22.8.19

Demokrazija u ġustizzja soċjali.




1.     Għandu raġun il-kollega, l-Onor. Ivan Bartolo: il-problema tal-faqar fis-soċjetà mhix tiġi affrontata sewwa.  Għandu raġun jgħid li l-Gvern tilef fil-prijoritajiet nazzjonali tagħna.  Tilef id-direzzjoni.  Tilef il-boxxla soċjali.  Ma nistgħux inġibu argumenti żbaljati dwar dan.  Il-faqar hemm qiegħed.  Nafu li l-Gvern huwa moħħu iktar sabiex ikun pro business.  Nafu li l-fatt li għandna madwar 80,000 persuna f’din il-klassi soċjali trid tiġi ndirizzata direttament b’miżuri diretti u mhux indiretti.  Ma nistgħux naħsbu li għax il-kbar għandhom iktar, iż-żgħar ser ikollhom ukoll.

Is-sistema ma taħdimx hekk

2.     Għandha raġun l-Oppożizzjoni li tqajjem il-punt, u għandu tort il-Partit Laburista li jipprova jsolvi l-problema billi jattakka lill-Partit Nazzjonalista.  Id-diffikultajiet ekonomiċi, għal diversi fis-soċjetà, bdew jinħassu iktar milli l-istatistika tindika.  Terġa’, dawn il-figuri qed joħorġu fuq dak li kien hemm xhur ilu, mhux fuq dak li żviluppa iktar illum.  Ngħidu dan għax hawn preżentement proċess ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-affarijiet li nsejħu ‘essenzjali’.  Kif dawn jitilgħu, iċaqilqu ħwejjeġ oħra.  Mhux biss, imma jbiddlu l-mod li bih il-bnedmin jagħżlu li jixtru prodott jew ieħor.

Iktar attenzjoni

3.     L-istatistika turina direzzjoni.  Tindikalna fejn sejrin l-affarijiet.  Tgħinna nifhmu fejn, bħala pajjiż u poplu, irridu ninxeħtu naħdmu u nibdlu l-politika nazzjonali biex tibdel il-linja.  Il-problema fil-konfront tal-figuri rikorrenti, fir-realtà juri li l-Gvern, anke jekk mimli b’fondi varji, qiegħed jinqabad fuq sieq ħażina.  Il-messaġġ kontinwu tal-Gvern li joħroġ minn diversi dokumenti, stqarrijiet u dikjarazzjonijiet huwa kemm aħna tajbin, li qed tonqos l-ispiża soċjali.  Il-Partit Laburista mhux jirrealizza li f’dan qiegħed jimplika ma’ dawk li l-iktar għandhom bżonn.  Qed jaqta’ barra lil dawk li għandhom jingħataw l-għajnuna.  Dawk li qed isibu li hemm stat li m’għadux jifhem li diversi jsibu ruħhom f’ċirkostanzi fejn, minkejja l-isforzi personali tagħhom, jiġu jiddependu mill-Istat.

Nattakkaw lil min m’għandniex

4.     Ir-realtà hija li s-soċjetà nbidlet, u magħha l-bżonnijiet tagħha.  Magħha, però, m’aħniex nibdlu l-mod li bih għandna ngħaddu iktar għajnuna soċjali lil dawk li huwa vitali għas-soċjetà li ma jiġux traskurati.  Programmi ġodda li fuqhom l-istat soċjali jikber u jinbidel ma hemmx.  M’aħniex naraw, u f’dan hemm abbandun tal-kunċett sħiħ tal-ġustizzja soċjali.  Hemm, minflok, affermazzjoni individwalista.  Hemm l-iżball li wieħed jaħseb li għandu jikber min kapaċi jfendi għal rasu, u min għal raġuni jew oħra mhuwiex, affari tiegħu.  Qisu li kull min isib ruħu f’diffikultajiet ekonomiċi ġiebhom b’idejh, jew daħal f’xi triq ta’ dipendenza.

Il-verità

5.     Tul dawn is-snin, jidher ċar li din il-problema, li tiġi klassifikata ġeneralment bħala “faqar”, mhix tiġi konfrontata.  Ngħid hekk għax hemm klassifikazzjonijiet li jiddependu fuq ħafna punti fuq jekk hemmx faqar jew le.  Wieħed jista’ juża dan bħala argument biex iwaqqa’ ieħor.  Jista’ jirredikola, imma fl-istess ħin mhuwiex jinduna li qiegħed iwaqqa’ lilu nnifsu stess.  Il-verità hija: l-ewwel, li hawn klassi soċjali li hija nieqsa minn dak li rridu għal kull persuna fil-pajjiż; it-tieni, li minħabba raġunijiet varji mhumiex jingħataw l-għajnuna li ħaqqhom.

Essenzjali

6.     Id-demokrazija tagħna mhix waħda bażata fuq il-garanzija għal ċerti klassijiet soċjali li għandhom.  Hija, anzi, bażata fuq il-bżonn li ngħinu lil kull bniedem.   Dan huwa kunċett li l-Gvern tallum mhuwiex jafferma.  Mhuwiex jinduna li hawn il-ġbir ta’ fatturi soċjali li f’mument jew ieħor ser jiġbdu iktar bnedmin ‘l isfel.  Ngħid dan, għax għalkemm insemmu dak li żdied dan ix-xahar, hemm il-problema fundamentali tal-kirjiet.  Sa issa, il-Gvern qiegħed jaħrab u jtawwal fl-affarijiet.  Imma, fil-frattemp, hemm “tempesta” soċjali li qegħda tiġma.  Hawn biża’ kbira f’dawk li qegħdin jgħixu fi djar li jew għandhom kirjiet jew ċnus temporanji.

Biżgħar kbar

7.     Hawn biżgħat kbar fis-soċjetà.  Ħafna huma għaddejjin jhewdnu u jinkwetaw verament fuq il-futur tagħhom.  Ħafna minn dawn il-persuni huma dawk li waslu viċin il-pensjoni jew qabżu dan.  Għandna faxxa kbira fis-soċjetà li, għal raġunijiet varji, ma xtrawx propjetà.  Għandna ħafna li moħħhom mistrieħ li, sakemm jibqgħu f’din id-dinja, saqaf fuq rashom ser jibqagħlhom.  Imma dak li qiegħed jiżviluppa huwa fid-direzzjoni l-kuntrarja.  Ħafna qed iħossu li ser isibu ruħhom barra t-triq.  Dan huwa fattur iktar, ferm iktar, determinanti għall-figuri tal-bnedmin fil-bżonn tal-“faqar”.  Jekk illum qegħdin viċin it-80,000, dan ser jgħin mhux biex jinżlu ‘l isfel, imma li jitilgħu iktar ‘il fuq.  Din hija r-realtà li ġejja iktar fuqna.

Mill-industrija

8.     Smajt dawk li qed jitkellmu fid-dinja tal-industrija.  Il-bnedmin li għandhom rashom f’postha u kapaċi jifhmu iktar mill-Gvern tal-ġurnata x’inhuwa jiġri.  Il-kirjiet qed jinkwetawhom.  L-istess l-ammont ta’ persuni li qed jiġu mingħajr kontroll ta’ xejn, ‘l hekk imsejħa “ħaddiema” li ġejjin mill-irkejjen tad-dinja.  Min isib triqtu, min jiġi abbużat, min sfruttat, min qed jispiċċa barra fit-toroq u min parti minn dak li qed insejħu “traffikar uman”.  Nifhmu li tant hawn li l-Gvern, bil-forza dixxiplinata żgħira li għandhu, ma jistax ilaħħaq ma’ dak li qed iseħħ fuq it-territorju.  Għandna problemi soċjali fid-dinja tal-kirjiet.  L-ewwel: dawk li jingħaqdu f’daqqa biex jidħlu f’kirjiet komuni li familja jew persuni separati u divorzjati ma jistgħux jikkompetu magħhom.  It-tieni: dawk il-mijiet li qed jidħlu f’postijiet li ma nbnewx biex jgħixu l-bnedmin fihom.  It-tielet: dawk li qed jorqdu barra fit-triq fuq il-bankijiet pubbliċi fl-irkejjen tal-pajjiż.

Iktar kriminalità

9.     Hawn kriminalità varja li qegħda tikber.  Serqiet “żgħar” u traffikar tad-droga li qed iseħħu minn dawk li qed isibu ruħhom f’pożizzjonijiet soċjali ħżiena.  Bnedmin li nqalgħu minn naħa jew oħra tad-dinja biex qegħdin hawn maqbuda f’morsa.  Hawn rapport inter-personali fejn bnedmin vulnerabbli qed jiġu abbużati minn dawk li ġejjin minn barra biex, b’xi mod jew ieħor, jeħdulhom il-flus.  It-teknoloġija moderna għandha tagħha.  Kontijiet bankarji jonqsu minn dawk li jsibu l-anzjani vittmi tajba tagħhom.  Fl-istess ħin għandna tnaqqis fil-bnedmin li jidħlu fil-Korp tal-Pulizija u l-Armata sabiex jipproteġu lis-soċjetà.

Iridu jittieħdu l-passi

10.   L-appell tagħna huwa li jittieħdu l-passi neċessarji.  Ma jistax ikun li nibqgħu nippretendu li dawn il-problemi soċjali sejrin isolvu ruħhom waħedhom.  Mhumiex ser jonqsu, jekk ma jkunx hemm programm.  Nifhmu x’inhija r-realtà; naċċettaw u mhux niċħdu l-fatti, u naħdmu biex insolvuhom.  Hemm ħafna x’jista’ jsir.  Hemm ħafna persuni li għandhom bżonn l-għajnuna.  Mhux biss direttament għalihom, imma għax kif nafu, indirettament dan jolqot lis-soċjetà kollha.  Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista dan nifhmuh, u proprju għalhekk li nkomplu nitkellmu.  Għandu raġun l-Onor. Ivan Bartolo jgħid li l-Gvern tilef il-boxxla soċjali.  Nittamaw li ngħinuh isibha lura għall-ġid tal-poplu kollu.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...