5.8.19

Dħalna sew fis-sajf.




1.    Is-sħana hija qawwija.  Ma’ kull jum, it-temperaturi jiżdiedu.  Drabi fin-normalità, u oħrajn f’dak li ma rajniex qabel.  Nafu li din il-pjaneta li ngħixu fiha għaddejja minn diffikultajiet ambjentali kbar.  Hemm min minna li qed jifhem li dan huwa parti sew minn dak li pajjiżi oħra mhumiex jirrispettaw.  Mhumiex jirrispettaw dak li ġie stabbilit fil-proċess magħruf bħala Paris Agreement.  Dak li waslu għalih 196 pajjiż fil-21 ta’ Diċembru 2015, u li nġieb fis-seħħ fl-2016.

Mhux nifhmu

2.    Kien hemm diffikultajiet kbar biex daqshekk stati waslu.  Ħafna mumenti kien mertu ta’ pajjiżi żgħar li dan il-proċess wasal fi tmiemu.  Ġie stabbilit li għandna naraw li nnaqqs t-temperatura mondjali b’żewġ gradi, kif ukoll li nassiguraw iktar miżuri li bihom nistgħu nnaqqsu l-carbon dioxide.  Kull stat għandu r-responsabbiltajiet tiegħu.  Dawk ikbar iġorru ferm iktar diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.  Jekk ma jkunx hemm l-isforz ta’ kull membru firmatarju, dak kollu li ġie diskuss u miftiehem ma jkunx jista’ jinġieb fis-seħħ.

Għandna bżonnu

3.    Forsi dak il-messaġġ mhuwiex jasal biżżejjed sabiex il-popli kollha jifhmu.  Speċjalment dawk li jmexxu f’diversi stati, li din m’għadhiex xi diskussjoni akkademika, imma realtà li jum wara jum tieħu u tagħti l-effetti negattivi tagħha.  Pajjiżna mhuwiex nieqes jew protett.  Huwa espost għal dak li oħrajn huma.  Proprju għalhekk li rridu  nifhmu li m’għadux il-każ li ngħidu ħaġa fil-fora internazzjonali li ma nimplimentawx fil-politika nazzjonali tagħna.  U ngħidu x’ngħidu, qed naraw li l-aġenda “ambjentali” mhix tittieħed bis-serjetà mill-Gvern kollu kemm huwa.

Insensittività

4.    Hemm nuqqas kbir da parti tal-Gvern, dan l-istess li ministri tiegħu marru u qablu f’Pariġi, li tul dan is-sajf, proprju fl-eqqel tas-sħana, jinxeħet fi programm ta’ qtugħ ta’ siġar li diffiċli ħafna li tkabbar mill-ġdid.  Mhux biss, imma diffiċli wkoll li tħawwel xi mkien ieħor.  Ħarġu diversi nuqqasijiet fuq dak li qed jiġri fit-triq bejn H’Attard u r-Rabat, kif ukoll f’Santa Luċija.  Ma sarux preparamenti tajba u dettaljati.  Wisq inqas ma kien hemm proċess li bih bdew jitħawlu siġar ġodda f’postijiet oħra.  Kollox ġie jiddependi fuq kemm huwa b’saħħtu l-poter politiku preżenti fil-medja.  Kemm kapaċi jikkonvinċi li għalkemm ma ħax ħsieb, xorta jidher li ħa.

Ġenerazzjoni ġdida

5.    Mhix biss kwistjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida.  Waħda ċertament iktar attenta għall-kwistjonijiet ambjentali, imma hija rabta inter-ġenerazzjonali.  Dak li ħafna ilhom jaraw jinbena issa qed jirreaġixxu.  Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’linja politika nazzjonali fejn dawn il-pożizzjonijiet ma nagħtux każ tagħhom fis-sħiħ.  Ċertament, tul dawn l-aħħar għoxrin sena, kull gvern ħa miżuri.  Ipprova jidħol għal proġetti ġodda, imma llum, sforz dak li qed jiġri, ma nistgħux inkunu ambivalenti; wisq inqas nittraskuraw.  Ir-realtà hija li dak li niddeċiedu llum kontra l-ambjent, diffiċli ħafna biex inġibuh lura.

Internazzjonali

6.    Tul din il-ġimgħa, il-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia kellu laqgħa interessanti ħafna mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, R.T. Hon. Patricia Scotland Q.C., persuna intelliġenti, avukat u mimlija b’sens u esperjenza, li ressqet diversi punti dwar l-importanza ta’ dan is-suġġett.  Punti li sabu l-qbil tal-Kap tal-Oppożizzjoni proprju għax, tul dawn l-aħħar xhur, fil-Partit dan is-suġġett għola ferm iktar ‘il fuq fl-importanza li ħaqqu.  Kien hemm konverġenza fuq l-impenn li għandna nieħdu.  Fuq dak li pajjiżna kapaċi jwettaq hawn, u dak li jista’ jiġi mwettaq minna f’konferenzi internazzjonali.  L-ambjent illum mhuwiex sempliċement parti mill-politika interna, imma ħa dimensjoni ferm ikbar.  Il-futur tad-dinja, dak tagħna lkoll, jiddependi fuq x’ser nidħlu għalih.

Esperjenzi

7.    L-ambjent mhuwiex parti mill-politika partiġġjana.  Ikun żball politiku jekk, flok nimxu f’daqqa, noqogħdu nilgħabu naħa jew oħra.  Huwa parti mill-eżistenza tagħna.  Huwa assolutament essenzjali li nifhmu li dan huwa parti mill-prijoritajiet ta’ pajjiżna.  Jekk ma nġibux l-affarijiet f’posthom.  Jekk ma nifhmux li rridu naħdmu f’daqqa biex nimxu ‘l quddiem ser niżbaljaw.  Pajjiżna diġà għandu diversi żvantaġġi, u jkun żball kbir jekk nassiguraw li nżiduhom.  Irridu nikkontrollaw dak li jagħmel il-ħsara, ma nsegwux eżempji ħżiena ta’ oħrajn u ninvestu ferm iktar.

Il-futur tagħna

8.    Hemm ħafna ħidma li qed issir barra minn xtutna.  Hemm bżonn li nlaħħqu magħha.  Hemm bżonn, ċertament, li ninvestu iktar – miljuni, mhux ftit eluf.  Iva, ferm iktar fuq din il-linja.  ‘L hekk imsejħa ‘Green and Blue Economy’ irnexxielhom jaslu fi fruntieri li rridu nkunu mgħarrfa iktar dwarhom u nġibuhom jaħdmu għalina.  Qed nidħlu għal politika li tista’ tidher li qed issolvi temporanjament ċerti problemi – l-iktar dik tat-traffiku, però fit huma konvinti li dak li qed isir ser iservi fit-tul, jew li ma jkollniex immorru lura minnu.  Huwa ċar li dħalna fis-sajf, imma dan ma jfissirx li l-poplu qed jinsa dawn l-isfidi.  Anzi, qed jitlob ferm u ferm iktar aħjar milli għandu llum.  Dan nifhmuh, u deċiżi li nimxu u mmexxu fit-triq it-tajba.



No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...