1. Tul dan ix-xahar fakkarna anniversarju importanti. Ħamsa u sebgħin sena ilu, fl-20 ta’ Novembtru
1945, ġewwa l-belt ta’ Nurimberga beda proċess legali uniku. Dawk id-diversi kapurjuni tar-reġim Nażista,
li kienu nstabu u ġew arrestati, tressqu quddiem Qorti Kriminali. Kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem
li dawk li daħħlu d-dinja f’kunflitt daqshekk żbaljat, ġew proċessati. Kien hemm diskussjoni bejn l-Allejati:
Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Sovjetika jekk dan
għandux isir. L-argument kuntrarju kien
dak li staqsa jekk kienx ikun iktar aħjar li kieku flok dawn il-proċeduri
legali kien hemm il-fuċillazzjoni immedjata.
Ir-raġuni rebħet.
Kien
diffiċli
2. Kien hemm diffikultajiet u kumplikazzjonijiet mill-aspett
legali. Ma kienx hemm liġi
internazzjonali kriminali miktuba f’att jew trattat partikolari qabel. Imma, b’ħidmet ġabra ta’ ġuristi, dan ġie superat. Determinanti kienet f’dan il-ħidma ta’ Robert
H. Jackson, li f’pajjiżu kien serva bħala mħallef u avukat ġenerali. Kien b’din l-esperjenza u intelliġenza li ġie
fformulat l-att tal-akkuża. L-akkużi
kienu diretti kontra dawk li kienu l-mexxejja tar-reġim. Kienu wkoll, fis-sustanza, marbuta
principalment ma’ delitti kontra l-paċi, f’parteċipazzjoni f’delitti kontra
l-umanità. Proċess, li wara tant snin,
nibqgħu nirrikonoxxuh bħala att ta’ Ċiviltà.
Dawk li qabdu u qatlu diversi bnedmin sabu liġi tistennihom. Waħda superjuri. Waħda li ebda bniedem ma jista’ jibdel jew jiċħad. Dik f’qalb il-bniedem, li jitwieled biha.
Proċess
storiku
3. Kien hemm għażla ċara meta ġie deċiż li l-proċess isir fil-belt
ta’ Nurimberga. Kien f’din il-belt li
saru diversi laqgħat, mass meetings b’diskorsi jħeġġu ‘l-poplu jsegwi l-ġenn assolut
tal-lemin estrem. Il-politika żbaljata
li ġabra ta’ delinkwenti wettqu. Il-post
li sostna t-trijonf kellu jkun dak li jġib il-pajjiż għar-realtà. Jifhmu dak li sar f’isimhom. Ikunu jafu l-fatti li l-magna tal-propaganda
Nażista kienet kapaċi, sal-aħħar, taħbi.
Isiru jafu kemm atroċitajiet seħħew.
Kemm bnedmin innoċenti tilfu ħajjithom brutalment. Kemm, fil-verità, kienu mexxija minn ġabra
ta’ bnedmin li kienu daħku bihom, għax altru li qalu, u altru li għamlu.
Provi
ċari
4. L-ismijiet ta’ diversi mexxejja li l-poplu kien ilu tnax-il sena
jisma’ bil-bumbardament propagandistiku, kemm kienu tajba, u kemm kienu mimlija
bi glorja, f’daqqa waħda missew mar-realtà.
Għalkemm diversi kienu raw li dan il-proċess kien markat biex
jumiljahom, ġew wiċċ imb’wiċċ mal-verità.
Dan seħħ għax il-prosekuzzjoni rnexxielha tressaq volum kbir ta’
dokumenti u xhieda. Ir-reġim mhux biss
wettaq atroċitajiet, imma ħa ħsieb li dawn iżomm prova dettaljta tagħhom. Kull dokument wera min kien
responsabbli. Min ħa d-deċiżjoni, u
x’kien il-ħsieb żbaljat tiegħu. Il-poplu
Tedesk sar jaf. Miegħu, id-dinja ġiet
mgħarrfa bil-programm li stabbilew l-imġienen biex jeliminaw ir-razza Lhudija. Bil-kampijiet tal-konċentrament u dak kollu
li kien seħħ fihom. Tul il-proċess xehdu
diversi, u ġew prodotti filmati ta’ dak li sabu s-suldati alleati kif daħlu
f’diversi minn dawn il-kampijiet. Dawn,
waħedhom, kienu biżżejjed. U minn hemm
beda proċess iebes ta’ aċċettazzjoni fl-umiljazzjoni li n-Nażiżmu daħħalhom
fih.
M’għandux
jirrepeti ruħu
5. Il-proċess f’Nurimberga kellu, u għad għandu, diversi
merti. Ċertament u prinċipalment dak li
wera r-realtà tal-fatti. Kemm Adolf
Hitler kien żbaljat. Kemm ġieb
sofferenza fuq bnedmin oħra. Kemm kien
forza ta’ ħażen fl-banalità li din tipproduċi.
Fuq kollox, li n-Nażiżmu, l-lemin estrem jipproduċi stat immexxi minn
kriminali. Jipproduċi dittatura fejn
il-bniedem, kull wieħed, jitlef id-dinjità tiegħu. Li d-demokrazija tinqered u d-drittijiet
fundamentali tal-bniedem jispiċċaw.
Lezzjoni għal dawk li huma favur is-sewwa, favur il-libertà,
il-ġustizzja u l-protezzjoni taċ-ċiviltà tagħna li għandhom jaħarbu kull aġir
politiku Nażist.
Wara
75 sena
6. Bħala student universitarju ġejt mgħallem dwar dan. Nifhem iktar illum għala fuq l-ixkafef
tal-Librerija tal-Università hemm numru ta’ volumi bil-proċess miġbur. Uħud kont qbadt u qrajt siltiet twal
minnhom. Nifhem kemm l-istorja għandha
tiġi protetta u mxerrda. Għax f’dan
għandna niftakru mill-ġdid dak l-appuntament importanti fl-istorja
tal-bniedem. Għandna dmir nifhmu kemm
għandna naħdmu biex, fil-ħajja tagħna u fil-politika, ma nippermettux li
nerġgħu niġu fejn ġew oħrajn.
Attenzjoni
7. Ma nkunux dawk li, b’xi mod, nappoġġjaw jew nippermettu xi forma
ta’ skuża lil dawk li fil-politika jwettqu atti kontra s-sewwa. Inkunu, anzi, kontinwament attenti biex
nagħlqu l-bieb għal kull forma ta’ idea li teħodna lura lejn il-lemin
estrem. Inkunu fost dawk li naqraw
il-kotba tal-istorja biex nifhmu fid-dettall dak li seħħ. Nifhmu d-distruzzjoni li ġiebu. Inżommu quddiemna l-kwantità kbira ta’
bnedmin li tilfu ħajjithom. Napprezzaw
iktar dak li seħħ f’Nurimberga sabiex titwettaq il-ġustizzja u tinxtered il-verità.