5.8.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-IŻRAEL - ĦIDMA.




10549. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Iżrael fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onoroveli Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Iżrael fl-ewwel erba’ xhur huma:

Bilaterali
· Sa mill-ftuħ tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Tel Aviv fl-2008, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi kibru u twessgħu, u llum jinkludu mhux biss kuntatti G2G, imma anke interazzjonijiet varji B2B li jkabbru n-negozju u l-investiment, kif ukoll aktar kuntatti P2P grazzi għal żieda fit-turiżmu u l-interazzjoni kulturali.

· L-uffiċini l-ġodda ġewwa Tel Aviv, li bdew joperaw fil-15 ta’ Frar 2019, huma xhieda tal-impenn tal-Gvern Malti sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jissaħħu.  L-Ambaxxata mhux talli qiegħda toffri post adegwat minn fejn wieħed jista jaħdem, imma fetħet spazju importanti għall-impenn, iddiżinjat biex jilħaq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi li qegħdin dejjem jikbru bejn Malta u l-Iżrael.   L-Ambaxxata anki ssaħħet biż-żieda ta’ uffiċjal diplomatiku ieħor minn Jannar.

· Matul dawn l-aħħar 4 xhur l-Ambaxxata kienet involuta b’mod dirett f’numru ta' delegazzjonijiet għolja Maltin lejn l-Iżrael, b’mod partikulari:

- Iż-żjara tal-E.T. il-President Coleiro Preca lejn l-aħħar ta’ Jannar, li kienet akkumpanjata minn tliet Ministri.  Waqt iż-żjara tagħha il-President kellha laqgħa mal-President tal-Istat tal-Israel, ipparteċipat f’attività kummerċjali u anki żaret l-Isptar Hadassah, li jispeċjalizza fil-kura u r-riċerka tal-kanċer.     Waqt din iż-żjara id-Deputat Prim Ministru l-Onor. Dott. Chris Fearne kellu laqgħa mal-Ministru tas-Saħħa tal-Iżrael, u anki ġie ffirmat programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u mediċina.
- L-Ambaxxata tat l-għajnuna meħtieġa, kif mitluba, fit-tħejjijiet għaż-żjara fl-Iżrael tas- Segretarju Parlamentari, l-Onor. Dott. Deo Debattista.
- L-Ambaxxata kienet involuta fit-tħejjijiet u t-tfassil tal-programm għaż-żjara f’Ġunju tas-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Clifton Grima. Iż-żjara sejra tiffoka fuq żewġt oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi – il-qasam tal-isport u dak taż-żgħażagħ.

· Kif meħtieġ, l-Ambaxxatur u l-uffiċjal diplomatiku fi ħdan l-Ambaxxata, jattendu diversi laqgħat u attivitajiet li jiġu organizzati mill-awtoritajiet Iżraeljani, kif ukoll mill-Ambaxxati ġewwa Tel Aviv.  L-Ambaxxata żammet lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ministeri oħra infurmati fuq dawn l-attivitajiet, b’mod partikulari, fuq temi lokali li huma ta’ interess għal pajjiżna. 

· Fuq bażi regolari, l-Ambaxxata tassisti lill-Ministeru f’Malta sabiex jgħaddi informazzjoni dwar kandidaturi u setturi oħrajn lill-Awtoritajiet ġewwa Ġerusalemm.

· L-Ambaxxatur u l-uffiċjal diplomatiku iżuru l-Ministeru tal-Affarijient Barranin ġewwa Ġerusalemm regolarment, sabiex jiddiskutu temi bilaterali, multilaterali u reġjonali, u anki jaqsmu ħsibijiet fuq temi ta’ interess komuni. Laqgħat simili u regolari jsiru wkoll mal-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, li huwa akkreditat minn Ġerusalemm.

· Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li l-Ambaxxata għamlet minn kollox sabiex iżżomm lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin infurmat bl-aħħar żviluppi dwar l-elezzjoni li saret f’April ta’ din is-sena.

Kummerċjali

· Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma li tippromwovi l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll it-turiżmu minn Iżrael lejn Malta.   Dan sar permezz ta’ kuntatt ma’ numru ta’ kumpaniji Iżraeljani li wrew interess li jespandu/jinvestu l-operazzjoni tagħhom ġewwa Malta. 

· L-Ambaxxata iffaċilitat numru ta’ laqgħat u telefonati fuq Skype mal-entitajiet/uffiċini ġewwa Malta għal rappreżentanti ta’ kumpaniji li wrew interess u li qegħdin iħarsu lejn Malta għal investiment u/jew kooperazzjoni.  Dawn kienu kuntatti fl-oqsma tas-Sigurtà, iċ-Ċibernetika (Cyber), il-Katina ta’ Blokok (Blockchain) u l-Valuta Kripto.

· Ir-relazzjonijiet/kuntatti kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jissaħħu grazzi għax-xogħol tal-Kamra tal-Kummerċ bejn l-Iżrael u Malta, miftuħa uffiċjalment f’Ġunju tal-2018, u l-kuntatti kontinwi bejn din il-Kamra u l-Ambaxxata.   F’April saret laqgħa għall- membri ta’ din il-Kamra tal-Kummerċ ġewwa l-Ambaxxata fejn l-Ambaxxatur Attard-Pirotta u l-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, Eyal Sela, taw rendikont tal-istat tar-relazzjonijiet bilaterali.  L-Ambaxxatur Attard-Pirotta tat ħarsa ġenerali tal-potenzjal tan-negozju eżistenti bejn iż-żewġ pajjiżi, il-qagħda ekonomika Maltija, il-ħidma ta’ Malta fis-settur tas-servizzi, kif ukoll iktar reċentement il-katina ta’ blokok u l-valuta tal-kripto.  Dawk preżenti ġew ukoll infurmati dwar l-aħħar dokumenti tal-politika (policy documents) li ġew ippreżentati mill-Gvern ta’ Malta dwar l-Istrateġija tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ispazju.

· L-Ambaxxata kienet ukoll involuta fit-tfassil tal-programm għall-membri tal-Kamra tal-Kummerċ bejn Iżrael u Malta li kienu sejrin iżuru Malta fil-bidu ta Ġunju.


Kulturali


· L-Ambaxxata kompliet tesplora possibiltajiet ta’ attivitajiet kulturali li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond Diplomatiku Kulturali.  F’dan ir-rigward l-Ambaxxata kellha laqgħat mal-PHOTO IS:RAEL bi skop li Malta tipparteċipa f’wirja internazzjoni tal-fotografija f’Tel Aviv f’Novembru li ġej.  Kien hemm ukoll laqgħat ma’  JaffaAM, sabiex tiġi esplorata il-possibiltà li Malta tipparteċipa fil-Festival tal-Films ta’  Ġaffa li sejjer ikun organizzat għall-ewwel darba aktar tard din is-sena.

· L-Ambaxxata qiegħdatesplora il-possibiltà ta’ ġemellaġġ bejn belt/raħal f’Malta u ieħor f’Iżrael.  L-idea hi li jiġi esplorat ftehim ta’ ġemellaġġ bil-ħsieb li dan jieħu xejra konkreta.

· B’kooperazzjoni maċ-Ċentru Komunitarju Beit Reka ġewwa Ġaffa, l-Ambaxxata ħadmet sabiex tiġi organizzata attività kulturali f’Ġaffa lejliet il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovison Song Contest – li ssejħet Malta Night.  Ġie mħejji video tal-kanzunetta Maltija bis-sehem ta’ membri minn din il-komunità.   L-Ambaxxata tat kull għajnuna u appoġġ lil delegazzjoni Maltija li żaret Tel Aviv għal din l-attività kulturali.

Konsolari


· L-Ambaxxata dejjem kienet għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu f’Iżrael u dawk li jivvjaġġaw lejn Iżrael. Fl-istess waqt, l-Ambaxxata kienet ukoll ta’ għajnuna għaċ-ċittadini Iżrealjani, jew oħrajn, li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta u li kienu jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsolari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali.

· Fl-isfond tal-eskalazzjoni ta’ vjolenza li kien hemm fil-pajjiż tul dawn l-aħħar xhur l-Ambaxxata żammet kuntatt ma’ membri tal-komunità Maltija li setgħu jinsabu viċin ċertu żoni.   Minħabba dawn ir-realtajiet, l-Ambaxxata żammet ukoll kuntatt kontinwu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin f’Malta, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-aġġornament ta’ pariri dwar vjaġġar li joħroġ il-Ministru minn żmien għal żmien.

Promozzjoni ta’ Malta

· Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur flimkien mal-uffiċjal diplomatiku, jipparteċipaw f’attivitajiet organizzati u  jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu preżenti f’diversi attivitajiet li jsiru f’Iżrael biex pajjiżna jkun preżenti.  

· L-Ambaxxata kienet preżenti fl-ispazju allokat għal Malta waqt il-fiera tat-turiżmu (IMTM) li saret f’Tel Aviv fi Frar, flimkien ma’ rappreżentanti tal-MTA u l-Air Malta.

· L-Ambaxxatur ħadet sehem attiv f’attivitajiet li jiġu organizzati, ħafna drabi minn membri tal- Korp Diplomatiku, bil-għan li jippromovu ir-rowl tal-mara fis-soċjetà.

Oħrajn


· L-Ambaxxata fetħet paġna ta’ Facebook u Twitter bħala mezz sabiex ikollha kuntatt iktar mill-qrib mal-Maltin li jgħixu ġewwa l-Iżrael u sabiex iżżomm lill-pubbliku infurmat fuq ix-xogħol tal-Ambaxxata.

Seduta  248
10/07/2019

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...