm warajhom riċerka attenta. Analiżi tas-suġġett, tal-persunaġġ u wara l-għarfien preċiż u dirett sabiex il-pubbliku li ma kienx familjari miegħu jsir jafu. Ħidmietu f’dan għadha sallum kapaċi tfiehem u tmexxi ’l quddiem lill-bnedmin biex jaqbdu f’idejhom il-kotba, li baqgħu l-ħbieb tiegħu sal-aħħar, u jaqrawhom. Mhux biss, imma hemm kontinwament il-linja li fiha l-prinċipji etiċi Nsara jiġu mressqa u mqegħda ’l quddiem.

Ġeneruż

9. L-ideat tiegħu fil-politika u barra minnha nfluwenzaw, u jibqgħu, għal min jaqrahom. F’dan, però, meta wieħed jara kemm kiteb u kemm ħadem jifhem li dan kollu seħħ minħabba l-ġenerożità, il-bżulija u l-enerġija li kellu. Dejjem irid isir jaf iktar, u ppreparat jimxi ’l quddiem minkejja l-avversitajiet li l-ħajja għoġobha tpoġġi quddiemu. Dan fil-kuntest ta’ bniedem li ma qatax lilu nnifsu ’l bgħid min-nies, imma li baqa’ jgħix u jaħdem magħhom. Bniedem pożittiv, li snin wara jibqa’ ta’ ispirazzjoni mhux biss, u ċertament, għalija, imma għal kull min irid jagħti sehem veru u siewi fil-ħajja pubblika. F’dan l-anniversarju, għalhekk, nista’ biss inħajjarkom taqrawh u tapprezzaw kemm pajjiżna kellu x-xorti li jkollu deputati u mexxejja uniċi, li l-wirt tagħhom għad irridu nifhmuh.

[1] The Bonham-Carter Diaries, Publishers Enterprises Group (PEG), 2004, paġna 118

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...