30.8.19

Negattività.




1.   Il-proverbju Malti jgħidha b’mod iktar iebes.  Iżda l-midgħi jgħajrek midgħi u l-mara li mhix tant fidila tgħajjar bl-infedeltà lil nisa oħra.  Il-wiċċ tost ta’ min ħoloq il-kampanja tal-kartelluni tal-Partit Laburista m’għadux jiskantana.

2.   Il-Partit Soċjalista, fil-fatt, jipprova jnessina li huwa hu li għandu record ta’ negattività.  Kien ivvota le għall-Indipendenza, kien kontra l-Kunsilli Lokali, kien kontra d-dħul fl-Unjoni Ewropea.  Fir-Referendum (tal-Indipendenza, kif ukoll f’dak għad-dħul fl-Unjoni) kienu qalu lin-nies biex tivvota “Le”.  Il-poplu Malti, f’dawk iż-żewġ okkażjonijiet important, ma obdihomx.  Ma qagħdux kwieti: dak il-lejl li fih Malta ħadet rajha f’idejha u sirna indipendenti, kienu organizzaw dimostrazzjoni kontra.  Meta tilfu r-referendum tad-dħul fl-Unjoni, riedu jgħidu li r-referendum ma jgħoddx.  Iktar negattivi minn hekk, għiduli, kif tista’ tkun?

3.   Billi għadda ż-żmien mill-Indipendenza u mid-dħul fl-Unjoni, jista’ jkun li hawn min nesa.  Tielgħa ġenerazzjoni li m’għaddietx minn din l-esperjenza.  Infakkru u nerġgħu nfakkru: dak li huwa pożittiv f’pajjiżna nafuh l-iktar lill-Partit Nazzjonalista.

4.   L-iżvilupp tal-industrija u t-turiżmu, l-iżvilupp tal-edukazzjoni (hawn min nesa li l-Partit Laburista kien daħħal in-numerus clausus fl-Università u t-tagħlim sitt xhur/sitt xhur, neħħa l-Fakultà tat-Teoloġija, kien kontra l-edukazzjoni sekondarja għal kulħadd, u deffes l-Iskejjel tas-Snajja’ biex jisfrattaha), il-kompetizzjoni miftuħa għall-kummerċ (min irid jistaqsi x’kien jiġri meta kont trid titlob grazzja biex tixtri sett tat-televiżjoni, u ssiefer biex tixtri ċ-ċikkulata, jew titkarrab biex jagħtuk liċenzja biex timporta).  Qatt ma kien hawn gvern negattiv iktar tal-kontroll, kontra l-libertà, kontra l-ġustizzja minn dak li sofrew il-Maltin bejn l-1971 u l-1987.  L-istorja waħedha tgħallem.

5.   Il-Partit Nazzjonalista emmen dejjem fil-libertà u fl-għaqda.  Libertà, iżda bir-regoli tal-liġi.  Għaqda bejn il-Maltin f’dak li huwa importanti fit-tmexxija demokratika u fil-ġustizzja soċjali.  Iva, l-aktar fil-ġustizzja bejn il-bnedmin fil-bżonnijiet tagħhom.  Fil-ħtiġiet biex jgħixu fid-dinjità bħala bnedmin.

6.   Mhux hekk il-Partit Laburista: semmejna n-negattività, iżda wieħed isemmi b’iktar qawwa l-għaqda.  L-ikbar firdiet li kellna f’pajjiżna kienu dawk politiko-reliġjużi.  Dawk kienu firdiet kbar, li qasmu saħansitra l-familji.  Issa qed jerġa’ jissemma l-abort.  L-abort jifred, u ħafna iktar milli fired id-divorzju.  U ma jidhirx li fit-tmexxija tal-Partit Laburista hemm il-kuxjenza sħiħa ta’ kemm l-abort jifred lill-poplu tagħna.  Għax hemm min irid jidher ħelu ma’ oħrajn.

7.   Forsi xi Laburisti nsew meta l-Gvern tagħhom għalaq l-isptar u l-iskejjel tal-Knisja, u tkeċċew is-Sorijiet tal-Blue Sisters.  Forsi nsew meta l-Arċisqof Mercieca sofra d-dimostrazzjonijiet kontra tiegħu.  Forsi xi wħud insew il-klima li kien hawn f’pajjiżna, meta folla attakkat l-istamperija tat-Times of Malta, u meta l-Pulizija għamlet raid mill-iktar ikrah fuq l-Istamperija Nazzjonali.  Wieħed li, nagħmel x’nagħmel, ma nistax ninsa.  Forsi nsew, meta jlissnu n-negattività, meta kienu ġgajtiet ta’ partitarji li kissru l-każini tal-Partit Nazzjonalista.  Fit-tort li kellhom ippruvaw jieħdu r-raġun.

8.   Il-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet dejjem pożittiva: dejjem bnejna u ma ħattejna xejn li kien sewwa; kultant ħtiġilna nirranġaw qatigħ.  B’ġustizzja soċjali, b’linja sabiex kull persuna tieħu li ħaqqha.

9.   Ma niħdux pjaċir infakkru dawn l-episodji ta’ negattività.  Konna nittamaw li l-istaġun tal-firda fuq il-prinċipji tal-ħajja għadda.  Il-firda fuq kwistjonijiet politiċi hija l-bażi tal-politika: il-firda fuq il-prinċipji morali, etiċi, kostituzzjonali hija ta’ ħsara.  Speċjalment meta mqanqla barra żmienha.

10. Nistaqsu allura: negattivi u diviżivi?  Min huwa li kien, u donnu jrid jibqa’?  Jarah il-poplu tagħna, li jibqa’ dejjem sovran.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...