8.8.19

Passat, preżent u futur.




1.    Għadni ma tlaqtx minn idejja librett miktub mill-istoriku famuż Christopher Dawson (1888-1970), bit-titolu ‘The Judgement of Nations’, fejn l-awtur magħruf iressaq lid-dinja numru ta’ osservazzjonijiet lejn dawk bħalu li kienu qed jaraw konflitt mondjali ieħor iseħħ quddiemhom.  Il-kitba ġiet ippubblikata fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1943.  Fih iħares lejn dak li wassal lejn il-poter in-Nażiżmu u l-Faxxiżmu, b’rabta qawwija f’appell favur id-demokrazija, favur iċ-ċiviltà.

2.    F’analiżi mill-iktar interessanti, jagħmel numru ta’ osservazzjonijiet.  Laqtuni numru minnhom u qiegħed niċċitah mhux biex nippreżenta reċensjoni tal-ktieb, imma silta ta’ ideat.  Għax dak li kien qiegħed jappella għalih għandu rilevanza, ngħid kbira, illum.  F’Ewropa li qed terġa’ tara l-lemin estrem bl-ideat passati tiegħu jipprova jieħu lura lbies aċċettabbli, dan huwa iktar pertinenti.

3.    Dak li seħħ fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandu jibgħatilna f’dan messaġġi iktar ċari.  Dak li qabel ma kienx aċċettat.  Dak li għalih qabel kien hemm alleanza kulturali, politika u soċjali kontra l-lemin estrem issa m’għadux daqshekk sod daqs kemm kien.  L-esperjenza ta’ dak il-kunflitt, speċjalment f’dawk li ġarrbuh, welled fihom id-determinazzjoni li jirreżistu kull żerriegħa li tnibbet mill-ġdid din ix-xitla ħażina.  Ir-riżultat wera li l-bieb tbexxaq għal numru ta’ partiti politiċi, li qabel kien magħluq.  Jekk wieħed iħares lejn Franza u l-Italja jinnota iktar dan l-iżvilupp żbaljat.

4.    Proprju għalhekk din il-kitba qed insibha iktar rilevanti.  Għax qegħdin, sforz fatturi varji, forsi wkoll effett tat-teknoloġija moderna li neħħiet il-ktieb minn idejn il-bniedem, naraw dinja fejn il-passat qiegħed jiġi traskurat.  Anzi, fejn hemm min qiegħed jinsih, jew ma jarahx iktar rilevanti, kliemu huma importanti u rilevanti.  Proprju għax hemm min f’dan jilludi ruħu li l-preżent ser jagħtih soluzzjonijiet ġodda lejn il-futur.  Jinsa li l-passat huwa repożitorju ta’ ideat u esperjenzi għad-dispożizzjoni tagħna.  Jinsa dak kollu li għaddejna minnu.  Anzi, kif qed naraw, wara l-aħħar seklu d-demokrazija tiddependi fuq il-konoxxenza tajba tal-passat.  Mentri t-tirannija tiddependi fuq in-nuqqas ta’ lezzjonijiet passati.  Id-dinjità tal-bniedem, l-importanza tiegħu fis-soċjetà kontra stat dittatur jiddependu fuq l-għarfien tajjeb tal-passat.

5.    Tul dan il-ktieb hemm diversi siltiet li jolqtuk.  Għażilt dan il-kliem: “Before we can look forward to the future, we must recognise the mistakes of the past, and understand the real nature of the forces that are transforming the modern world.”  Il-bniedem, quddiem dawn it-tlett uċuh ta’ żmien, irid ikollu l-umiltà u mhux is-suppervja li jifhem dak li ħutu qablu għaddew minnu.  Irid jifhem li huwa fl-interess tal-ġid komumi fis-soċjetà li l-passat ikun mgħarraf dwaru.  Huwa l-iktar importanti li l-iżbalji katastrofiċi li wasslu lill-bnedmin fihom il-partiti tal-lemin estrem, jiġu mill-ġdid imxandra u mħabbra.

6.    Ngħid dan għax Dawson, fil-ġudizzji tiegħu, jimxi pass ieħor.  Jgħid, u dan bażat fuq il-qari u l-istudju tal-istorja, li l-popli jridu jassiguraw li l-Kristjaneżmu ma jintilifx.  F’dan huwa ċertament interessanti li storiku bħalu, flok jispjega l-bidu tat-Tieni Gwerra Mondjali fuq l-impostazzjonijiet tradizzjonali, imur iktar fil-fond fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem.

7.    Meta taqra siltiet bħal dan, l-ewwel meta jiddikjara: “But when Christianity disappears, the gulf becomes unfathomable, as it is to-day between the Nazi neo-paganism and the secularized liberalism or liberal socialism and the Anglo Saxon world.”  U jkompli: “Thus the belief in the ethical basis of social and political life which was the original inspiration of Western Democracy finds its justification in the teaching of the late church and the tradition of western Christendom.”  Iqiegħed f’dan iċ-ċentralità tal-prinċipji etiċi Nsara u tal-bżonn li l-Kristjaneżmu, bħala melħ tajjeb fis-soċjetà, ma jintilifx.

8.    Tul il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew kelli x-xorti nisma’ lil Manfred Weber jitkellem f’pajjiżna.  F’diskorsu reġa’ qiegħed din iċ-ċentralità Nisranija.  Ma beżax u ma qagħadx lura milli jiddikjara li, fl-opinjoni tiegħu, il-forza Ewropea, il-kunċett stess ta’ Unjoni Ewropea huwa bażat fuq dan il-pedament.  Semma u għamel osservazzjoni loġika.  F’kull belt u raħal fl-Ewropa hemm fin-nofs tagħha knisja Nisranija, li madwarha nbnew id-djar ta’ min jgħix u jaħdem hemm.  Dan huwa l-wirt tagħna.  Dan huwa li jagħmilna rilevanti fl-ideat.  Dan huwa li jagħti raġuni soda, loġika u spjegata kontra l-iżball tal-lemin estrem.

9.    Ċertament, f’dan kollu jibqa’ li l-passat, il-preżent u l-futur mhumiex faċli għas-soċjetà u għall-bniedem.  Mhux faċli tifhimhom.  Il-magħruf Albert Einstein (1879-1955) kellu x’jgħid sew fuq is-suġġett.  Imma llum, aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar insib konfort fit-talba partikolari ta’ San Padre Piju.  Waħda ta’ rassenjazzjoni, mimlija għaqal u direzzjoni, li tgħid hekk: “O Ġesù tiegħi, tajjar minn moħħi u minn qalbi kull inkwiet fuq l-imgħoddi, kull tħassib fuq il-preżent, u kull biża’ fuq li ġej, ħalli nkun nista’ nixtieq, dejjem u f’kollox, ħaġa waħda biss: li mmur kontra tiegħi nnifsi għall-imħabba tiegħek.  Nerħi għalhekk, O Mulej, il-passat ikrah tiegħi għall-ħniena kbira tiegħek; il-preżent imħawwad tiegħi għall-imħabba infinita tiegħek; il-futur misterjuż tiegħi għall-provvidenza qaddisa tiegħek.”





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...