30.8.19

Grazzi Franġisku.




1.   Jidher ċar li l-Ħallieq iddeċieda jibdel sew fil-preferenza tal-Fakultà Universitarja.  Meta wieħed imur lura fl-istorja tal-Knisja jsib li l-aċċenn ta’ diversi Papiet ma kienx fil-Fakultà tax-Xjenza.  Drajna, wara Pawlu VI, Ġwanni Pawlu I, Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI, b’persuni li kellhom u għandhom doni mrawmin f’linji differenti.  Mentri issa għandna l-266 rappreżentant ta’ San Pietru li l-Kimika hija l-linja inizjali tiegħu.  Moħħu magħġun mhux biss differenti għax ġej mill-Amerika Latina, imma f’dan ukoll.  Jagħraf l-elementi tal-ħajja u kif dawn jitħalltu għat-tajjeb jew le.

Dan jidher

2.   Dan jidher sew, nazzarda ngħid, f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel: fil-mod ta’ kif jaħseb, jikteb u għalhekk jesprimi ruħu.  It-tieni: fil-prijoritajiet li jrid jaffronta fiż-żmien tiegħu.  Diġà kellna l-enċiklika ‘Laudato Sì’, li affermat b’mod ċar u inekwivoku dak li għandha tkun l-aġenda mondjali.  Erba’ snin skorruti llum, kien diġà qiegħed jitkellem u jgħallem fuq il-bżonn li nipproteġu lil din il-pjaneta.  Fuq ir-responsabbiltajiet li aħna l-Insara għandna.  Fuq id-direzzjoni li għandna nieħdu.  B’talba mill-isbaħ u minsija li tgħid, fost l-oħrajn: “Alla ta’ mħabba, urina x’inhu postna f’din id-dinja bħala għodda ta’ imħabbtek għall-ħlejjaq kollha ta’ din l-art, għax lanqas wieħed minnhom biss mhu minsi minnek.”

Christus Vivit

3.   Issa qiegħed iħabbat biex ieħor, direttament liż-żgħażagħ.  Anzi, aħjar, lill-ispirtu żagħżugħ f’kull Nisrani, hija x’inhija l-età tiegħu.  Kull Nisrani huwa żgħir fl-età, fil-ħsieb u fil-kuraġġ.  Hija issa eżortazzjoni appostolika, mhux enċiklika, imma għandha saħħa kbira.  Taffronta pożizzjonijiet li sa issa għadna ma rajniex, la mis-soċjetà u lanqas mill-Knisja Kattolika.  Huwa, fil-fatt, manwal sabiex permezz tiegħu, fl-avversità wieħed jibqa’ sod, u ma jiqafx iħares ‘il quddiem.  Mhux biss, imma jmiss mar-realtà ta’ dawk id-diversi ġuvintur li llum huma magħluqa fil-kmamar tagħhom jikkomunikaw mal-oħrajn, ħbieb veru u apparenti, permezz tat-teknoloġija moderna.

Biċċa xogħol tajba

4.   Saret biċċa xogħol tajba ħafna mill-Franġiskani Konventwali (Reliġjon u Ħajja) li din l-eżortazzjoni nqalbet għall-Malti.  U ppermettuli nfaħħar lid-diversi li, xahar wara xahar, qed jidħlu għal proġetti simili.  Bħal dak imsejjaħ “Knisja 2000” mill-Patrijiet Dumnikani, li dan l-aħħar ġew f’idejja “L-Etika u l-Politika”, “Wirt Pawlu VI”, u issa “Ħsibijiet fuq id-Divina Commedia”.  Ċertament hawn min qiegħed japprezza u jqassam tajjeb kitba li tissoda ‘l-bniedem u lis-soċjetà tagħna.

Għaliex?

5.   Il-Papa Franġisku laqat tajjeb f’din il-kitba.  Huwa importanti li kull bniedem jinduna li huwa jista’ jibqa’ rilevanti fis-soċjetà, jekk jibqa’ żagħżugħ fil-fidi.  Mhux biss, imma hemm ir-riżorsi umani li m’għandhomx jintilfu.  Hemm ħin għad-dispożizzjoni, li mhux jidħol fil-ħajja.  Bergoglio jagħraf li s-soċjetà tagħna qegħda toħnoq indirettament lil diversi bnedmin li għadhom żgħar fl-età, li tkun ħasra jekk issa ma nċaqilquhomx.  Huwa jibda hekk: “Kristu jgħix.  Hu tama tagħna u l-isbaħ żogħżija ta’ din id-dinja.  Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, ifur bil-ħajja.  Għalhekk, l-ewwel kelmiet li nixtieq illessen kull żagħżugħ Nisrani huma: Hu jgħix u jridek Ħaj!”

Saċerdoti

6.   Il-kitba tħajrek taqra iktar ma timxi fiha.  Però, mhux f’ġirja waħda, imma biċċa biċċa, kontinwament fis-sħiħ.  B’osservazzjonijiet verament qawwija.  Bħal meta, fil-paragrafu 100 jitkellem fuq il-ferħ li s-saċerdozju jġib.  U fuq in-naħa l-oħra, l-għarfien li meta dan ma jkunx hemm, allura hemm sinjali li rridu noqogħdu attenti biex ngħinu.  Huwa jgħid hekk: “Hu x’inhu, jekk taraw saċerdot li jinsab f’riskju, għax tilef fil-ferħ tal-ministeru tiegħu, għax qed ifittex kumpens affettiv jew jaqbad triq ħażina, kunu kuraġġużi biżżejjed li tfakkruh fl-impenn tiegħu lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu, ħabbrulu intom stess l-Evanġelju u ħeġġuh iżomm sod fit-triq it-Tajba.”  Dikjarazzjoni ċara u f’ħafna, għalija, rivoluzzjonarja.  Qed tħeġġeġ, tawtorizza u tagħti s-setgħa lill-poplu żagħżugħ fil-Knisja li jitkellem u jieħu f’idejh proċess importanti.  Demokrazija ħajja.

Carlo Acutis

7.   Fil-paragrafi 104-106 imiss ma’ dan iż-żagħżugħ li ma kontx smajt bih, imma li Franġisku ġiebu quddiemna.  Għandu osservazzjoni mill-isbaħ, li tgħid hekk: “Kien jgħid Carlo, jiġri li “kulħadd jitwieled oriġinali imma ħafna jmutu fotokopji”.  Tħallix li jiġrilek hekk.”  Dawn jingħaqdu wkoll ma, iktar ‘il quddiem, mal-paragrafi 140 sa 143.  Il-messaġġ qawwi u determinanti jorbot mas-sejħa lil dawk li għadhom mimlija saħħa u enerġija biex ma jinħakmux mit-teknoloġija.  Li jifhmu li hemm mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni li saru issa forza ta’ oppressjoni silenzjuża.  Waħda ta’ dipendenza.  Bl-appell: tingħalaqx fik innifsek, fl-iżolament u pjaċir vojt.  Imma, anzi kun bħal Carlo, li “hu għaraf juża t-teknoloġija l-ġdida tal-komunikazzjoni biex jgħaddi l-Evanġelju, biex jikkomunika valuri u ġmiel.”

Grazzi Franġisku

8.   Hemm iktar f’dan.  Ċertament, dan l-appell fl-użu tat-teknoloġija huwa dirett ukoll lil diversi saċerdoti u reliġjużi sabiex jifhmu dan il-mezz ta’ komunikazzjoni.  Appell biex jutilizzawh b’għaqal huma wkoll.  Nuqqas li jrid jiġi ndirizzat malajr.  Il-Papa Franġisku għażel tajjeb, ta’ bniedem ġej mill-Fakultà tax-Xjenza.  Għażel li jmur direttament għal suġġetti li huma verament essenzjali fis-soċjetà u għall-futur tagħha.  F’dan, però, inkun qed nonqos jekk ma nagħtix ħajr lill-kontributur ta’ din il-gazzetta, Francesco Pio Attard, li daħal għal din il-biċċa xogħol.  Vuċi żagħżugħa tifhem iktar kif dan il-messaġġ jista’ jasal direttament, mhux biss lil dawk li bdew id-dinja, imma anki lil dawk li għaddejjin fiha.  Inħajjarkom tixtruha u taqrawha.  Hemm ferm iktar għad-dispożizzjoni tagħna.  Mezz biex ikollna soċjetà aħjar.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...