1.8.19

Il-ħaddiema u l-familji jkomplu jġorru l-piż tort ta' Gvern li tilef kull sens ta' ġustizzja soċjali



Iż-żieda fil-prezz tal-fuels, b'effett mil-lum, l-1 ta' Awwissu, żieda ta' ħames ċenteżmi jfisser li s-sewwieqa se jkunu qed iħallsu għat-tielet żieda f'dawn l-aħħar 18-il xahar fil-prezzijiet tal-petrol u tad-diesel. Mhux biss għanda wiegħda oħra tal-Gvern li qed tinkiser, iżda għal darb'oħra dan il-piż  se jkollhom iġorruh il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.

Meta l-prezz tad-diesel fl-2011 kien €1.28, l-prezz ta' barmil żejt kien $103.01 u llum għall-istess prezz tad-diesel li se jħallas l-poplu malti €1.28, il-prezz ta' barmil żejt huwa $65.31. Iż-żieda fil-prezz tal-fuel se tkompli tagħsar lill-ħaddiema li minbarra li se jħallsu iktar għall-fuel, qed jaħlu iżjed ħin imwaħħlin fit-traffiku.

Fl-istess ġranet taż-żidiet fil-fuels, il-familji raw ukoll żidiet fi prodotti oħrajn essenzjali fosthom il-ħalib; żieda ta' 10 u 11-il ċenteżmu rispettivament il-kartuna, b'effett minn din il-ġimgħa stess li hija daqqa oħra fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, speċjalment dawk bi dħul baxx u medju. Dawn iż-żidiet qed isiru minkejja l-ftaħir tal-Gvern li fil-budget mhux qed iżid il-piż fuq il-familji u n-negozji. 

Dawn iż-żidiet jistonaw mal-ftaħir tal-Gvern li jgħid li l-ekonomija qed tikber. Il-ġustizzja soċjali titlob li l-ġid jasal għand kulħadd u mhux il-ħaddiema u l-familji qed ikollhom iġorru huma l-piżijiet, tort ta' Gvern li tilef kull sens ta ġustizzja soċjali.

David Agius
Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...