23.10.20

Ebda forma ta’ gwadann

 

1.    Nikteb tul il-ġimgħa, u għalhekk ma nafx x’ser ikun ir-riżultat tal-vot tal-Kunsilliera tal-Partit.  Mhux ser nipprova nbassar.  Ngħid, però, numru ta’ punti li nressaq għall-kunsiderazzjoni tagħkom illum. Għandi jew m’għandix raġun, iġġudikaw intom.  Għax huwa x’inhuwa l-ħsieb tagħkom, hemm ċertament quddiemna toroq twal u diffiċli ħafna.  Diġà, wara l-aħħar elezzjonijiet ġenerali, il-pożizzjoni kienet kumplikata.  Diġà kienet f’sitwazzjoni fejn riedet attenzjoni u għaqal politiku.  Illum, il-Ħadd filgħodu, dan kollu żdied ferm u ferm iktar.  U dan, fix-xejn.  Żidna fuqna piżijiet akbar milli kellna l-bżonn tagħhom.

 

Deċiżjoni nieqsa mill-għaqal

 

2.    Ngħid iktar dan għax l-għażla li wieħed imur għall-proċess li qegħdin fih, tindika b’mod ċar nuqqas qawwi ta’ għaqal politiku.  Minn dak li sar, seta’ kien hemm min ħa ‘pjaċir’ għal mument, imma l-Partit Nazzjonalista ma ħa ebda forma ta’ gwadann politiku.  Il-problema li ilna niffaċċjaw tul dawn l-aħħar sentejn u nofs li għażilna demokratikament Kap ġdid ġejja minn ħaġa waħda.  Il-fatt huwa li ġabra ta’ persuni baqgħu ma nġabrux warajh.  Jista’ jkun hemm min jipponta sebgħu naħa jew oħra, imma dawn huma l-fatti.  Partit ma jistax javvanza, f’għajnejn il-poplu, jekk ma jkunx hemm linja waħda u għaqda sħiħa.  Jekk it-tesserat iddeċieda, dik id-deċiżjoni kellha tiġi rispettata u mhux dubitata, skreditata u kontestata kontinwament.

 

Żball politiku

 

3.    Jekk l-argument inġieb li l-polls mhumiex favur tagħna, is-soluzzjoni mhix li trendi l-Partit ineffikaċi.  Jekk ir-riżultati tal-istħarriġ li bdew isiru xahar wara xahar mhumiex favorevoli, ma tmurx għal din it-triq.  Jekk xi ħadd huwa konvint li żidna l-voti b’dan, ma nafx.  Jekk xi ħadd ħaseb li billi nkissru ser inżidu fil-persentaġġi, allura qed ngħixu f’dinja politika differenti.  Jekk kellna diffikultajiet ġejjin mit-telfiet elettorali, min-nuqqas ta’ għaqda interna u minn dik finanzjarja, ma naħsibx li b’dan kollu naqqasnih, imma żgur li kabbarnih ferm iktar.  U l-verità hija li konna fuq it-triq it-tajba.  Il-verità hija li wara dawn is-snin ta’ sforzi, kien hemm sinjali ta’ ċaqliq pożittiv, li llum jidhru li kienu biss apparenti, daħk fil-wiċċ, artifiċjali u mhux sinċiera.

 

Il-Belt Imfarrka

 

4.    Il-Partit Nazzjonalista jista’ biss javvanza jekk jitkabbar u jiġi ssudat.  F’dan l-eżerċizzju, sejjaħlu kif trid, kull ma qiegħed isir huwa li jitkisser iktar.  Dak il-ftit li kellna, u li sar sforz kbir biex jikber, issa ser jiġi mfarrak iktar.  Ma naħsibx li b’dan, min irid jipprova ‘jaqleb’ l-affarijiet, ser jiret xi minjiera tad-deheb.  Il-pożizzjoni, jekk ma noqogħdux attenti u nippruvaw insalvaw dak li huwa salvabbli, ser tiġi iktar kumplikata u aggravata.  Kien diġà diffiċli, fix-xhur li għaddew, biex tmexxi u tipprova tipperswadi, imma b’din id-deċiżjoni qed naraw iktar atrit u pożizzjonijiet ferm iktar diffiċli biex tirrikonċilja.  Min jaħseb li huwa tant kapaċi li ser jibni għax huwa ‘speċjali’ jew ‘differenti’ qiegħed jilludi ruħu, u miegħu dawk il-partitarji li jsegwuh.

 

L-Istorja

 

5.    Mhux biss, imma fl-Istorja hemm żewġ eżempji ċar li l-kapitoli ma jingħalqux għax wieħed jipprova jelimina mexxej.  Hemm min, fil-konġuri passati, li ġie maqtul.  Hemm min baqa’ ħaj.  Fit-tnejn, il-konsegwenzi kienu gravi u wasslu għal iktar u ferm iktar ġlied.  Ġulju Ċesri nqatel fil-pubbliku taħt l-istalletti tas-Senaturi Rumani li kienu ġġustifikaw ħidmiethom minħabba l-ambizzjonijiet tiegħu.  Huwa miet, imma warajh ġew politiċi oħra li mhux biss ivvendikawh, imma eliminaw lil kull min qam kontra tiegħu.  Lorenzo dè Medici għadda wkoll mill-Konġura tal-Pazzi.  Qamu għalih minħabba l-poter li kellu ġewwa Firenze, waqt li kien għal quddiesa solenni.  Qatlu lil ħuh, imma huwa baqa’ ħaj.  U l-poplu qam għal dawk li kienu kontrih, u dawn spiċċaw kienu huma li tilfu ħajjithom.

 

Il-gwadann fejn huwa

 

6.    Il-gwadann ta’ dan kollu sejjer, ħelu ħelu, f’ħoġor il-Partit Laburista.  Minn dan kollu, huwa biss hu li qiegħed jirbaħ.  Qiegħed, f’dan, jingħata rigal politiku li jaf jerġa’ jsalvah.  Għax, jingħad x’jingħad, jista’ xi ħadd jifhem il-loġika li tidħol għal proċess ta’ ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista, meta l-partit fil-Gvern huwa mifni bi problemi u kumplikazzjonijiet kbar?  Jista’ xi ħadd jifhem kif qed immorru għas-sokkors ta’ min ma ħaqqux?  Jista’ xi ħadd ifehemni jekk is-soluzzjoni għall-korruzzjoni li kien hemm, u għad hemm, hix din?  Jista’ xi ħadd jgħidli li l-kriżi ekonomika li sejrin għaliha daqt, hix ser tiġi solvuta b’dan il-mod?  Jista’ xi ħadd jgħidli jekk b’dan il-kuntratt mill-iktar skandaluż tal-isptarijiet huwiex ser jiġi terminat b’dan?  Jista’ xi ħadd jgħidli l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari u dik tal-pandemija hix ser issib soluzzjoni f’dan?  Dak il-partit li kellu jmur lura fl-Oppożizzjoni, issa qed nagħtuh raġuni biex ikompli għaddej.  Forsi hemm min, fil-Partit Nazzjonalista, li jista’ jkun li huwa kuntent b’dan ir-riżultat. Ċertament, mhux jien.

 

Il-passi li jmiss

 

7.    Forsi l-loġika politika tiegħi hija kompletament differenti minn dik ta’ ħaddieħor.  Biss, fl-appuntament li ġej, ikun żball ieħor jekk wieħed ma jagħtix sostenn u jipprova jbiddel il-Kap.  Politikament, f’dawn ix-xhur ħa esperjenza u tbaskat sew.  Mhux biss, imma rnexxilu jasal fejn ma konniex qegħdin naslu.  Għamel sforzi kbar u ma qatax qalbu.  Għamel ħiltu, u anzi għandi kuraġġ qawwi li jkompli jaħdem.  Mhux jingħata mertu minn min m’għandux grazzja miegħu, imma dan sar.  Jekk isir l-iżball strateġiku li jidħol ħaddieħor, ikun biss qiegħed jassigura ferm iktar telfa elettorali oħra, li tagħha dik il-persuna jiġi assoċjat fir-responsabbiltà futura.  Fir-rebħa hemm ħafna li jċapċpulek.  Fid-doloruż, l-abbandun u l-insolenzi.  Karrieri politiċi, ħajjiet ta’ bnedmin, fil-frattemp jinħarqu u jitwarrbu.

 

Nappella għas-sens komun

 

8.    Wasalna fejn wasalna.  Biss, xorta issa nappella sabiex nifhmu u nirrealizzaw li m’għandniex inkomplu nkissru dak li għandna fil-Partit Nazzjonalista.  Minn dan kollu, gwadann politiku ma ħadniex.  Nistgħu biss nippruvaw innaqqsu l-emorraġija li hemm, u flok nitilfu litri kbar, innaqqsuhom.  Kemm ilni nservi f’dan il-Partit, kien min kien il-Kap, fhimt u ġejt mgħallem li għandi nsostnih, anke fejn ma qbiltx miegħu.  Kien x’kien l-istaġun politiku tiegħu, fl-aqwa u fl-inqas, xorta l-lealtà hekk tagħti parir għaqli.  Kull mexxej tagħna għadda minn dan.  Fl-inċertezza li nħolqot irridu nagħmlu, però, l-isforz sabiex indaħħlu lura l-istabilità.  Nippruvaw nifhmu x’għandna, u fuq x’hiex nistgħu nibnu lura.  Nippruvaw innaqqsu mill-effetti negattivi ta’ dan kollu.  Nippruvaw ma nkomplux inżidu fil-gwadann politiku li, lil ħaddieħor, qegħdin nagħtuh.

 

 

In-neċessità tal-Verità.

 

 

1.      Ngħixu f’soċjetà li għandha numru ta’ problemi li qed inawwruha mingħajr ma neċessarjament tinduna. Fil-perjodu li għaddejjin minnu, il-prijorità tinsab marbuta ma’ punti politiċi marbuta mal-ekonomija.  Punti li l-għeruq tagħhom imorru lura lejn forom ta’ materjaliżmu.  Dawk li jibbażaw ruħhom: l-ewwel, fuq il-ħsieb li soċjetà qegħda tavvanza jekk għandha l-flus fil-but.  Fit-tieni: li min għandu, ifisser li huwa tajjeb, suċċess u l-kriterju tal-għażla fil-ġudizzju tal-kwalitajiet umani jiddependi minn kemm għandu.  Mentri, kif tgħallem l-esperjenza umana, il-verità hija differenti ħafna minn dan.

 

Viġilanza

 

2.      F’pajjiżna, tul dawn l-aħħar snin, sar ċaqliq ieħor ma’ dan.  Il-persuni u l-mezzi li jfittxu sabiex isiru jafu l-fatti u l-verità nbidlu.  Il-gazzetti naqqsu fis-saħħa tagħhom.  M’għadhomx jinxtraw kuljum, jew almenu l-Ħadd filgħodu, kif kienu qabel.  Hemm parti sew mis-soċjetà, li qegħda dejjem tikber, li hija maqtugħa.  Anzi, għandna wkoll dik li ħadet id-deċiżjoni espressa li ma tkomplix tixtri.  Dak li jidher “on line” mhux dejjem jaqrawh; wisq inqas imorru iktar ‘l-isfel mit-titolu.  Mhux biss, imma hemm iktar min, tant mhux jafda, li jfittex iktar għala “ħarġet” aħbar.  X’inhuwa l-iskop wara “aħbar” għax  hemm il-konvinzjoni li l-verità mhix qed tingħad.

 

Analiżi

 

3.      Forsi f’dan iċ-ċirku li qiegħed isir iktar vizzjuż, wasal il-mument li wieħed jipprova jirrifletti fuq dan.  Ifittex li jibdel u jgħin lis-soċjetà.  Jgħinna nsibu l-verità u l-fatti, mhux naħbuhom.  Hemm min forsi mhuwiex jifhem f’dan, li hemm ħafna xettiċiżmu fuq dak li jidher fil-gazzetti.  L-għażla hemm l-għarfien li hija lejn l-“istejjer”, mhux l-informazzjoni.  Jidher mhux dak li l-poplu jkun tajjeb jekk jiġi espost għar-realtà, imma dak li uħud fis-soċjetà jridu jaħsbu li hija.  Jiġi ppreżentat lilek fuq platt tal-fidda dak li trid issib, mhux dak li huwa fil-fatt.  Dan huwa ċar ħafna, u hawn, hawn forom interessanti ta’ abbuż.

 

Fake news

 

4.      Għal raġunijiet varji, qiegħed issa jiġi aċċettat u prattikat dak li jsir żbaljatament.  Tgħid u tikber dak li mhuwiex.  Toħroġ konxjament l-istorja mimlija ineżattezzi jew b’sembjanza ta’ verità.  Tixħet dak li mhuwiex verità bħala fatt.  U dan jidher li huwa ferm iktar qawwi minn qabel.  Hemm min jista’ jaħsibha darbtejn jiskorrix il-linja bejn il-verità u l-gidba.  Hemm min m’għandux dan il-mekkaniżmu u jħallat ħaġa m’oħra, l-aqwa li min irid jiġi misqi storja, jixrobha u jsostniha b’xi Like jew Share.  Il-‘poplarità’ ta’ gazzetta qed tinbena mhux billi tgħid dak li huwa minnu u tgħidu fis-sħiħ, imma kemm hemm min jieħu pjaċir jiġi ngannat.

 

Eurythmics

 

5.      Forsi l-ħajja, l-esperjenza, u l-konoxxenza tal-bnedmin ma tippermettilix inkun meħud f’molla reazzjonarja.  Nippreferi nistenna.  Nippreferi ngħarbel, niddixxerni qabel nasal għal konklużjoni.  Inħares, u nipprova nfittex il-verità billi nistaqsi fis-sempliċità.  Għalija, fil-konfużjoni ġenerali u ntenzjonata nħoss li huwa proċess li jrid isir.  Mhux, neċessarjament, dak li jkun jieħu pjaċir li nistaqsih.  Wisq inqas dejjem tkun esperjenza pożittiva, għax ikun hemm min jinġibed lura.  Imma ma rridx nidħaq bija nnifsi, wisq inqas inservi ta’ strument biex ħaddieħor jiġi ngannat.  Hemm forom varji ta’ abbużi f’dan, kif il-ħajja urietni. 

 

Sweet Dreams (Are made of this)

 

6.      Kif tgħid din id-diska ġejja mill-passat reċenti, dejjem jekk niftakar tajjeb: “Everybody is looking for something.  Some of them want to use you.  Some of them want to get used by you. Some of them want to abuse you. Some of them want to be abused.”  Forsi, mingħajr ma nifhmu jew nirrealizzaw, aħna llum ninsabu f’ħajja fejn dawn l-elementi jitħalltu kontinwament aktar.  Minn dan hemm it-theddida lis-soċjetà li tibni l-kunċett li ma hawnx verità waħda.  Li, anzi, hawn verżjonijiet varji tagħha.  Hemm min iħallat l-opinjonijiet varji mal-fatti uniċi.  Hemm ukoll min ma jridx jgħid il-fatti kollha, proprju sabiex ikun hemm opinjonijiet differenti.  Konvenjenti l-iktar għal min għamel minn dan suq kummerċjali.  Tħallat il-fatti mal-opinjoni.  Tindika opinjoni bħala fatt.  Tibni opinjoni fuq non-fatt  Tqarraq bl-informazzjoni.  Fil-frattemp, twettaq inġustizzji ma’ bnedmin.  Sija f’min jibla, sija fil-konfront ta’ min tkun finalment indirizzata biex tolqot.

 

Kif tiddefenti ruħha soċjetà

 

7.      Naħseb li prijorità essenzjali ta’ soċjetà futura trid tkun dik li tnaqqas dan l-abbuż.  Irridu nifhmu li jekk ma niħdux id-deċiżjoni konxja li nistabbilixxu pajjiż fejn il-fatti joħorġu kollha, u l-informazzjoni tingħad fis-sħiħ, ser naslu f’toroq iktar żbaljati milli aħna.  Diġà kellna, għal dawn l-aħħar żewġ leġislaturi, min kien tant familjari mad-dinja tal-medja li ma dan ma rrispettahx.  Imma li nkomplu għaddejjin huwa kundannabbli.  Iktar u iktar meta min qiegħed jgħid li huwa ‘differenti’, li huwa l-bastjun tal-onestà, jasal f’dan il-punt huwa stess.  Jimita dak li qiegħed jikkritika.

 

Verità u falsità

 

8.      Tul din il-ġimgħa fakkarna żewġ bnedmin mimlija għerf u eżempju.  It-tnejn xhieda tas-sewwa.  L-ewwel kellna l-festa ta’ Santu Wistin il-Ġimgħa, u wara, is-Sibt, il-martirju ta’ San Ġwann il-Battista.  Tal-ewwl kien qal: “Il-Verità hija bħal iljun: m’għandekx bżonn tiddefendiha.  Ħalliha tiġri fil-libertà u tiddefenti lilha nnifisha.”  It-tieni tilef ħajtu proprju għax kien jiddikjara, jum wara jum, il-verità sħiħa mingħajr ma qagħad lura.  La wieħed u anqas l-ieħor ma abbużaw mill-oħrajn.  Anzi, raw fil-verità l-istrument tas-sewwa kontra l-abbuż li l-falsità ġġib.

 

Direzzjoni

 

9.      F’dan għandna nħeġġu sabiex nibqgħu nħarsu lejn li nfittxu l-verità sħiħa.  Nibqa’ f’dan impenjat u determinat sabiex ngħin għas-sewwa, ‘il-bgħid mill-abbuż li qiegħed isir.  Nifhem il-verità u r-realtà li hawn fis-soċjetà, u mhux ‘l-istejjer’ apparenti.  Wisq inqas inħares biss lejn il-“ħsara” li ssir meta wieħed jixħet ġebla u jaħbi idu, mingħajr ma nfittex li nsib min huwa.  Għax hemm proċess ta’ ġustizzja li jrid isir.  Wieħed li minnu mhux toħroġ ‘qtar’ ta’ verità, imma dik sħiħa.  Dan għax il-verità hija neċessità għas-soċjetà.

Ma niċħdux il-valuri tagħna.

 

 

1.      Waqt li ftit jiem oħra ser niċċelebraw il-Festa qaddisa u nazzjonali tat-8 ta’ Settembru, ejja nagħrfu wkoll li hemm aġenda għaddejja.  Hemm linja li trid tibdel dak li aħna.  Waħda li trid tnessina l-passat li nħaddnu.  Tneħħilna minn qalbna u minn moħħna l-valuri tagħna.  Twassalna f’forom ġodda ta’ tirannija.  Fejn ma nibqgħux nagħrfu dak li huwa ġust minn dak li mhuwiex.  Dak li huwa bi dritt u dak li huwa bi pjaċir.  Dak li huwa veru minn dak li mhuwiex.  Il-ħidma qegħda ssir sabiex ikun hemm ir-renju, id-dominju ta’ soċjetà maħkuma mir-relattiviżmu li jattakka u jnawwar dak li aħna.  Fejn ma jkunx hemm ċertezza, imma kollox jgħaddi, f’soċjetà li ħaddieħor jiddeskriviha bħala “wishy-washy”.

 

Kontra dawk li ppruvaw jibdluna

 

2.      Snin ilu, tul l-Assedju l-Kbir, missirijietna rreżistew dak li, bl-attakk tagħhom, it-Torok Ottomani riedu jwettqu.  Ma sirniex poplu differenti.  Bqajna Ewropej u bqajna Nsara, marbuta ma’ Ċiviltà soda li wettqet, u għadha kapaċi twettaq is-sewwa fil-bniedem.  Anki fis-seklu li għadda, ta’ qabilna kkumbattew sabiex ma ninħakmux min-Nażi-Faxxiżmu.  Wisq inqas ċedejna għall-materjaliżmu li l-lemin-estrem iwelled.  Bqajna fil-libertà, f’sistema li tħares lejn id-demokrazija u, fuq kollox, marbuta mal-valuri Nsara tagħna.  Dawk li verament bnewna.

 

Qed jingħalaq l-ispazju

 

3.      Ħlisna minn dawk li ppruvaw jeħduna bil-forza militari.  Konna f’daqqa, f’lealtà, f’aġir, ‘il bgħid mit-tradiment, f’solidarjetà u verità sabiex dan ma seħħx.  F’dawn il-gżejjer, la kellna ħakmiet jew esperjenzi mwielda la mil-lemin jew xellug estrem.  Għalhekk aħna li aħna, differenti, poplu li għadu jħobb l-irġulija u jaħrab minn atti żleali li d-diversi dixxendenti ta’ “Ġuda” huma kapaċi jwettqu.  Illum, però, għandna naċċettaw li l-isfida ġejja minn direzzjoni oħra.  Minn ħidmet, ‘l hekk imsejħa ‘democratic liberalism’.  Waħda li, fil-fatt, tiċħad dak kollu li d-Demokrazija-Kristjana tfisser.  Waħda li trid tissoda forom ta’ atejiżmu likwidu.  Fejn qed tidħol iktar, biċċa biċċa, “inkwiżizzjoni liberali” ġdida.  Waħda li tipprova twaqqa’ għaċ-ċajt u tirredikola ideat differenti minn tagħha.

 

Iva, hemm proċess premeditat

 

4.      Waqt li ser inkunu qegħdin niċċelebraw jum nazzjonali f’dak kollu li aħna.  Waqt li ser inkunu qed niftakru li mertu ta’ dawk li xerrdu demmhom għalina, qed ingawdu minn libertà li m’għandha xejn tiranniku fiha.  Waqt li ser inkunu qed niftakru li għandna demokrazija bażata fuq prinċipji Nsara f’Kostituzzjoni fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma pern.  Hemm aġenda premeditata għaddejja.  Ma kienx mingħajr ħsieb li l-ispazju għall-vuċijiet fis-soċjetà jiġu ‘kontrollati’.  L-ewwel: bit-tneħħija mingħajr spjegazzjoni tal-programm ‘Xarabank’.  It-tieni: fit-tibdil tal-bord tat-tmexxija sħiħa tal-PBS.  Hemm ċertament direzzjoni sabiex il-prijorità politika tal-Gvern tiġi servuta.  Tingħalaq l-opportunità għad-dibattitu liberu.  B’aġenda stabbilita u implimentata f’eżempji ħżiena u żbaljati li l-estremi varji jagħtu.

 

Bil-forza

 

5.      Hemm linja li qed tikber.  Dik li tħares b’iktar lenti ċinika lejn il-bniedem u s-soċjetà, fejn il-forza tan-numri hija iktar importanti mill-ġustizzja.  Fejn hemm min irid iżeblah u jċekken mill-kultura u l-valuri li l-passat għaddielu.  Fejn il-fiduċja fl-abbiltà tal-Maltin u l-Għawdxin li jifhmu u jgħarblu sew qed titneħħa.  Fejn, anzi, importanti li jiġi ddettat dak li ħaddieħor irid.  Fejn huwa importanti li timponi linja ta’ ħsieb partikolari taħt metodi li jidhru, fl-apparenza, demokratiċi u liberi, mentri mhumiex.  It-8 ta’ Settembru, kif il-Monument tal-Assedju l-Kbir ifakkarna, jorbot fih innifsu fuq naħa r-Reliġjon, u fuq l-oħra l-Kultura tagħna.  Imma min, fil-kmand tal-pajjiż, jgħaddi quddiemu u jippreżenta l-kuruna tar-rand, dan mhuwiex japprezzah.

 

Ngħixu li aħna

 

6.      Hija ċertament sfida taż-żmien li ngħixu fih.  Kif il-mezzi ta’ komunikazzjoni jibqgħu liberi fl-informazzjoni, mhux kontrollati, mhux manipulati u strumenti tal-verità.  Kif qed naraw li qed iseħħ fir-Renju Unit, f’dak li l-British Broadcasting Corporation qed tiġi kkritikata fuqu.  Kif l-isfida ġdida li l-Qorti Ewropea ressqet nhar il-Ħamis fil-każ Vivendi.  Qegħdin iktar u iktar fil-bżonn li jkollna mezzi ta’ komunikazzjoni li huma liberi mis-suq.  Liberi li jħarsu l-interess nazzjonali u mhux dak finanzjarju ta’ settur jew ieħor.  ‘Il-bgħid mit-tirannija li s-suq jirregola huwa ‘l bgħid mill-ġustizzja.  Proprju għalhekk li iktar milli naħsbu, qed niddependu iktar fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-partiti.  Huma kontro-bilanċi li l-mezzi tagħhom jiddependu minn ħafna fis-soċjetà, u mhux ftit li qed jiddettaw iktar u iktar l-aġenda.

 

Ir-Rebħa

 

7.      Hemm ġlieda għas-sewwa li trid, u għandha ssir.  Forsi mhux kulħadd ikun lest li jidħol għaliha.  Wisq inqas li jiġġieled fiha.  Imma jekk ma ssirx, l-effett fil-futur ikun iktar u iktar iebes biex jinbidel.  Missirijietna setgħu ċedew fiż-żewġ Assedji.  Setgħu ċedew l-armi.  Setgħu kienu tradituri tal-valuri tagħhom.  Imma dan ma wettquhx.  Issieltu bil-mezzi limitati tagħhom.  U r-Rebħa ġiet.  Kif tajjeb jgħid il-poeta, u z-Ziju tar-rispett Manuel Pace f’poeżija mill-isbaħ: “Int sħaqt ras il-għadu, kasbartu, megħektru,/Għelibtu u rbaħtlu u lilu xejjint,/Fil-qabar li ħaffer u ħalef li jidfnek/Int darba għal dejjem bla ġieħ lilu dfint.”  Dan huwa l-wirt tagħna.  Ejja nifhmu, u ċertament ma niċħdux il-Valuri Tagħna. 

 

 

   

 

Għala l-Partit jibqa’ glorjuż.

 

 

1.    Mhux ser nikteb artikolu dedikat għat-tifħir.  Nikteb, imma, għax nara li hawn wisq li ma jafux l-istorja ta’ pajjiżna u tal-Partit Nazzjonalista.  Parti mit-tort huwa, fil-verità, tagħna, li ttraskurajna li jkun hemm l-informazzjoni għad-dispożizzjoni.  Qisu l-istorja tinsab biss f’kotba fuq xkafef minsija.  Mhux biss, imma wkoll għax ħsibna li ser inkunu rilevanti billi jkollna, anzi, linja politika li trid tnessi l-passat.  Trid tinqata’ minn dak li għamilna.  F’dan bagħtna l-messaġġ li tant għandna żbalji umani li għandna minn xhiex nistħu, li meta taqra l-istorja tifhem kemm dan mhuwiex minnu.  Fl-istess ħin, kien hemm il-konsegwenza li ninsew dak li aħna u dak li jiffurmana.  Ħafna ma jafux il-bażi tal-Partit, u anzi jaħsbu li hija kompletament differenti milli fil-fatt kienet, u hija.

 

Hemm linja ideoloġika

 

2.    Tajjeb li l-Partit jafferma mill-ġdid dak li huwa.  Jafferma l-prinċipji tiegħu fis-sħiħ.  Għax għalkemm jiġbed votanti ta’ fehmiet differenti, għandu l-bażi soda tiegħu.  M’aħniex il-partit li m’għandux direzzjoni ideoloġika tiegħu.  M’aħniex partit elitista jew partit liberali; anqas wieħed konservattiv, u anqas soċjalista.  Twaqqaf bħala wieħed demokratiku Nisrani.  Partit li jiġġieled għad-drittijiet tal-pajjiż u l-poplu, u jsib gwida fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja.  Dan huwa l-proġett politiku li bih, snin wara snin, żamm lilu nnifsu wieħed rilevanti.  Għax, fir-realta, il-pożizzjonijiet politiċi tiegħu huma frott l-esperjenza u l-bżonn li ġenerazzjonijiet ta’ Maltin ħassew li hemm il-bżonn tagħhom.

 

Is-suċċess politiku tiegħu

 

3.    Is-suċċess politiku tal-Partit mhuwiex ġej għax ‘ħawwad’ fil-prinċipju tiegħu.  Ġej, anzi, mill-fatt li Maltin ta’ żminijiet varji ħassew li l-ideat tiegħu huma l-ideat tagħhom.  U meta tara l-istorja tifhem iktar għala dan il-Partit Nazzjonalista baqa’ ħaj u baqa’ mfittex mill-elettorat fil-jum tal-vot, mentri partiti oħra li twieldu u kellhom il-mument tal-poter tagħhom illum spiċċaw.  Dik l-esperjenza passata trid tiġi mxandra għax meta tiġi injorata jkun hemm nuqqas ta’ direzzjoni.  L-istorja mhix kemm partit ġiet voti, imma aktar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn.  Drabi nara wisq importanza fuq l-effett milli fuq il-kawża.  Iktar kemm ser inġibu milli x’ser, sewwasew, inwettqu.  Aktar u aktar meta f’dan il-kuntest ikun hemm it-tentazzjoni li fl-analiżi storika nħarsu lejn fattur wieħed u ninjoraw l-aspett tal-impatt tal-politika soċjali.  Lezzjonijiet li hemm bżonn nieħdu.

 

L-Istat soċjali

 

4.    Dak li huwa magħruf bħala “welfare state” f’dan il-pajjiż bdiet il-Partit Nazzjonalista.  Kien huwa li ressaq l-ewwel liġijiet soċjali u li ħa diversi miżuri politiċi mmirati biex jgħollu ‘l-bniedem Malti ‘l fuq.  Kien huwa li beda t-triq għar-riformi fid-dinja tax-xogħol.  Kien huwa li beda t-triq għas-sistema ta’ pensjonijiet li għandna.  Kien huwa li beda jara l-kundizzjoni ta’ dawk li huma l-iktar ‘l isfel u ġġieled għalihom, ispirat minn linja soċjali unika.  Kien huwa li ġieb id-demokrazija għal kulħadd u ma ppermettiex li tibqa’ l-ħakma tal-klassiżmu imperjalista li kien hemm.  Din hija l-istorja, u tajjeb iktar illum il-ġurnata li nifhmu li m’għandniex nistħu b’din il-ħidma.  Anzi, għandna nassiguraw li tiġi mxandra iktar.

 

Messaġġi żbaljati

 

5.    Hemm min, sfortunatament jaħseb li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun kontra l-istat soċjali.  Għandu jsir partit tal-lemin, li l-aġenda tiegħu tkun li jipproteġi l-interessi finanzjarji ta’ klassi, u mhux ifittex ta’ kulħadd.  Hawn ideat żbaljati mwielda mill-impressjoni li dan huwa hekk għax huwa “soċjaliżmu”.  Ta’ dawk li jiġu nfluwenzati mill-ħsieb li l-istat soċjali huwa xi fsied jew xi theddida għalihom.  Fir-realtà nafu li hawn min qiegħed fil-faqar, u wasal hemm mhux għax għandu tort huwa, imma frott iċ-ċirkustanzi.  U dan qiegħed iseħħ iktar u iktar quddiemna llum, fl-ambjent li l-pandemija ġiebet magħha.  Kemm ser inkunu kapaċi nagħtu widen u soluzzjonijiet li l-elezzjoni ġenerali li ġejja tiddetermina.

 

Solidarjetà u ġenerożità

 

6.    Huwa iktar determinanti f’dan li nifhmu l-politika tagħna.  M’aħniex partit li nemmnu fil-kunċett ta’ Charles Darwin, li min huwa l-iktar b’saħħtu għandu jiġi permess lilu li jelimina lil dawn inqas.  Wisq inqas li għandna kunċetti tal-kompetizzjoni kummerċjali li għandna nippermettu li jieħdu s-saħħa fid-dinja soċjali tal-bnedmin.  Ma nistgħux, anzi, nippermettu li jkollna politika nazzjonali fejn il-protezzjoni tas-sistema kapitalista tirbaħ fuq il-bżonn uman tal-ġustizzja soċjali.  M’għandniex, f’kollox, nippermettu lil l-materjaliżmu jirbaħ.  F’kelma oħra, li nħallu kunċett politiku li l-bniedem m’għandux dinjità u huwa biss strument, għodda li tintuża u tinrema skont bżonnijiet oħra.

 

Ordni soċjali ġust 

 

7.    F’dan il-mument tal-ħajja tagħna, fil-preżent, f’dawn il-gżejjer hemm bżonn riforma.  Imma din, biex tirnexxi trid tkun waħda bażata fuq prinċipji ideoloġiċi ċari.  Mhijiex sempliċement il-linja li tinbena fuq li wieħed jibni soċjetà organizzata razzjonalment biss, imma trid tmur iktar ‘il fuq.  Hija, fil-fatt, l-isfida li politika demokratika titlob.  Waħda li ġiet traskurata u abbandunata għax hija iktar impenjattiva biex twettaqha, milli li tmur għal mudelli inqas tajba li l-liberal demokrazija trid tibgħat, tinfluwenza u tikkontrolla.  Waħda li tagħmel il-ġid lil kull membru fis-soċjetà għax hija personalista.  Tħares lejn il-bniedem fis-soċjetà fih innifsu.  Dan ifisser widen u attenzjoni lejn dak li għaddej.  Ifisser rappreżentanza politika iktar impenjattiva fejn l-interess li jrid jiġi protett mhuwiex tal-politiku, imma ta’ min huwa fis-soċjetà.  U dan irid isir b’ugwaljanza, b’ġustizzja soċjali u mhux uħud iva u oħrajn jitħallew għar-riħ u l-elementi ta’ soċjetà materjalista u bażata fuq l-egoiżmu.

 

Dawk li servew

 

8.    Il-valuri, il-prinċipji li ssawwru minn politiċi ta’ qabilna għandna nħalluhom jinfluwenzawna fis-sustanza, mhux fl-apparenza.  Mhux biss, imma għandna nagħrfu l-esperjenza politika tagħhom.  Nirriflettu u nifhmu l-kuntest li ħadmu fih, waqt li nħarsu ‘l quddiem biex inkunu preparati nuru għala aħna għandna proġett politiku differenti.  Wieħed demokratiku Kristjan, mhux materjalista.  Dawn il-bnedmin li kienu parti mill-mija u erbgħin sena tal-Partit hemm bżonn li nġibuhom għad-dawl tallum.  Hemm ħafna li ssagrifikaw ruħhom.  Ħafna li kellhom diffikultajiet kbar.  Bnedmin li daħlu u batew għall-oħrajn, li spiċċaw fil-faqar u fl-imrar u mhux fi trijonfi jew glorji.  Bnedmin li kienu jagħrfu l-valur tal-onestà, tal-irġulija u l-lealtà.  Hemm elenku twil ta’ politiċi varji, umli u dedikati li ftit nisimgħu dwarhom illum.  Dawn huma l-għeruq tagħna, parti mill-esperjenza umana li ġiebu u ħallew parti mill-effett politiku sħiħ tagħna.  Għalhekk, m’għandniex inħallu lil min iċekkinna.  Anqas li jipprova jibdel dak li aħna.  Proprju għax għandna din l-istorja sħiħa, li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ wieħed mimli stima, fama tajba, unur, ġieħ u glorjuż.

F’Triq il-Mużew

 

 

1.    Niftakar, bi pjaċir, dawk il-ġranet meta l-ġenituri kienu jeħduna r-Rabat.  F’dar ħelwa, ftit ‘il bgħid mill-Imdina, li anzi, tħares lejn dik il-belt siekta u antika fejn konna nidħlu.  Hemm kien ikun hemm iz-Zija Jeannie tilqagħna.  Iz-zija, proprjament ta’ missieri, għax kienet tiġi oħt in-Nanna Mary, u li ħutha Nellie u Connie kienu wkoll jiġu spiss għandna.  Zija, li lili u lil ħuti kienet tilqagħna b’ferħ kbir.  Konna nħossu li kienet persuna mill-iktar speċjali, unika u awtentika.  Tidħak kważi dejjem, u rari rajniha jew sibniha mhux bi tbissima.  Ħafna drabi b’xi rigal żgħir għalina.  Diversi drabi, xi ktejjeb mimli talb jew twissijiet Insara li għad għandi.  Kitba adatta għalina, u fil-parti ta’ quddiem dedika tagħha b’messaġġ ħelu lejn il-futur tagħna.

 

Iz-Ziju Manuel

 

2.    Kif taqbeż l-intrata, kien hemm kamra li aħna konna naraw kbira, b’mejda tal-ikel imdaqqsa wkoll. Fit-tarf, fuq ix-xellug tagħha kien ikun hemm, ħafna drabi bilqegħda, żewġha.  Bniedem li minn barra kien jidher awster u li qatt ma kellimna.  Missieri kien jitkellem magħhom it-tnejn, u aħna nersqu fil-ġenb naraw dak li kien ikun għaddej jew jingħad.  Jew meta jintilef, flimkien ma’ żewġ il-bint il-kbira Miryam, Dr Paul Heywood.  Biss, jum minnhom, jien u ħija biddilna ħafna l-opinjoni.  Konna dħalna u sibna lilu u ż-żewġ uliedu, Joseph u George, “jilgħabu” fuq dik il-mejda, logħba militari bażata fuq strateġija magħrufa bħala ‘Risk’.  Skantajna kif iz-ziju tar-rispett kien huwa wkoll parti minn dak li għalina kien “passatemp” li kellna niskopru iktar ‘il quddiem aħna wkoll f’sigħat interminabbli ta’ “ġlied” bejn l-armati.

 

Jien u nikber

 

3.    Jum minnhom, ferm iktar tard, rajtu fid-diffikultajiet li l-mard kien għabbih bihom.  B’uliedu u z-zija jindukrawh b’imħabba kbira.  Mhux biss, imma bi tbissima.  Uliedu, li niftakarhom qabel u wara li żżewġu, Joseph u George, li llum ġie msejjaħ lura mal-Ħallieq.  Kienu wkoll ferrieħa.  Lilna kienu jħobbuna, u jekk niftakar tajjeb, kelli nkarigu li nġorr iċ-ċrieket taż-żwieġ, ta’ tifel ċkejkuni li kont.  It-tnejn kienu jaħdmu fis-settur bankarju u darba jew tnejn, bħala avukat, iltqajt magħhom għal xi klijent xejn sempliċi.  Fl-1998, xahar qabel sirt kandidat politiku, kont magħhom fi vjaġġ minnhom organizzat ġewwa Lourdes.  Mort ma’ ommi, u hemm ingħaqad magħna ħija Anton huwa wkoll f’dik il-ġemgħa mill-isbaħ. Għadni nisma’ l-vuċi tal-kant tas-Salve Regina tagħhom fil-kappelli varji tal-post.

 

Tliet Ġawhriet

 

4.    Ħadt, għalhekk, verament pjaċir meta fl-24 ta’ Settembru 2015, ħames snin ilu, kont preżenti għal attività unika.  Din id-darba ltqajna ġewwa l-Imdina, mhux barra.  Imma f’dak il-ħin, parti mill-passat sar ħaj fil-preżent.  Fiha ġie ntrodott, għad-dispożizzjoni, ktieb sabiħ mimli bil-poeżiji li z-Ziju Manuel Pace kien kiteb.  Kont ngħid li kien serju, li kien jaf, u li kien ukoll kiteb, imma ma kontx naf bit-teżor li ġie għad-dawl.  Kien moħbi sew.  Doppjament.  L-ewwel għax kien juża isem ieħor, “nom de plums”.  It-tieni, għax kienu mxerrdin, mhux miġbura u anqas uliedu ma kienu jafu bihom.  Anzi, kif jidher ċar minn kitbet Joseph, kien hemm riluttanza fuq jekk kemm-il darba kienx qed jagħmel xi ħaġa tajba li jippubblika dawn għad-dinja.

 

Kelli l-ħsieb

 

5.    Minn meta ġie f’idejja dan il-ktieb, u bdejt niflih, ħassejt li għandi nirrakkomandah.  Xtaqt ktibt dak li qiegħed illum, qabel.  Il-ħin tirann ukoll.  Kelli din ix-xewqa għax dak li hemm miġbur, għalkemm jista’ jidher li ġej “sempliċement” minn vuċi passata, huwa minflok mimli b’sens u sustanza preżenti u futura.  Il-poeżiji miġbura huma mill-isbaħ.  Waħda wara l-oħra, issib fihom preċiżjoni, attenzjoni u ideat mill-isbaħ.  Kif l-introduzzjonijiet ta’ Oliver Friggieri, Dr Paul Heywood, Karmenu Vassallu u ta’ ibnu Joseph jixhdu, hemm temi kostanti li huma fonti ċari ta’ ispirazzjoni.  Il-mużi kienu jafu kif ifehmu u jmexxu lil dan il-Bormliż imrobbi u mgħallem fil-Kulleġġ De La Salle.  Dan il-ħaddiem bin is-sewwa.  Kitbietu, fil-fatt, jimxu fuq linja dritta u retta.  Ma hemmx kliem żejjed, u kull waħda hija mmirata biex twettaq il-frott.

 

Triq taqrahom

 

6.    Fil-verità, trid taqrahom sew u tħallihom jispirawk.  Ċertament, kif qalu dawk li jifhmu u li kienu jafuh aħjar minni, il-patrijottiżmu, l-Ilsien Nazzjonali, ir-Reliġjon, jiddominaw.  Hemm poeżiji mimlija b’imħabba lejn art twelidna.  L-Assedju l-Kbir, li tul dan ix-xahar infakkru b’mod partikolari.  Imma hemm ferm aktar.  Ċertament, huma mimlija bl-għarfien li wieħed jgħaddi l-valuri fundamentali tal-bniedem.  Mhux biss, imma hemm ukoll dawk mimlija mħabba, romantiċiżmu mill-isbaħ.  Imħabba lejn dawk li huma l-iktar viċin, imma wkoll lejn dawk li kien jara fit-tbatija.  Poeżija partikolari, “Is-Sliema Miegħek”, issellem lil dawk il-Maltin li emigraw barra.  Kitba li tista’, illum, tinqaleb u tinġi ndirizzata lil dawk li jaslu, b’xi mod, f’pajjiżna.  Waħda li tibda: “Jekk jagħfsek il-qagħad/u jġiegħlek tħallina,/ikollok tinfatam/minn Ommok ħanina.”

 

Maz-Zija Jeannie

 

7.    Hemm ukoll waħda mill-isbaħ dedikata liz-Zija, li fl-1932 kien iżżewweġ.  Zija li hija wkoll Bormliża u devota tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Verament, jekk kellek ix-xorti ssir tafhom, il-poeżija “Għanja ta’ Mħabba” tfisser ferm iktar milli tara miktub.  Kitba li ħafna li ħabbew mhux ser isibu diffikultà biex jidħlu fl-istess spirtu.  F’mument jikteb hekk: “Bid-daħka fuq fommok/Sellimtli bil-ferħa,/U għalkemm la kellimtni/Kellmuni għajnejk:/Ħarist ħarsa sbejħa/li nifdet lil qalbi,/li lili bħal talbet/biex ħieni ntir lejk.”  Mingħajr ma ridt, ftakart fiz-Zija, u fhimt iktar x’rabta mill-isbaħ kellhom bejniethom.

 

Reliġjon

 

8.    Għandu wkoll numru ta’ poeżiji reliġjużi u ġabra ta’ ġabra ta’ Twissijiet.  Il-poeżija twila, mill-iktar profonda “Għanja lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija” timmerita attenzjoni speċjali.  Wieħed għandu jaqraha u jużaha wkoll f’funzjonijiet reliġjużi, jew aħjar, għal dawk li jridu jieqfu jirriflettu u jimmeditaw.  F’parti jgħid hekk: “Serraħ Kristu l-ħarsa fuqek/Dak il-waqt li kien mislub,/Bexxaq fommu u bi kliem ħelu/Ħatrek b’Omm ta’ kollha l-qlub.”  Ma’ dawn, għandu żewġ ġabriet ta’ “Twissijiet”.  Fihom hemm pariri varji.  Direzzjonijiet lil kull persuna.  Pariri ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu fir-rabtiet interpersonali.  Bħal meta jgħid: “Kul dħuli, minn tagħna/la żżommha ta’ kbir:/bi mġiba sabiħa/Kemm ġid jista’ jsir.”

 

9.    Hemm ferm iktar fih.  Iktar poeżiji mill-isbaħ u li jolqtu.  Inħajjarkom, verament, takkwistawh u taqrawh.

 

Pajjiż batut.

 

 

1.    Ma kellniex naslu sa hawn, però issa hawn qegħdin.  L-effetti xejn pożittivi ta’ dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar snin fihom, tal-inqas, l-isfida tagħhom.  It-tkissir ta’ pajjiż huwa iktar faċli.  Ferm iktar diffiċli biex, minflok, tibni.  Tibni fuq dak li jibqa’.  Twettaq mill-ġdid dak li ħadem, jew taħseb li jista’ jaħdem fix-xenarju li l-futur ser iressqilna.  Hemm kumplikazzjonijiet umani, dawk li twieldu minn persuni li taw immaġini mod u sibnihom, fil-prattika, kompletament il-kontra.  Daħku bil-poplu.  Il-fatt huwa li l-pajjiż qiegħed jitmexxa minn formazzjoni politika li ser tħalli warajha wirt mimli dejn.  Hemm problemi li seħħew kaġun dirett tagħhom, u oħrajn li sabu art fertili biex kibru iktar.

 

Il-poplu qiegħed iħoss id-daqqa

 

2.    Il-pajjiż jista’ jkun aljenat, u aħna wkoll sirna parti minn dan.  Imma r-realtà tibqa’ li l-problemi hemm qegħdin u mhumiex jiġu konfrontati.  Bil-kumulu ta’ deċiżjonijiet żbaljati.  Bil-fatt li diversi ċedew għat-tentazzjoni li jxaħħmu, jew jixxaħħmu, l-affarijiet ħarġu mill-idejn.  Hemm wisq bnedmin fis-soċjetà involuti f’dan.  Il-ġid nazzjonali mhuwiex jiġi mqassam b’iktar ugwaljanza.  Anzi, kif qed naraw, qiegħed jidħol fi bwiet xi wħud.  Bwiet dak li jidhru barra, u dawk oħrajn li jibqgħu jinħbew wara l-kwinti.  Hemm traġedja f’dan, li dawk li l-aktar li kienu ppriedkaw kontra dan id-dnub mortali, kienu huma stess li wettquh b’tant konsistenza u perfezzjoni.

 

Fil-frattemp

 

3.    Fil-frattemp, hemm pajjiż li qiegħed imiss iktar mal-iżbalji li ttieħdu biex wieħed jaffronta l-pandemija.  Iktar li qegħdin isibu kumplikazzjonijiet fil-ħajja tagħhom fil-kwarantina.  Fil-telf tal-ħajja ta’ ġenituri u familjari għall-qalb tagħhom, f’ċirkostanzi ‘l bgħid minn kull dinjità u rispett.  Fil-każijiet li jiżdiedu b’rati xejn konfortanti.  Fl-għarfien ta’ diversi li ġew meħuda deċiżjonijiet żbaljati, li ma kienx f’postu li nitilqu niġru niftħu l-bibien tal-pajjiż.  Fl-inkwiet marbut fuq l-ispalla ta’ diversi ġenituri li jridu jiddeċiedu jekk jistgħux jafdaw il-kelma tal-Gvern u jibagħtu lill-uliedhom fl-iskejjel tagħna.  Fil-kumplikazzjonijiet akbar li ġew f’ħoġor l-għalliema li diġà kellhom l-isfidi kbar fl-edukazzjoni, u issa qed isibu ruħhom f’iktar.

 

Il-ġustizzja soċjali

 

4.    Oħtna l-ġustizzja soċjali tħalliet ‘il-bgħid mill-programm tal-Gvern.  M’għadx hemm min huwa s-sostenitur sod tagħha.  Hemm, anzi, min daħal fil-linja li m’għadhiex aktar applikabbli.  Illum, aktar minn qatt qabel, għandna lkoll nifhmu li dik li qabel kienet parti sħiħa mis-soċjetà li kellha tibqa’ tiġi sostnuta, issa ser issir neċessità assoluta.  Id-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern, kif ukoll il-kumplikazzjonijiet li ġejjin mill-pandemija, qed iwasslu għal iktar bnedmin, f’din is-soċjetà tagħna, f’diffikultajiet ekonomiċi u soċjali kbar.  Għal dawk li għadhom ikunu mal-poplu, jgħixu magħhom verament, jafu kemm hija gravi.  Jafu kemm hemm realtà qawwija li qegħda tolqot iktar familji minn qabel.  Dawk li tilfu x-xogħol.  Dawk li għandhom il-biża’ li ser jitilfuh.  Dawk li ma jistgħux iħallsu l-kontijiet tagħhom.  Dawk li qed jaraw l-istat ta’ ħajjithom sejjer lura.  Dawn jiżdiedu, u mhux jonqsu, qegħdin.

 

Xi programm?

 

5.    Din hija r-realtà li ħadd ma jista’ jmeri.  Jista’ jipprova jaħrab minnha.  Jista’ jipprova jidħak bih innifsu, li għada pitgħada din il-kundizzjoni ser issolvi ruħha waħedha.  Imma, iktar mill-bieraħ, l-affarijiet ser ikunu fuqna.  Ser jitolbu miżuri veru u sodi, li sa issa m’aħniex naraw.  Qed naraw biss dawk temporanji, li jtawlu, u mhux dawk li jikkonfrontaw  Programm ta’ ħidma immedjata m’għandniex.  Programm sabiex iwieġeb għat-tbatija ta’ min qiegħed l-iktar ‘l isfel, jew qiegħed jara lilu nnifsu nieżel ‘l isfel m’għandniex.  Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li ser ikollna budget, fl-aħħar tas-sena, li jwettaq il-mirakli.  Għandna bżonn miżuri kostanti li jwieġbu għar-realtà li tinbidel u li qed taggrava ruħha ġimgħa wara ġimgħa.

 

Preparazzjoni

 

6.    Minkejja kollox, xorta naħseb li bħala partit għandna nippreparaw aħna stess il-proċess tal-bidliet li jridu jsiru biex il-poplu jinqala’ minn din it-tbatija.  Il-pajjiż għandu bżonn dan il-proċess għal tlett raġunijiet.  L-ewwel: għax huwa tajjeb li wieħed iqajjem id-dibattitu fuq dak li hemm bżonn li jsir.  It-tieni: għax b’hekk inċaqilqu ‘l-Gvern preżenti biex jifhem li jrid iwieġeb sewwa għal din ir-realtà.  It-tielet: għax f’elezzjoni ġenerali, min irid jivvutalna, f’dak il-mument partikolari xorta ser idur fuqna għal tweġibiet.  Il-poplu jinteressa ruħu f’ħafna minn dak li jingħad fid-dibattitu nazzjonali, imma biex ikun f’pożizzjoni li jsegwi jrid ikun sod ekonomikament u soċjalment.  Fid-dinja jistgħu jsiru ħafna dibattiti politiċi ‘akkademiċi’, imma l-pajjiż jinteressah li jkollu stabilità u abbiltà li javvanza ‘l quddiem.

 

Il-futur

 

7.    Il-jiem li għandna, nafu x’rajna fihom.  Dawk li ġejjin, irridu nippreparaw ruħna għalihom.  Ħadd ma jaf x’ser jiġri aktar ‘il quddiem.  Ħadd ma huwa profeta.  Nistgħu nbassru.  Nistgħu nippruvaw niċċumbaw, imma lkoll nafu li dak li ġej ħadd ma jaf x’ser ikun fih.  Minn dak li qed naraw, is-sitwazzjoni ekonomika ser tkompli tmur lura.  Il-magna ser iddum iktar biex taqbad tajjeb.  It-turiżmu, li ilu jiġi mrawwem mill-Indipendenza, ser jieħu iktar żmien.  L-istess f’dik li hija l-pandemija.  Tista’ tispiċċa.  Tista’ ddum iktar, b’iktar kumplikazzjonijiet.  Imma l-fatt jibqa’ li l-Gvern tal-ġurnata mhuwiex preparat għal dan.  Mhux biss, imma f’din l-impreparazzjoni, il-poplu huwa verament batut.

    

Toroq is-sewwa.

 

 

1.    F’siegħa fejn ħidmet il-politiku hija iktar mimlija sfidi.  F’ħin fejn ir-riflessjoni dwar kemm, u kif wieħed għandu jaġixxi fil-ħidma pubblika, huwa għalija bżonn indur fuq żewġ politiċi passati.  Indur għal parir.  Indur għal direzzjoni, sabiex bil-kliem miktub u riportat tagħhom nista’ nipprova nifhem aħjar.  F’pożizzjoni fejn, stranament, il-parir ta’ Niccolò Macchiavelli qiegħed jieħu saħħa f’soċjetà li hija mfassla u mibnija fil-kontra.  Fil-linja li mhux importanti l-metodu, imma huwa biss l-għan li għandu jirbaħ.  Fejn qed narmu mit-tieqa snin ta’ esperjenzi umani.  Fejn qed indaħħlu lura spettri u dellijiet li l-Faxxiżmu, in-Nażiżmu u l-Komuniżmu kienu jħaddnu.  Fejn it-tradiment u l-anti-uman jiġi ġustifikat.  Imma ngħid x’ngħid, indur u madwari nara anki persuni reliġjużi li jinħakmu minn dan il-“bżonn”, kif qiegħed bħalissa nkompli naqra.

 

Kont ġejt mgħallem

 

2.    F’perjodu qasir ta’ ħajti, li ndur lura lejh b’nostalġija, kelli l-Kapuċċin Patri Arkanġlu Azzopardi jgħallimni l-Metodoloġija.  Kif kien kapaċi jfihem lili u lil studenti oħra li l-Insara, fil-ħajja tagħhom, iridu jkunu attenti fil-ħidma tagħhom.  Ikunu korretti u attenti sabiex dak li jwettqu jkun mibni fuq il-passi tas-sewwa.  Lezzjonijiet li juru li s-sikrana, tmur fejn tmur, ma tistax tkun parti mill-frott tas-sewwa.  Ħafna jinjoraw dawn il-lezzjonijiet elementari, u jaħsbu li l-politika u l-ekonomija jagħtu l-libertà tal-azzjoni.  Li huwa permess li tgħawweġ u tikser ir-regoli tas-sewwa.  Dawk li jippermettulek tuża mezzi żbaljati għax suppost ser takkwista xi mira li tiġġustifika d-direzzjoni żbaljata tiegħek.  Snin ta’ esperjenzi umani li kelli t-tama li wasslu ċar li l-pariri tal-Fjorentin lill-Prinċep tad-dinja huma żbaljati.  Kif jgħid il-Kardinal Robert Sarah: “While certain that they are defending the good, they perform a work of hatred.”[1]

 

Ktieb interessanti

 

3.    Ġew quddiemi dawn il-ħsibijiet waqt li kont qiegħed nisfolja, tul din il-ġimgħa, ktieb interessanti.  It-titlu tiegħu huwa “Moro e La Pira. Due Percorsi per il bene comune”, pubblikazzjoni tal-Fondazzjoni ‘Giorgio La Pira’.  Aldo Moro u Giorgio La Pira kienu żewġ politiċi Nsara li ħadmu sabiex pajjiżhom jirriforma ruħu wara t-traġedja tat-Tieni Gwerra Mondjali.  It-tnejn fi ħdan il-Partit Demokratiku Kristjan Taljan.  It-tnejn ħadmu fil-linja tagħhom għas-sewwa u fis-“silenzju”.  Għax kif ikompli jgħid tajjeb il-Kardinal Robert Sarah: “As for good, it makes no noise.  It builds patiently and perseveringly.”[2]  U dan il-ktieb iwassal, permezz ta’ numru ta’ ittri, li t-tnejn kellhom rabta personali, imma l-iktar, immirata lejn allenza vera lejn is-sewwa.

 

Punti ta’ ħidma

 

4.    Għalkemm kienu attivi politikament, però wettqu dan f’postijiet differenti u b’responsabbiltajiet hekk ukoll.  Il-ktieb, però, jimmira li jibni dan kollu fuq numru ta’ punti.  L-ewwel: it-tnejn kienu parti minn movimenti intellettwali viċin, u fi ħdan il-Kattoliċeżimu Taljan.  Waqt id-dittatura tal-lemin estrem u l-Faxxiżmu ltaqgħu fi ħdan il-FUCI.[3]  Waqt li numru ta’ persuni fi ħdan il-Knisja kellhom l-opinjoni żbaljata li jaqbel li l-Partit Popolari ta’ Don Luigi Sturzo jispiċċa, sabu rabtiet mad-direzzjonijiet spiritwali u soċjali li dak li kellu jsir il-Qaddis Papa Pawlu VI rnexxielu jagħtihom.  Timbru importanti fil-formazzjoni tagħhom, li servihom fil-ħidma futura reċiproka.

 

Differenza fl-età

 

5.    Bejn dawn iż-żewġ politiċi futuri kien hemm ħdax-il sena.  Fl-1937, meta ltaqgħu, Aldo Moro kellu 21 sena u La Pira 33.  Imma t-tnejn saru avukati.  It-tnejn ħabbew il-Liġi u t-tagħlim tagħha.  Moro fl-istituzzjonijiet u fil-proċedura kriminali.  La Pira fid-Dritt Ruman, fejn baqgħu t-tnejn attivi fid-dinja akkademika għal żmien twil.  Formazzjoni li kienet essenzjali għalihom meta ħadu sehem attiv fit-tfassil tal-Kostituzzjoni Taljana.  Min irid isegwi, għad jista’ jsib l-interventi preċiżi u diretti tagħhom.  It-tnejn markati u żviluppati fuq dik il-formazzjoni Nisranija li kienu ħadu u kkultivaw b’attenzjoni fis-snin meta d-dittatura ma kinitx tippermetti ebda attività politika oħra.  Kull aġir bażat fuq il-bżonn li wieħed isegwi l-metodi tas-sewwa, u mhux ta’ dak li apparentement jidher li jaqbillek.

 

Ittra tat-13 ta’ Ġunju 1976

 

6.    Dan l-impenn progressiv u fit-tul joħroġ iktar ċar f’ittra li La Pira, lejn l-aħħar ta’ ħajtu, bagħat lil Moro.  Fiha jgħidlu hekk: “Bene; questa Costituzione va ora attuata – edificio da perfezionare – perché serva in certo modo da guida alla costituzione di quello stato personalista e costituzionale mondiale verso l’edificazione del quale è orientata la storia nuova – di libertà e di pace – nel mondo.  Mettiamoci, quindi, al nuovo lavoro perfezionando il lavoro di ieri.”[4]

 

Politika nazzjonali

 

7.    It-tnejn kienu, għalhekk, ċertament parti minn żewġ punti politiċi determinanti għall-iżvilupp sħiħ tal-Italja.  Ħidma li kienet immirata, l-ewwel sabiex jitwettaq programm bażat fuq il-ġustizzja soċjali.  Wieħed li kien immirat sabiex dawk il-miljuni li kienu fil-faqar, l-Istat jgħinhom joħorġu minnu.  Jgħinhom sija fit-tkattir ta’ iktar postijiet tax-xogħol, kif ukoll sabiex ikun hemm tweġiba, kemm jista’ jkun diretta u personalizzata, lejn dawk li għandhom kundizzjonijiet soċjali varji.  L-istat soċjali Taljan huwa partikolari fil-pedament tiegħu, proprju minħabba din il-ħidma.

 

Politika barranija

 

8.    L-istess kollaborazzjoni ta’ ideat żviluppat iktar fit-twettiq ta’ politika barranija Taljana, u f’dan partikolari, differenti u anki “kontra l-kurrent”.  Waħda mmirata lejn iktar paċi fid-dinja.  Iktar attenzjoni lejn dak li kien qiegħed iseħħ fil-Mediterran u l-Medju Orjent.  Iktar għarfien tal-importanza taċ-Ċina fid-dinja.  Moro għamel żmien Ministru tal-Affarijiet Barranin u rċieva numru ta’ ittri mingħand La Pira fuq dan, waqt li l-istess kien President tal-Associazione delle Città Unite.

 

Lejn għarfien aħjar tagħhom

 

9.    Sija La Pira, kif ukoll Moro, inbdewlhom proċessi ta’ beatifikazzjoni fi ħdan il-Knisja.  It-tnejn ser jieħdu l-ħin u t-toroq partikolari u differenti, bħal ma għamlu f’ħajjithom.  Imma wieħed għandu jirrikonoxxi li l-Insara jistgħu jibqgħu hekk anke fil-politika.  Li, anzi, min huwa Nisrani jista’, kif kienu dawn iż-żewġ persuni, jkun strument għal bidla f’dinja diffiċli.  Ħajjithom hija xhieda ċara ta’ Nsara mpenjati fis-servizz tal-Istat, li jsibu fil-Fidi tagħhom raġunijiet ta’ ftuħ u mhux ta’ egħluq lejn id-dinja, ta’ konverġenza u mhux ta’ kunflitti inutli.  Fuq kollox, ta’ bnedmin li jixhdu li fil-politika, il-metodu t-tajjeb, dak li hu ggwidat mit-tagħlim Nisrani, huwa li jwassal għas-sewwa.

 



[1] The Day is Now Far Spent, paġna 135

[2] Ibid, paġna 136

[3] Federazione Universitaria Cattolica Italiana.

[4] Moro e La Pira, paġna 232

Opportunitajiet mitlufa.

  

1.         Għaddejna issa fit-tieni leġislatura tal-Partit Laburista.  Ilna minn Marzu 2013 li saret din il-bidla.  Illum qbiżna s-seba’ sena, u dħalna fit-tmien waħda.  Il-ġudizzju aħħari għad irid jiġi meta tersaq l-elezzjoni ġenerali.  Dik li, minn kif qiegħed nara s-sinjali, tidher ferm iktar viċina milli qegħdin naħsbu.  Ser ikun hemm ir-“rendikont” li jrid jingħata minn dak il-partit li kellu, u għad għandu, maġġoranza fil-voti u parlamentari daqshekk qawwija.  Hemm prijoritajiet nazzjonali li setgħu wettqu, li baqgħu fuq l-ixkaffa u ġew imwarrba.

 

Ġustizzja soċjali

 

2.         Iktar ma mmorru f’din is-soċjetà preżenti, iktar ser naraw diffikultajiet soċjali u ekonomiċi.  Il-pajjiż sejjer lura fil-kapaċità tiegħu sabiex joħloq ix-xogħol u l-ġid komuni.  Min huwa l-iktar ‘l isfel fl-iskaluni tal-pajjiż qiegħed diġà jmiss ma’ din ir-realtà.  Min kien fil-parti li kien, sa ftit xhur ilu jħossu ftit komdu, issa qiegħed jara lilu nnifsu mhedded.  Jibża’ li jitlef ix-xogħol.  Jibża’ li jispiċċa barra fit-triq għax ma jistax ilaħħaq mal-kontijiet tal-kirjiet u s-servizzi essenzjali biex iżomm familja.  L-istat soċjali huwa parti vitali mill-komunità tagħna.  Kif ma jiġix sostnut, kif jitħalla jmur lura u mhux ikkurat ikun hemm il-konsegwenzi fuq il-ġilda tal-bniedem.

 

Kull persuna

 

3.      Ħadd m’huwa indispensabbli, imma ħadd m’huwa sostitwibbli.  Ir-rispett veru u mhux apparenti lejn il-bniedem jitlob attenzjoni u kura.  Jitlob li nħarsu lejn il-bżonnijiet personali tiegħu.  Nifhmu aħjar dak li qiegħed jgħaddi minnu.  Dan jista’ jsir.  Anzi, ngħid li huwa dmir tagħna lkoll li jsir.  Jista’ jsir għall-propaganda li l-Gvern tal-ġurnata joħroġ f’miżuri li jiddikjaraw li huma mmirati lejn il-maġġoranza fi ħdan ċertu grupp soċjali.  Studji preċiżi, studji xjentifiċi ma jsirux.  Jinxeħtu l-flus f’toroq li jistgħu jolqtu, u jistgħu le.  Sparar fl-ajru mingħajr direzzjoni, jew b’balla waħda preċiża.  Dan seta’ sar f’dawn is-snin, imma kif qiegħed nara, ma sarx.

 

Linja politika differenti

 

4.      Il-linja politika li ġiet imħaddna hija waħda li kjarament ma tridx tidħol f’dibattitu u f’riċerka dettaljata tal-bnedmin fis-soċjetà.  Dan ifisser li l-miżuri li jseħħu ma jolqtux direttament fejn hemm il-bżonn li jkunu.  Dan il-Gvern, bis-saħħa politika li għandu, dan kellu l-opportunità li jwettqu, imma dan m’għamlux.  Ma kinitx fil-prijorità tiegħu li jistudja sewwa dak li għaddejjin minnu l-Maltin u l-Għawdxin, u jwieġeb għalih.  Minflok politika soċjali mar lejn waħda liberali.  Waħda iktar faċli, bażata fuq il-kunċett li min huwa l-iktar b’saħħtu jirbaħ fuq min huwa ‘l isfel fil-klassi soċjali.  Dak l-ideal soċjali li mexxiena jinsab imwarrab.

 

Id-duttrina soċjali

 

5.      Il-Knisja Kattolika għandha minjiera ta’ għerf u direzzjoni li, f’dawn l-aħħar snin, fis-soċjetà naqas l-apprezzament tiegħu.  Id-duttrina soċjali tagħha hija waħda minn dawn il-fonti.  Dawl ta’ ħsieb u ispirazzjoni għal min irid iwettaq l-ideal soċjali.  Dawk li kellu diġà dan l-avvanz progressiv minn żmien l-enċiklika Rerum Novarum.  Imma s-sabiħ hu, għal min irid ifittex, li t-tiġdid ma naqasx.  Anzi, kif qrajt tajjeb, il-Papa Benedittu XVI ħa ħsieb li din tibqa’ tiġi mġedda u rilevanti.  Dan dejjem għal min irid jifliha u jifhimha.  Dejjem jekk taqra, jew almenu ssegwi dak li għaddej.

 

Platitudes

 

6.      Tul dawn is-snin, nara iktar l-iżball ta’ dawk li jħarsu lejn politika li tabbanduna l-ideal soċjali.  Hawn iktar minn qatt qabel politika faċli tal-lemin.  Politika li qegħda tabbanduna t-tagħlim għaqli taċ-ċentru.  Anzi, il-kwistjoni hija mhux f’linja ta’ attenzjoni u moderazzjoni, imma lejn estremizi.  Linja li sejrin iktar, kif nara jien, lejn ideat li l-materjaliżmu li l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu welldu bi ħsara għall-Ewropa u għad-dinja.  Hawn nuqqas ta’ taħriġ u tagħlim politiku.  Dak li jsir mhuwiex ispirat mill-ideali tal-partiti, imma minn sempliċi forom strambi ta’ pragmatiżu.  Dawk bażati mhux fuq is-sustanza tad-diskors, imma fuq il-pakkett estern tagħha, fuq il-libsa li tilbes jew it-ton li tuża waqt li titkellem.  Sejrin lejn diskorsi vojta, rimarki ġenerali li la huma naħa u lanqas oħra.

 

Intilef il-ħin

 

7.      Filwaqt li, ċertament, fil-Partit Nazzjonalista rridu noqogħdu attenti li ma naqgħux f’dak li qiegħed jimxi bih ħaddieħor.  M’għandniex nimitaw l-iżbalji jew eżempji ta’ min ħoloq u ssoda l-politika tal-kumdità.  Għandna, minflok, nifhmu kemm irridu nidħlu f’iktar dettall xjentifiku tas-soċjetà, biex l-ideal soċjali ma jintilifx.  Il-gvernijiet huma għas-servizz tal-poplu, però, biex ikunu hekk, mhuwiex biss li jkun hemm ordni jew osservanza tal-liġi, imma iktar.  Irridu nifhmu li ntilef il-ħin għar-riformi li ilhom, dawn is-snin, jistennew li jsiru u setgħu jseħħu.  Nittama li d-direzzjoni tinbidel.  Nittama li dan isir qabel ma jkun iktar, u ferm iktar tard, milli huwa.  Għax, kif qed naraw, l-opportunitajiet jintilfu u l-bnedmin ibatu l-konsegwenzi.

 

 

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...