29.11.20

Verità u ġustizzja f’Nurimberga.

 


 

1.     Tul dan ix-xahar fakkarna anniversarju importanti.  Ħamsa u sebgħin sena ilu, fl-20 ta’ Novembtru 1945, ġewwa l-belt ta’ Nurimberga beda proċess legali uniku.  Dawk id-diversi kapurjuni tar-reġim Nażista, li kienu nstabu u ġew arrestati, tressqu quddiem Qorti Kriminali.  Kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem li dawk li daħħlu d-dinja f’kunflitt daqshekk żbaljat, ġew proċessati.  Kien hemm diskussjoni bejn l-Allejati: Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Sovjetika jekk dan għandux isir.  L-argument kuntrarju kien dak li staqsa jekk kienx ikun iktar aħjar li kieku flok dawn il-proċeduri legali kien hemm il-fuċillazzjoni immedjata.  Ir-raġuni rebħet.

 

Kien diffiċli

 

2.     Kien hemm diffikultajiet u kumplikazzjonijiet mill-aspett legali.  Ma kienx hemm liġi internazzjonali kriminali miktuba f’att jew trattat partikolari qabel.  Imma, b’ħidmet ġabra ta’ ġuristi, dan ġie superat.  Determinanti kienet f’dan il-ħidma ta’ Robert H. Jackson, li f’pajjiżu kien serva bħala mħallef u avukat ġenerali.  Kien b’din l-esperjenza u intelliġenza li ġie fformulat l-att tal-akkuża.  L-akkużi kienu diretti kontra dawk li kienu l-mexxejja tar-reġim.  Kienu wkoll, fis-sustanza, marbuta principalment ma’ delitti kontra l-paċi, f’parteċipazzjoni f’delitti kontra l-umanità.  Proċess, li wara tant snin, nibqgħu nirrikonoxxuh bħala att ta’ Ċiviltà.  Dawk li qabdu u qatlu diversi bnedmin sabu liġi tistennihom.  Waħda superjuri.  Waħda li ebda bniedem ma jista’ jibdel jew jiċħad.  Dik f’qalb il-bniedem, li jitwieled biha.

 

Proċess storiku

 

3.     Kien hemm għażla ċara meta ġie deċiż li l-proċess isir fil-belt ta’ Nurimberga.  Kien f’din il-belt li saru diversi laqgħat, mass meetings b’diskorsi jħeġġu ‘l-poplu jsegwi l-ġenn assolut tal-lemin estrem.  Il-politika żbaljata li ġabra ta’ delinkwenti wettqu.  Il-post li sostna t-trijonf kellu jkun dak li jġib il-pajjiż għar-realtà.  Jifhmu dak li sar f’isimhom.  Ikunu jafu l-fatti li l-magna tal-propaganda Nażista kienet kapaċi, sal-aħħar, taħbi.  Isiru jafu kemm atroċitajiet seħħew.  Kemm bnedmin innoċenti tilfu ħajjithom brutalment.  Kemm, fil-verità, kienu mexxija minn ġabra ta’ bnedmin li kienu daħku bihom, għax altru li qalu, u altru li għamlu.

 

Provi ċari

 

4.     L-ismijiet ta’ diversi mexxejja li l-poplu kien ilu tnax-il sena jisma’ bil-bumbardament propagandistiku, kemm kienu tajba, u kemm kienu mimlija bi glorja, f’daqqa waħda missew mar-realtà.  Għalkemm diversi kienu raw li dan il-proċess kien markat biex jumiljahom, ġew wiċċ imb’wiċċ mal-verità.  Dan seħħ għax il-prosekuzzjoni rnexxielha tressaq volum kbir ta’ dokumenti u xhieda.  Ir-reġim mhux biss wettaq atroċitajiet, imma ħa ħsieb li dawn iżomm prova dettaljta tagħhom.  Kull dokument wera min kien responsabbli.  Min ħa d-deċiżjoni, u x’kien il-ħsieb żbaljat tiegħu.  Il-poplu Tedesk sar jaf.  Miegħu, id-dinja ġiet mgħarrfa bil-programm li stabbilew l-imġienen biex jeliminaw ir-razza Lhudija.  Bil-kampijiet tal-konċentrament u dak kollu li kien seħħ fihom.  Tul il-proċess xehdu diversi, u ġew prodotti filmati ta’ dak li sabu s-suldati alleati kif daħlu f’diversi minn dawn il-kampijiet.  Dawn, waħedhom, kienu biżżejjed.  U minn hemm beda proċess iebes ta’ aċċettazzjoni fl-umiljazzjoni li n-Nażiżmu daħħalhom fih.

 

M’għandux jirrepeti ruħu

 

5.     Il-proċess f’Nurimberga kellu, u għad għandu, diversi merti.  Ċertament u prinċipalment dak li wera r-realtà tal-fatti.  Kemm Adolf Hitler kien żbaljat.  Kemm ġieb sofferenza fuq bnedmin oħra.  Kemm kien forza ta’ ħażen fl-banalità li din tipproduċi.  Fuq kollox, li n-Nażiżmu, l-lemin estrem jipproduċi stat immexxi minn kriminali.  Jipproduċi dittatura fejn il-bniedem, kull wieħed, jitlef id-dinjità tiegħu.  Li d-demokrazija tinqered u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jispiċċaw.  Lezzjoni għal dawk li huma favur is-sewwa, favur il-libertà, il-ġustizzja u l-protezzjoni taċ-ċiviltà tagħna li għandhom jaħarbu kull aġir politiku Nażist.

 

Wara 75 sena

 

6.     Bħala student universitarju ġejt mgħallem dwar dan.  Nifhem iktar illum għala fuq l-ixkafef tal-Librerija tal-Università hemm numru ta’ volumi bil-proċess miġbur.  Uħud kont qbadt u qrajt siltiet twal minnhom.  Nifhem kemm l-istorja għandha tiġi protetta u mxerrda.  Għax f’dan għandna niftakru mill-ġdid dak l-appuntament importanti fl-istorja tal-bniedem.  Għandna dmir nifhmu kemm għandna naħdmu biex, fil-ħajja tagħna u fil-politika, ma nippermettux li nerġgħu niġu fejn ġew oħrajn.

 

Attenzjoni

 

7.     Ma nkunux dawk li, b’xi mod, nappoġġjaw jew nippermettu xi forma ta’ skuża lil dawk li fil-politika jwettqu atti kontra s-sewwa.  Inkunu, anzi, kontinwament attenti biex nagħlqu l-bieb għal kull forma ta’ idea li teħodna lura lejn il-lemin estrem.  Inkunu fost dawk li naqraw il-kotba tal-istorja biex nifhmu fid-dettall dak li seħħ.  Nifhmu d-distruzzjoni li ġiebu.  Inżommu quddiemna l-kwantità kbira ta’ bnedmin li tilfu ħajjithom.  Napprezzaw iktar dak li seħħ f’Nurimberga sabiex titwettaq il-ġustizzja u tinxtered il-verità.

 

 

   

Mhux b’kumbinazzjoni.

 

 

1.     Partit, minnu nnifsu, huwa ġabra ta’ bnedmin.  Meta jibda, jew inkella tul iż-żmien, xi ħadd jaħseb li l-partit huwa proprjetà tiegħu jkun qiegħed idaħħal lili nnifsu fi sqaq.  Il-partit li jkun rilevanti, u li jkollu s-saħħa elettorali tiegħu, huwa frott ta’ numru ta’ fatturi.  L-abbiltà li jifhem, l-ewwel dak li għaddej fi ħdanu, u wara, fis-soċjetà.

 

Proċess

 

2.     Hemm proċess fl-arti li jifhem il-persuni li huma fi ħdanu.  Kif iħajjarhom ikomplu jkunu parti, u kif japprezza l-ħidma, it-talenti, il-ħsibijiet tagħhom.  Kif jagħraf iġib diskussjoni interna li minnha ma jkunx hemm impożizzjoni, imma konverġenza.  Proċess li fih taċċetta dak li għandek, u taħdem bih.  Il-komponenti huma mħallta.  Bejn dawk li jirrappreżentaw il-vuċi interna tal-partit u dawk li jirrappreżentaw dik esterna, tal-poplu.

 

Tapprezza li għandek       

 

3.     Partit irid japprezza dak li għandu, u mhux joqgħod jittama jew jixxennaq għal dak li ma jkollux.  Il-politika, kif tibda tkun teknokratika jew elitista titlef, u taqa’ f’din in-nassa.  Il-bnedmin eletti u attivi fi ħdanu jkunu hekk għal numru ta’ raġunijiet.  Mhux b’kumbinazzjoni, imma lkoll bir-raġunijiet partikolari tagħhom.  Il-poplu jagħżel li jiġi rappreżentat minn dawk li jaf għal diversi elementi, imma b’għażla.

 

Jiġu mbuttati

 

4.     L-istess jgħodd għal dawk li jitressqu u jiġu mbuttati ‘l quddiem, imma li l-elettorat ma jkunx irid.  Hemm xorta dak il-proċess.  Mhix kwistjoni ta’ żbilanċ, jew nuqqas ta’ għerf fil-votant.  Hija, minflok, il-bilanċ, l-ordni naturali li d-demokrazija tibni u tagħti.  Iktar u iktar fi gżira bħal tagħna, fejn il-bnedmin jiġu apprezzati jew le għax huma fatturi magħrufa.

 

Disprezz elitista

 

5.     Dawn il-lezzjonijiet, tul dawn il-ġimgħat, qed narawhom abbandunati mill-Partit Laburista fil-Gvern.  Daħlet iktar f’dan fi ħdanu li għandu bżonn imur lejn iktar teknokrazija.  Fejn huwa l-mexxej li jagħżel lir-rappreżentanti għall-elettorat, u mhux il-kontra.  F’dan hemm aġir anti-demokratiku, u dan għax anke jekk min imexxi m’għandux grazzja ma’ deputat jew ieħor, xorta għandu jara kif jaħdem ma’ min ġie elett miegħu.

 

Lezzjonijiet

 

6.     Hemm lezzjonijiet varji, ġejin mill-passat, li jgħallmu fuq dan.  Għax hemm dawk li juru li jafu ħafna li iżda, quddiem il-problemi tal-Istat, ifallu.  U hemm dawk li jiġu skartati minn oħrajn u li, fil-mument tal-prova, juru l-abbiltà tagħhom.  Għax kull bniedem fih it-tajjeb, u jekk għażlu l-poplu f’elezzjoni, ċertament li dawn il-kwalitajiet ġew mgħarfa minnu.

 

Fuq u isfel

 

7.     It-tibdil fil-ministri li rajna tul dawn il-jiem jikkonferma iktar proprju dan kollu.  Persuni ġew imċaqilqa b’raġuni, oħrajn bla ebda waħda.  Oħrajn iddaħħlu minn barra, u jidher li ngħataw saħħa politika iktar minn dawk li kienu diġà ġewwa.  Oħrajn twarrbu fil-kantuniera tal-Kabinett, bil-messaġġ ċar ħafna li ma tantx huma wisq apprezzati.  Inħolqu ministeri li ma konniex smajna bihom, u li anqas għandhom dipartimenti taħthom.

 

Ma kienx hemm għalfejn

 

8.     Saru passi li ma rajniex bħalhom, li ma kellhomx għalfejn isiru, u li ċertament kien ikun aħjar li kieku ma sarux, sija għall-pajjiż tagħna, kif ukoll għall-persuni nvoluti.  Fil-politika, min imexxi jaħseb li jkollu ħafna saħħa; minflok, ikun dgħajjef u miftuħ għall-attakk.  L-agħar għalih huwa dejjem li meta jkun umilja bnedmin dawn ma tantx, wara, jaħfrulek dak li tkun wettaqt magħhom.

 

Il-bażi u t-tmexxija

 

9.     Jidher iktar ċar li għalkemm il-bażi tal-partit għadha l-istess, il-membri tal-Partit Laburista għadhom jaħsbu u jirreaġixxu fir-rispett ġenerali tal-esperjenza u l-istorja politika passata.  Imma t-tmexxija issa qegħda turi iktar ċar li nqatgħet.  Min qiegħed jagħti dawn il-pariri żbaljati, ma nafux.  Iżda huwa evidenti li telqet għal rasha, u dak li qed tibgħat lura mal-elettorat mhuwiex proprju jiġi apprezzat.  Hemm għerf, appartenenza komuni ta’ ideat u ħidmiet li qed jiġu skartati, u hemm min qed jipprova wkoll jassigura li jiġu mibdula.  Proċess li jagħmel mill-partit dak li mhuwiex.

 

Ebda gratitudni

 

10.   Dak li seħħ fil-passat mhuwiex iktar apprezzat.  Dawk li ħadmu għal snin b’impenn jafu li hemm riħ differenti għaddej.  Il-partit imexxi pajjiż jekk jirrispetta l-komponenti sħaħ fi ħdanu.  Meta dan ma jwettqux u jibda jaqta’ barra wħud, iċekken oħrajn u jagħti vuċi iktar milli għandu lil ta’ madwaru, ikun fil-fatt għażel triq diffiċli għalih innifsu.

 

Għad irridu naraw

 

11.   Ċertament, bil-kumplikazzjonijiet li daħħal lili nnifsu fihom, ta’ qablu ma kienx iwettaq dan.  Kien iktar attent għar-relazzjonijiet u reazzjonijiet umani.  Għalhekk kellu, u għad għandu, saħħa u popolarità.  Għax, kif nafu, fil-politika r-reazzjonijiet għall-azzjonijiet jiġu mhux mill-ewwel; idumu jinħmew, u kull kap jiġi fil-liwja.  Fix-xhur li ġejjin, din il-qasma maħluqa ser tibda tidher.

 

Il-bniedem jibqa’ l-bniedem

 

12.   In-nies attivi fil-politika ma jinbidlux.  Il-ġlied tallum jibqa’ dak ta’ għada.  Il-feriti jinfetħu ġewwa ħdan partit, u diffiċli biex ifiqu.  Għalhekk, ikun għaqli li dak li seħħ f’dan it-tibdil fil-Kabinett, m’għandux jiġi imitat jew ripetut minn oħrajn.  Iktar u iktar jekk dak li qiegħed jieħu l-forma huwa reazzjoni għall-passat.  Għax il-bniedem jibqa’ dak li huwa, u proprju għalhekk li xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.

22.11.20

Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar - rijabilitazzjoni

16324. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14293, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu fir-rigward tal-Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar?

19/08/2020

 ONOR. AARON FARRUGIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta Numru 373
19/10/2020

MCAST - Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport – student ggradwati ingaġġati fl-isptarijiet

 16502. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra jekk kemm-il-darba l-istudenti li issa ggradwaw mill-MCAST fil-kors intitolat Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport humiex ser jiġu ingaġġati jaħdmu fl-isptarijiet jew fis-servizzi mediċi ta’ pajjiżna?

08/10/2020

 ONOR. CHRIS FEARNE: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna li tkun eliġibbli tista’ tapplika għal sejħiet li joħroġ dan il-Ministeru.

Seduta Numru 379
27/10/2020

Ix-Xgħajra – Batterija della Grazia - żvilupp

16380. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15112, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi rigward il-Batterija della Grazia fix-Xgħajra?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra

Seduta Numru 378
26/10/2020

Ċentri miftuħa – persuni reġistrati

16379. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati fiċ-Ċentri miftuħa sal-aħħar ta’ Awwissu 2020?

02/09/2020

 ONOR. BYRON CAMILLERI: Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni reġistrati fiċ-ċentri miftuħa sal-aħħar ta’ Awwissu 2020 huwa kif jidher hawn taħt:

Dar il-Liedna – 44

Ħal Far Family Open Centre – 130

Ħal Far Hangar Open Centre – 372

Ħal Far Tent Village – 1,141

Initial Reception Centre Marsa – 115

Seduta Numru 378
26/10/2020

Ċentri ta’ Detenzjoni – persuni reġistrati

16377. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni sal-aħħar ta’ Awwissu 2020?

02/09/2020

 ONOR. BYRON CAMILLERI: Ninsab infurmat illi kien hemm 1701 persuna reġistrata fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni sal-aħħar ta’ Awwissu 2020.

Seduta Numru 378
26/10/2020

 

Il-Birgu - Pjazza tal-Vittorja - pavimentar

16378. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex il-pjazza ċentrali magħrufa bħala tal-Vittorja fil-Birgu hiex se tiġi rranġata u pavimentata?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu li x-xogħol tat-tiswija u pavimentar tal-Pjazza tal-Birgu se jkun jista’ jinbeda ladarba jitlestew numru ta’ toroq residenzjali.

Intant il-Kunsill Lokali diġa ltaqa’ mal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu li offriet li tkopri l-ispejje¿ tal-pavimentar fil-waqt li Infrastructure Malta tgħaddi s-servizzi kollha meħtieġa. Aktar informazzjoni tingħata ġaladarba jitlestew id-diskussjonijiet neċessarji.

Seduta Numru 378
26/10/2020

Bormla – Ground Peppi Delceppo - progress

16376. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13373, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi progress rigward il-ground Peppi Delceppo f’Bormla?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla illi tqabbad perit sabiex jagħmel reviżjoni tal-bills of quantities. L-imsemmija tpoġġew għad-diskussjoni u ġew approvati mill-Kunsill Lokali waqt seduta li nżammet f’Awissu 2020.

Ninsab infurmat ukoll illi se tinħareġ sejħa għall-offerti għar-riġenerazzjoni tas-sit.

Seduta Numru 377
22/10/2020

Knisja ta’ San Pawl f’Bormla - tindif

 16373. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li l-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla tiġi mnaddfa minħabba l-fatt li hemm pjanti li kibru fuq il-koppla tagħha?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li diġa sar ftehim bejn il-Kottonera Foundation/Uffiċċju tar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera u d-Direttorat tar-Restawr, sabiex il-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla tkun inkluża fil-pjan tax-xogħolijiet ta’ restawr għas-sena 2021.

Seduta Numru 377
22/10/2020

Il-Gudja – Triq it-Torri - xogħlijiet

 16372. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa Triq it-Torri fil-Gudja li ġiet irranġata? Jista’ jgħid jekk humiex se jsiru xogħlijiet oħra?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħolijiet fi Vjal it-Torri saru minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Seduta Numru 377
22/10/2020

Applikazzjoni għal hotel

16375. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba hemmx progress fir-rigward ta’ applikazzjoni sabiex tinbena hotel fix-Xatt tal-Birgu ħdejn l-ex Casino di Venezia?

02/09/2020

 ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjoni quddiemha biex tipproċessa proposta li tinvolvi bini ta' lukanda fix-Xatt tal-Birgu fejn dak li kien Casino di Venezia.

Seduta Numru 377
22/10/2020

Kappella ta’ Santa Katarina fil-Gudja - restawr

 16370. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fix-xogħol ta’ restawr li qed isir fil-Kappella ta’ Santa Katarina fil-Gudja, il-Ministeru tiegħu hux involut jew ikkonsultat? Jekk iva, b’liema mod?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja, li l-Kunsill qatt ma kien involut b'mod dirett fir-restawr ta' din il-kappella. Ix-xogħol ta’ restawr qed isir mill-istudenti tal-MCAST.

Seduta Numru 375
21/10/2020

Il-Gudja – Triq id-Dejqa u Triq Santa Katarina - xogħlijiet

 16368. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa u meta hu previst li jispiċċa x-xogħol li qed isir fiż-żona ta’ Triq id-Dejqa u Triq Santa Katarina fil-Gudja?

02/09/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li dawn ix-xogħlijiet fl-imsemmija toroq qiegħdin isiru minn Infrastructure Malta.

Ninsab infurmat wkoll illi l-Kunsill Lokali ser ikun qed jieħu ħsieb il-pavimentar wara li jitlestew ix-xogħlijiet min-naħa tal-Infrastructure Malta. Bħalissa għaddejja evalwazzjoni ta’ sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol ta’ pavimentar. Il-pavimentar maħsub li jinbeda bejn Novembru u Diċembru ta' din is-sena, u qed jiġi ppjanat li f'sitt xhur ikun lest il-proġett.

Seduta Numru 375
21/10/2020

High Commision ġewwa l-Ghana – ħidma

 16317. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13829, jista’ l-Ministru jindika għala l-proġett jinsab on hold? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-infiq u d-dħul li kien hemm tul is-sena li għaddiet mill-imsemmija High Commission? Jista’ jgħid il-korrispondenza marbuta ma’ nuqqasijiet gravi mal-istess, ġietx riferuta lill-Ministeru?

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ tisbieħ kien on hold minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-imxija tal-CoVID-19. Il-proġett issa beda u l-kuntratt ta’ tisbieħ ġie ffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2020.

Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant illi l-ispiża fl-2019 kienet ta’ €194,693.07 u ma kien hemm l-ebda dħul (revenue).

Il-Ministeru ma’ rċieva l-ebda rapporti dwar nuqqasijiet gravi relatati mal-proġett.

Seduta Numru 372
14/10/2020

Identity Malta - Dixxendenti Maltin li jgħixu fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fl-Alġerija

 16334. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11645 u 14286, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru rċeviex ilmenti minn persuni li huma ta’ dixxendenza Maltija li ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu? Saru diskussjonijiet ma’ Identity Malta sabiex is-sistema taħdem aħjar milli kienet, wara l-emendi li ġew approvati?

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-Ministeru jista’ jikkonferma li ma rċeviex ilmenti minn persuni ta’ dixxendenza Maltija li jgħixu t-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu dwar applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija, kif kien irrappurtat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14286, il-Ministeru kien iddiskuta din il-materja mal-awtoritajiet kompetenti mill-Aġenzija Identity Malta, u filwaqt li dawn tal-aħħar fehmu d-diffikultajiet li applikanti ta’dixxedenza Maltija mit-tali pajjiżi jistgħu isibu biex jipprovdu ċertifikati tat-twelid oriġinali tal-iStat minħabba raġunijiet ta’ natura storika, għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadinanza u wara ta’ passaport Maltin, issa dawn il-persuni jistgħu jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-magħmudija, flimkien ma’ kull dokumentazzjoni oħra wara li d-dixxendenza minn persuna mwielda f’Malta tkun ġiet stabbilita. Il-Ministeru huwa nfurmat mill-Aġenzija Identity Malta li każi ta’ dan it-tip qed jiġu trattati każ każ biex ikun aċċertat li d-dokumenti ppreżentati jkunu awtentiċi.

Fir-rigward tal-emendi fil-leġislazzjoni msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari, l-Aġenzija Identity Malta infurmat lill-Ministeru li fejn qabel kien possibbli biss għal persuni li twieldu barra minn Malta biex japplikaw għal ċittadinanza Maltija abbażi ta’ dixxendenza kif definit fil-proviżjonijiet tal-istess leġislazzjoni, issa din ġiet estiża ukoll għal persuni li twieldu Malta. F’dan l-istadju għalhekk, dawn l-emendi fil-leġislazzjoni ma japplikawx għal persuni li dwarhom saret din il-Mistoqsija Parlamentari

Seduta Numru 374
20/10/2020

 

MCAST - Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport – diffikultà għall-ingaġġ tal-istudenti

16503. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il-darba l-istudenti li daħlu għall-kors fl-MCAST intitolat Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport humiex isibu diffikultajiet sabiex jiġu ingaġġati għax-xogħol f’setturi kliniċi u jekk iva x’inhuma kif ukoll x’passi qegħdin jittieħdu sabiex jiġu solvuti?

08/10/2020

 ONOR. OWEN BONNICI: Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-MCAST, bħala istituzzjoni edukattiva tagħmel dak kollu possibbli sabiex toffri opportunitajiet varji lill-istudenti sabiex tesponihom għal sitwazzjonijiet, kuntesti u rwoli differenti fi ħdan l-industrija, bħal pereżempju xogħol fi djar tal-anzjani, mal-adolexxenti, jassistu fiżjoterapisti, u dan isir b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ istituzzjonijiet bħal Sedqa, Caritas u oħrajn, fl-isforz tagħna biex niftħu kemm jista' jkun rotot għall-istudenti. Fil-fatt, fil-kapaċità tagħna ta’ istituzzjoni edukattiva, naħdmu id f'id mal-industrija, fi ħdan tim multidixxiplinarju, biex niżguraw li niffaċilitaw it-transizzjoni tal-istudenti li jaspiraw li jkollhom karriera fis-settur.

Seduta Numru 379
27/10/2020

MCAST - Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport - studenti

16501. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm studenti li daħlu għall-kors fl-MCAST intitolat Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport u kemm minnhom sa issa ggradwaw?

08/10/2020

 ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant dwar l-istudenti li daħlu fil-kors tal-MCAST Bachelor of Science (Honours) in Sport, Exercise and Health hu kif se nsemmi:

fl-2016/17 - 15-il student li bdew il-kors bħala Higher Diploma in Exercise for Health u wara għamlu top-up għall-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health. Minn dawn iggradwaw 13 fl-2019.

fl-2017/18 - 39 student bdew il-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health.

fl-2018/19 - 35 student bdew il-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health.

fl-2019/20 - 52 bdew il-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health.

Seduta Numru 379
27/10/2020

EASO – ħidma fuq l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari

16319. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir mal-EASO fir-rigward tal-isfida tal-immigrazzjoni irregolari?

19/08/2020

 ONOR. BYRON CAMILLERI: Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi għandu fis-seħħ Pjan Operazzjonali u ta’ Assistenza Teknika għall-2020 mal-EASO. Dan jikkonċerna assistenza fil-proċess tal-ażil, l-identifikazzjoni ta’ immigranti vulnerabbli, ir-rilokazzjoni u taħriġ. Ftehim simili kien ukoll implimentat matul l-2019.

Seduta Numru 372
14/10/2020

Notifika D – persuni li rreġistraw volotarjament

16320. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li rreġistraw volontarjament taħt in-Notifika D sal-aħħar ta’ Settembru 2020?

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Settembru 2020, in-numru ta’ persuni li rrieġistraw volontarjament taħt in-Notifika D kienu jammontaw għal ħames mija u tnejn u għoxrin (522).

Seduta Numru 372
14/10/2020

Xgħajra – Batterija Della Grazia - restawr

16315. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15112, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudji neċessarji dwar il-Batterija Della Grazia sarux u jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?

19/08/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċessi neċessarji f’dan l-istadju għadhom għaddejin.

Seduta Numru 371
13/10/2020

Il-Gudja – Triq it-Torri - xogħlijiet

 16371. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa Triq it-Torri fil-Gudja li ġiet irranġata? Jista’ jgħid jekk humiex se jsiru xogħlijiet oħra?

02/09/2020

 ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.

It-triq imsemmija għadha kemm inbniet mill-ġdid b’investiment li ammonta għal kważi €617,000. Minbarra li ssaħħew il-pedamenti tagħha anke permezz ta’ ba¿i bil-konkos, sar ukoll xogħol ta’ allinjament tat-triq. Barra minn hekk, ġew mgħoddijin diversi servizzi minn taħt l-art li kienu jinkludu drenaġġ, ilma u tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll inbnew bankini ġodda. Finalment it-triq sarilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.

Fil-lokalità tal-Gudja, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid ukoll Triq Filippu Castagna, Triq il-Lewż, Daret il-Gudja, Triq Raymond Caruana, Triq Ħal Saptan, Triq id-Dejqa u Triq Santa Katerina, waqt li bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Joseph Pace, Triq Bir Miftuħ u Triq il-Kappella. Diġà hemm ippjanati wkoll biex fix-xhur li ġejjin isiru xogħlijiet bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq, kif ukoll fi Triq Ħal Resqun.

Barra minn hekk, din is-sena Infrastructure Malta bniet pont għall-mixi u r-roti fi Vjal l-Avjazzjoni bejn Ħal Luqa u l-Gudja, waqt li qed taħdem biex daqt tibda l-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) li permezz tiegħu se tibni ¿żewġ mini ġodda u flyover fil-junction tar-roundabout tal-Gudja biex ittejjeb l-aċċess lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop, il-Gudja, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport.

Seduta Numru 377
22/10/2020

Persuni li rċevew l-assistenza ta’ €800

16313. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15114, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni rċevew l-assistenza għall-għajnuna fuq xogħol tul din is-sena u sal-aħħar ta’ Awwissu 2020 xahar b’xahar separatament?

19/08/2020

 ONOR. SILVIO SCHEMBRI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni relatata limitatament mal-mizura tal-wage supplement.

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li hemm għajnuniet oħra ta assistena għall-ħaddiema li mhumiex inklużi f’din it-tabella, bhal għajnuniet lil persuni b’ dizabilta u vulnerabli kif ukoll għajnuniet lill genituri. Dawn l-għajnuiet huma amministrati minn entitajiet u dipartiment li jaqgħu taħt ministeri oħrajn.

Seduta Numru 371
13/10/2020

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – skemi ta’ ripatrijar

 

*16311. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni talbu sabiex jiġu ripatrijati minn pajjiżna taħt l-iskema mħaddma mill-Ministeru sal-aħħar ta’ Settembru 2020?

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm persuni talbu sabiex jigu ripatrijati minn pajjiżna taħt l-iskema mħaddma mill-Ministeru sal-aħħar ta’ Settembru 2020.

Seduta Numru 371
13/10/2020

Kumitat Konsultattiv - laqgħat

 

*16305. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kumitat Konsultattiv baqax jiltaqa’ u jekk iva, kemm-il darba ltaqa’ tul din is-sena?

19/08/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Kumitat Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta baqa’ jiltaqa’. Matul din is-sena ltaqa’ 4 darbiet bħala Kunsill u darbtejn oħra bħala sotto-kumitat.

Seduta Numru 370
12/10/2020

Żona ta’ Kordin – faċilitajiet sportivi – irranġar ta’ bankini

*16310. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15121 u 14273 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13389 jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret biex jiġi rettifikat dak li kien indikat fl-istess domanda f’Kordin fil-parti fejn hemm il-Faċilitajiet Sportivi?

19/08/2020

 ONOR. SILVIO SCHEMBRI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju m'hemm ebda aġġornament ulterjuri fuq l-informazzjoni diġà provduta b'risposta għal-mistoqsija parlamentari 13389.

Seduta Numru 370

12/10/2020 

Siġar u arbuxelli indiġeni miżrugħa u mħawla

*16306. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew miżrugħa u mħawla siġar u arbuxelli indiġeni tul is-sena 2020? Jista’ jindika n-natura tagħhom?

19/08/2020

 ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ siġar u arbuxelli indiġeni li tħawlu mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar matul din is-sena kien ta’ disat elef, mija u tmienja (9108). L-aktar speċi komuni kienu l-Bruka, id-Deru, il-Klin, il-Prinjol, il-Virgi, Iż-Żebbuġija, Ir-Riħan, Iż-Żebbuġ u l-Ħarrub. Kif tindika t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-aktar speċi komuni kienu l-Bruka, id-Deru, il-Klin, il-Prinjol, il-Virgi, Iż-Żebbuġija, Ir-Riħan, Iż-Żebbuġ u l-Ħarrub.

Seduta Numru 370
12/10/2020

 

Home Equity Release for Pensioners

 16322. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji: B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 13778 u 14526, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex approvat bank sabiex l-“Equity Release for Pensioners” tibda titħaddem?

19/08/2020

 ONOR. EDWARD SCICLUNA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-taħditiet bejn l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u l-bank li ressaq l-applikazzjoni biex toffri ‘Equity Release Financial Products’, għadhom għaddejjin.

Seduta Numru 372
14/10/2020

Paola Hub - spejjeż

 16300. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15309, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi spejjeż saru fil-Paola Hub tul dawn l-aħħar xhur?

19/08/2020

 ONOR. CHRIS FEARNE: Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali għal-proġett tal-Paola Hub sal lum hija € 2,087,547.38. Minn dan l-ammont intefqu € 1,868,141 f’xogħlijiet ta' kostruzzjoni filwaqt li €219,406 għal Project Management. Sa issa €908,630.44 ġew minn Fondi Ewropej. Dan il-proġett se jkun jiswa madwar €39 miljun ewro.

Seduta Numru 369
07/10/2020

Pjazza ta’ Raħal Ġdid - manutenzjonijiet

 16303. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15298, jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjonjiet saru mal-Kunsilli Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta sabiex ix-xogħol inkwistjoni jseħħ?

19/08/2020

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor.Interpellant illi ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Paola ltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta' Malta matul din is-sena, fuq din il-materja.

Seduta Numru 369
07/10/2020

Il-Fgura u Ħal Tarxien – għajnuna lill-bdiewa

16326. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14290, jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna għaddiet lill-bdiewa u r-raħħala fil-parti t’isfel ta’ pajjiżna tul dawn l-aħħar xhur?

19/08/2020

 ONOR. ANTON REFALO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli jaħdem biex jitfasslu inizjattivi u skemi finanzjari biex dejjem ikun ta’ għajnuna u sostenn għall-bdiewa u r-raħħala kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14290, nerġa’ ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ma jagħmilx distinzjoni bejn raħal u ieħor, iżda jwettaq ħidma sabiex dejjem imexxi ‘l quddiem l-agrikoltura Maltija u Għawdxija kollha kemm hi.

Seduta Numru 373
19/10/2020

Uffiċċju tal-Prim Ministru – spiża fuq safar

 

 

*16287. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15343 u jgħid kemm kienet l-ispiża f’safar li sar mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għas-snin 2017, 2018 u 2019 separatament?

19/08/2020

 ONOR. ROBERT ABELA: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, jinsab fil-lista ta’ hawn taħt kif ninsab nfurmat:

2017

€586,944

2018

€670,583.64

2019

€661,945.01

Seduta Numru 367
05/10/2020

Ambaxxata tal-Emirati Għarab Magħquda – ħidma u inizjattivi

16288. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej:

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoggi fuq il-Mejda tal Kamra l-informazzjoni mitluba, li minkejja id-diffikultajiet li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19, il-ħidma u l-inizjattivi li ttieħdu mill-Ambaxxata ta’ Malta fl-Emirati Għarab Magħquda tul dawn id-disa’ xhur ta’ din is-sena.

Seduta Numru 367
05/10/2020

Ambaxxata tat-Turkija – ħidma u inizjattivi

 

 

*16290. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej:

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħidma u inizjattivi li ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna fit-Turkija tul dawn id-disa’ xhur ta’ din is-sena.

Seduta Numru 367
05/10/2020

Ambaxxata għall-Arabja Sawdija – ħidma u inizjattivi

 *16292. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej:

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ħidma u inizjattivi li ittieħdu mill-Ambaxxata tagħna għall-Arabja Sawdija tul dawn id-disa’ xhur ta’din is-sena.

Seduta Numru 367
05/10/2020

Il-Gudja – Triq id-Dejqa u Triq Santa Katarina - xogħlijiet

 *16367. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa u meta hu previst li jispiċċa x-xogħol li qed isir fiż-żona ta’ Triq id-Dejqa u Triq Santa Katarina fil-Gudja?

02/09/2020

 ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.

Fil-każ taż-żewġ toroq indikati Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsill Lokali li għalihom għandu proġett ta’ pavimentar. L-aġenzija qed twettaq investiment li jammonta għal madwar €300,000 biex tagħmel ix-xogħol kollu konness mal-bdil ta’ servizzi ġodda taħt l-art u ssir sodda tal-konkos bi tħejjija għall-pavimentar li se jsir mill-Kunsill Lokali. Filwaqt li x-xogħol fi Triq id-Dejqa huwa lest, dak fi Triq Santa Katarina ser jitlesta dalwaqt.

Fil-lokalità tal-Gudja, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Filippu Castagna, Triq il-Lewż, Daret il-Gudja, Triq Raymond Caruana, Triq Ħal Saptan u Vjal it-Torri, waqt li bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Joseph Pace, Triq Bir Miftuħ u Triq il-Kappella. Diġà hemm ippjanati wkoll biex fix-xhur li ġejjin isiru xogħlijiet bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq, kif ukoll fi Triq Ħal Resqun.

Barra minn hekk, din is-sena Infrastructure Malta bniet pont għall-mixi u r-roti fi Vjal l-Avjazzjoni bejn Ħal Luqa u l-Gudja, waqt li qed taħdem biex daqt tibda l-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) li permezz tiegħu se tibni żewġ mini ġodda u flyover fil-junction tar-roundabout tal-Gudja biex ittejjeb l-aċċess lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop, il-Gudja, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport.

Seduta Numru 375
21/10/2020

Il-Birgu – Triq il-Mandraġġ - tiswijiet

 

 

*16381. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba Triq il-Mandraġġ fil-Birgu, hiex se tiġi msewwija u magħmula mill-ġdid?

02/09/2020

 ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.

Fil-lokalità tal-Birgu, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa u Triq San Dwardu. Bħalissa qed taħdem biex daqt tibda twettaq proġett ta’ titjib u tisbieħ fil-parti tax-xatt taħt is-swar magħrufa bħala t-Toqba tal-Birgu (Sally Port) li

se jinkludi prominad ġdid, u bħalma qed tagħmel f’mijiet ta’ toroq residenzjali oħrajn, it-triq imsemmija wkoll eventwalment ser tkun qed tinbena mill-ġdid. Sakemm isir dan, l-aġenzija se tigbed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali biex jekk jinħtieġu xi tiswijiet temporanji, jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati.

Seduta Numru 378
26/10/2020

Irziezet fl-abitat

 

*16328. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad hemm irziezet fl-abitat u x’passi ttieħdu tul din is-sena sabiex jiġu rilokati?

19/08/2020

 ONOR. ANTON REFALO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont in-National Livestock Database, li hija d-database nazzjonali fejn tinżamm l-informazzjoni kollha dwar l-irziezet u l-annimali, ma tinżammx informazzjoni relatata jekk razzett jinstabx fl-abitat.

Il-Ministeru m’għandu l-ebda talba għal rilokazzjoni ta’ rziezet minn żoni fl-abitat.

Seduta Numru 373
19/10/2020

 

Żoni tax-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun – ilma lill-bdiewa

 

*16330. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex jiġi assigurat provista tal-ilma lill-bdiewa fiż-żona tax-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun minn Ta’ Barkat? Jista jgħid x’volum u x’kwantità ġie provdut tul din is-sena u sal-aħħar ta’ Awwissu 2020?

19/08/2020

 ONOR. ANTON REFALO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Seduta Numru 374
20/10/2020

ĦAL TARXIEN - TRIQ JOSEPH BURLO - ART F'IDEJN DIPARTIMENT FI ĦDAN IL-MINISTERU

17094. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li hemm fi Triq Joseph Burlo f'Ħal Tarxien faċċata tal-Iskola Maria Goretti hiex f'idejn il-Ministeru ? Jekk iva, huwiex previst li jsir xi żvilupp fuqha?

 

03/11/2020

 

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sabiex inwieġbu d-domanda b’mod korrett, jeħtieġ li jkollna l-indirizz sħiħ tal-propjetà li qed jirreferi għaliha.

 

Seduta  397

09/11/2020

 

ĦAL TARXIEN - TRIQ JOSEPH BURLO - ART F'IDEJN DIPARTIMENT FI ĦDAN IL-MINISTERU JEW KUNSILL LOKALI

 

 

17093. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li hemm fi Triq Joseph Burlo f'Ħal Tarxien faċċata tal-Iskola Maria Goretti hiex f'idejn xi dipartiment  fi ħdan il-Ministeru jew il-Kunsill Lokali? Jekk iva, huwiex previst li jsir xi żvilupp fuqha?

 

03/11/2020

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-informazzjoni li nġabret, ma kien hemm l-ebda devoluzzjoni fuq dan is-sit lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien. Il-Kunsill Lokali m’għandu l-ebda pjanijiet għal din l-art.

 

Seduta  397

09/11/2020

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...