30.8.19

Dħalna sew fis-sajf.




1.   Is-sħana hija qawwija.  Ma’ kull jum, it-temperaturi jiżdiedu.  Drabi fin-normalità, u oħrajn f’dak li ma rajniex qabel.  Nafu li din il-pjaneta li ngħixu fiha għaddejja minn diffikultajiet ambjentali kbar.  Hemm min minna li qed jifhem li dan huwa parti sew minn dak li pajjiżi oħra mhumiex jirrispettaw.  Mhumiex jirrispettaw dak li ġie stabbilit fil-proċess magħruf bħala Paris Agreement.  Dak li waslu għalih 196 pajjiż fil-21 ta’ Diċembru 2015, u li nġieb fis-seħħ fl-2016.

Mhux nifhmu

2.   Kien hemm diffikultajiet kbar biex daqshekk stati waslu.  Ħafna mumenti kien mertu ta’ pajjiżi żgħar li dan il-proċess wasal fi tmiemu.  Ġie stabbilit li għandna naraw li nnaqqs t-temperatura mondjali b’żewġ gradi, kif ukoll li nassiguraw iktar miżuri li bihom nistgħu nnaqqsu l-carbon dioxide.  Kull stat għandu r-responsabbiltajiet tiegħu.  Dawk ikbar iġorru ferm iktar diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.  Jekk ma jkunx hemm l-isforz ta’ kull membru firmatarju, dak kollu li ġie diskuss u miftiehem ma jkunx jista’ jinġieb fis-seħħ.

Għandna bżonnu

3.   Forsi dak il-messaġġ mhuwiex jasal biżżejjed sabiex il-popli kollha jifhmu.  Speċjalment dawk li jmexxu f’diversi stati, li din m’għadhiex xi diskussjoni akkademika, imma realtà li jum wara jum tieħu u tagħti l-effetti negattivi tagħha.  Pajjiżna mhuwiex nieqes jew protett.  Huwa espost għal dak li oħrajn huma.  Proprju għalhekk li rridu  nifhmu li m’għadux il-każ li ngħidu ħaġa fil-fora internazzjonali li ma nimplimentawx fil-politika nazzjonali tagħna.  U ngħidu x’ngħidu, qed naraw li l-aġenda “ambjentali” mhix tittieħed bis-serjetà mill-Gvern kollu kemm huwa.

Insensittività

4.   Hemm nuqqas kbir da parti tal-Gvern, dan l-istess li ministri tiegħu marru u qablu f’Pariġi, li tul dan is-sajf, proprju fl-eqqel tas-sħana, jinxeħet fi programm ta’ qtugħ ta’ siġar li diffiċli ħafna li tkabbar mill-ġdid.  Mhux biss, imma diffiċli wkoll li tħawwel xi mkien ieħor.  Ħarġu diversi nuqqasijiet fuq dak li qed jiġri fit-triq bejn H’Attard u r-Rabat, kif ukoll f’Santa Luċija.  Ma sarux preparamenti tajba u dettaljati.  Wisq inqas ma kien hemm proċess li bih bdew jitħawlu siġar ġodda f’postijiet oħra.  Kollox ġie jiddependi fuq kemm huwa b’saħħtu l-poter politiku preżenti fil-medja.  Kemm kapaċi jikkonvinċi li għalkemm ma ħax ħsieb, xorta jidher li ħa.

Ġenerazzjoni ġdida

5.   Mhix biss kwistjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida.  Waħda ċertament iktar attenta għall-kwistjonijiet ambjentali, imma hija rabta inter-ġenerazzjonali.  Dak li ħafna ilhom jaraw jinbena issa qed jirreaġixxu.  Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’linja politika nazzjonali fejn dawn il-pożizzjonijiet ma nagħtux każ tagħhom fis-sħiħ.  Ċertament, tul dawn l-aħħar għoxrin sena, kull gvern ħa miżuri.  Ipprova jidħol għal proġetti ġodda, imma llum, sforz dak li qed jiġri, ma nistgħux inkunu ambivalenti; wisq inqas nittraskuraw.  Ir-realtà hija li dak li niddeċiedu llum kontra l-ambjent, diffiċli ħafna biex inġibuh lura.

Internazzjonali

6.   Tul din il-ġimgħa, il-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia kellu laqgħa interessanti ħafna mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, R.T. Hon. Patricia Scotland Q.C., persuna intelliġenti, avukat u mimlija b’sens u esperjenza, li ressqet diversi punti dwar l-importanza ta’ dan is-suġġett.  Punti li sabu l-qbil tal-Kap tal-Oppożizzjoni proprju għax, tul dawn l-aħħar xhur, fil-Partit dan is-suġġett għola ferm iktar ‘il fuq fl-importanza li ħaqqu.  Kien hemm konverġenza fuq l-impenn li għandna nieħdu.  Fuq dak li pajjiżna kapaċi jwettaq hawn, u dak li jista’ jiġi mwettaq minna f’konferenzi internazzjonali.  L-ambjent illum mhuwiex sempliċement parti mill-politika interna, imma ħa dimensjoni ferm ikbar.  Il-futur tad-dinja, dak tagħna lkoll, jiddependi fuq x’ser nidħlu għalih.

Esperjenzi

7.   L-ambjent mhuwiex parti mill-politika partiġġjana.  Ikun żball politiku jekk, flok nimxu f’daqqa, noqogħdu nilgħabu naħa jew oħra.  Huwa parti mill-eżistenza tagħna.  Huwa assolutament essenzjali li nifhmu li dan huwa parti mill-prijoritajiet ta’ pajjiżna.  Jekk ma nġibux l-affarijiet f’posthom.  Jekk ma nifhmux li rridu naħdmu f’daqqa biex nimxu ‘l quddiem ser niżbaljaw.  Pajjiżna diġà għandu diversi żvantaġġi, u jkun żball kbir jekk nassiguraw li nżiduhom.  Irridu nikkontrollaw dak li jagħmel il-ħsara, ma nsegwux eżempji ħżiena ta’ oħrajn u ninvestu ferm iktar.

Il-futur tagħna

8.   Hemm ħafna ħidma li qed issir barra minn xtutna.  Hemm bżonn li nlaħħqu magħha.  Hemm bżonn, ċertament, li ninvestu iktar – miljuni, mhux ftit eluf.  Iva, ferm iktar fuq din il-linja.  ‘L hekk imsejħa ‘Green and Blue Economy’ irnexxielhom jaslu fi fruntieri li rridu nkunu mgħarrfa iktar dwarhom u nġibuhom jaħdmu għalina.  Qed nidħlu għal politika li tista’ tidher li qed issolvi temporanjament ċerti problemi – l-iktar dik tat-traffiku, però fit huma konvinti li dak li qed isir ser iservi fit-tul, jew li ma jkollniex immorru lura minnu.  Huwa ċar li dħalna fis-sajf, imma dan ma jfissirx li l-poplu qed jinsa dawn l-isfidi.  Anzi, qed jitlob ferm u ferm iktar aħjar milli għandu llum.  Dan nifhmuh, u deċiżi li nimxu u mmexxu fit-triq it-tajba.



Iva, verament għandna bżonn.




1.   F’dawn l-aħħar xhur, pajjiżna ra ħafna.  Daqshekk ieħor il-Partit Nazzjonalista.  Smajt u qrajt kemm hawn bnedmin fis-soċjetà, l-iktar fil-poter, li għax suppost li jemmnu ħafna fid-demokrazija jridu li ma jkunx hawn Oppożizzjoni f’dak li jsejħu “b’saħħitha”.  Mhux dejjem emmint dak li kien qed jingħad, speċjalment minn min ikun qiegħed jgħidu.  Forsi nuqqas tiegħi. Għax nibqa’ dejjem naħseb f’kif dawk li jridu l-kritika “qawwija” mingħandna jirreaġixxu b’mezzi xejn demokratiċi meta jiġu konfrontati b’dak li qed iwettqu ħażin.  Qisu, mingħajr ma trid tgħid: jgħidu ħaġa imma fil-verità jridu oħra.

L-Oppożizzjoni hemm qegħda

2.   Jista’ jkun li ma ningħatawx, f’dan il-mument partikolari, ħafna importanza.  Hemm min forsi għadu ma jarax li għandna nidħlu fl-aġenda tiegħu.  Hemm ukoll min għadu qiegħed jifhem dak li mhuwiex isir tajjeb minn dan il-Gvern Laburista.  Hemm min iktar ma jistax jemmen li dak kollu li ħolom li ser iseħħ taħt din it-tmexxija, fil-fatt mhuwiex.  Biss, f’dan, l-Oppożizzjoni hemm kienet u hemm baqgħet.  Saru manuvri u kutrumbajsi kbar biex nippruvaw inżommuha lura.  Imma, fortunatament, ħidmet il-Gvern ma rnexxietx.  Fid-diffikultajiet politiċi l-partiti jissudaw; ma jmorrux lura.  Huwa biss fit-tajjar li jiddgħajfu.  Għalhekk l-Oppożizzjoni, f’dawn l-għoxrin xahar, issudat ruħha.

Il-kritika ssir

3.   Kif qalu: “Opposition is rightly understood to be part and parcel of the political process as a whole, indeed, it is the altera pars of government or power.  Any analysis or history of power must of necessity embrace its counterpart.”[1]  Proprju iktar, għalhekk, ngħid li vera li Oppożizzjoni fil-pajjiż hija bżonnjuża.  Waħda li taqdi dmirha.  Imma ħadd ma jista’ jindaħlilha kif twettaq dan.  Għal dan il-Gvern, jekk ma taqbilx miegħu, issir negattiv.  Jekk ma tgħidx kemm huwa tajjeb, tiġi kemm inti ħażin.  F’din il-linja politika m’aħniex, u m’għandniex nidħlu.  Ħidmitna fid-demokrazija hija kompletament differenti.  Direttament, dijametrikament opposti.  Għalhekk, il-kritika ssir kif irridu u kif naraw aħna, u mhux kif il-Gvern jipprova jimponi fuqna bil-bumbardament medjatiku li jwettaq jum wara jum.

Differenti f’kollox

4.   Għax hemm differenza f’ħafna.  Mhux biss, l-ewwel, fil-partiti politiċi.  Mhux biss, it-tieni, bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, imma iktar mis-sehem li għandhom.  Kif jingħad tant tajjeb u b’sens kbir: “The role of exercising power is widely different from that of combating abuses; and the two should be kept separate.”[2]  Proprju għalhekk li wieħed ikun ser jixraq meta wieħed jisma’ kemm il-Gvern qalbu tħabbat bil-qawwi u jrid li l-Oppożizzjoni tkun b’saħħitha, imma mhuwiex preparat li jagħti l-għodda li l-Oppożizzjoni ħaqqha.  Jitkellem ħafna, imma mbagħad, meta niġu għat-talbiet leġittimi, nibqgħu lura.  Jista’ jkollna, f’demokazija, Gvern mimli b’impjegati mħallsa minn but il-poplu u l-Oppożizzjoni ma tkunx armata l-istess biex tikkumbatti?

Ġustizzja u demokrazija

5.   Forsi nkunu, f’dan kollu, ferm iktar korretti ngħidu li nippretendu Gvern differenti milli għandna.  Nippretendu wieħed li mhuwiex “b’saħħtu”, jew “arroganti”, imma demokratiku.  Wieħed li jobdi r-regoli sabiex jamministra tajjeb il-fondi tal-pajjiż.  Wieħed li joqgħod mar-regoli tas-sewwa u ma jippermettix atti ta’ korruzzjoni.  Wieħed li jħares li jmexxi skont il-mertu, u mhux skont il-preferenzi żbaljati.  Wieħed li jifhem li hawn valuri li jirbħu fuq l-ekonomija.  Wieħed li jaħdem għall-ġustizzja soċjali, mhux għad-dominanza tas-suq liberalista.  Wieħed li jħares li jgħolli ‘l-bnedmin kollha ‘l fuq fid-dinjità li ħaqqhom, u mhux lil parti minnhom.  Wieħed li jiddefendi, verament, il-futur u l-istabilità tal-poplu.

Hawn bżonn Gvern aħjar

6.   Hemm tagħlim, fl-istorja tal-bniedem, li ninjoraw.  Kif naqbel li l-ikbar għadu tad-demokrazija llum il-ġurnata huwa n-nuqqas ta’ għarfien storiku.  In-nuqqas ta’ konoxxenza ta’ dak li seħħ fil-passat, u ta’ dak li bnedmin oħra għaddew minnu, jibqa’ theddida serja.  Għax, kif inkiteb tajjeb fuq dan: “Man’s capacity for Justice makes Democracy possible, but man’s inclination to injustice makes democracy necessary.”[3]  Proprju għalhekk li d-demokrazija għandha lezzjonijiet, valur deċiżament importanti għall-ħajja tagħna.  Proprju għalhekk għandna nifhmu li l-problema għad-demokrazija fis-soċjetà tallum mhix ġejja mill-Oppożizzjoni, imma mill-Gvern.  Minn Gvern li qiegħed jaħrab u jinjora dak li għandu jwettaq sabiex ikollna demokrazija verament b’saħħitha.  Għax iva, verament, id-demokrazija għandna bżonn.




[1] Ghita Ionescu u Isabel de Madariaga, Opposition, paġna 10
[2] Ibid, paġna 22
[3] Reinhold Niebuhr, The Children of Light and the Children of Darkness. A vindication of democracy and a critique of its traditional defense, paġna xxxii.

Negattività.




1.   Il-proverbju Malti jgħidha b’mod iktar iebes.  Iżda l-midgħi jgħajrek midgħi u l-mara li mhix tant fidila tgħajjar bl-infedeltà lil nisa oħra.  Il-wiċċ tost ta’ min ħoloq il-kampanja tal-kartelluni tal-Partit Laburista m’għadux jiskantana.

2.   Il-Partit Soċjalista, fil-fatt, jipprova jnessina li huwa hu li għandu record ta’ negattività.  Kien ivvota le għall-Indipendenza, kien kontra l-Kunsilli Lokali, kien kontra d-dħul fl-Unjoni Ewropea.  Fir-Referendum (tal-Indipendenza, kif ukoll f’dak għad-dħul fl-Unjoni) kienu qalu lin-nies biex tivvota “Le”.  Il-poplu Malti, f’dawk iż-żewġ okkażjonijiet important, ma obdihomx.  Ma qagħdux kwieti: dak il-lejl li fih Malta ħadet rajha f’idejha u sirna indipendenti, kienu organizzaw dimostrazzjoni kontra.  Meta tilfu r-referendum tad-dħul fl-Unjoni, riedu jgħidu li r-referendum ma jgħoddx.  Iktar negattivi minn hekk, għiduli, kif tista’ tkun?

3.   Billi għadda ż-żmien mill-Indipendenza u mid-dħul fl-Unjoni, jista’ jkun li hawn min nesa.  Tielgħa ġenerazzjoni li m’għaddietx minn din l-esperjenza.  Infakkru u nerġgħu nfakkru: dak li huwa pożittiv f’pajjiżna nafuh l-iktar lill-Partit Nazzjonalista.

4.   L-iżvilupp tal-industrija u t-turiżmu, l-iżvilupp tal-edukazzjoni (hawn min nesa li l-Partit Laburista kien daħħal in-numerus clausus fl-Università u t-tagħlim sitt xhur/sitt xhur, neħħa l-Fakultà tat-Teoloġija, kien kontra l-edukazzjoni sekondarja għal kulħadd, u deffes l-Iskejjel tas-Snajja’ biex jisfrattaha), il-kompetizzjoni miftuħa għall-kummerċ (min irid jistaqsi x’kien jiġri meta kont trid titlob grazzja biex tixtri sett tat-televiżjoni, u ssiefer biex tixtri ċ-ċikkulata, jew titkarrab biex jagħtuk liċenzja biex timporta).  Qatt ma kien hawn gvern negattiv iktar tal-kontroll, kontra l-libertà, kontra l-ġustizzja minn dak li sofrew il-Maltin bejn l-1971 u l-1987.  L-istorja waħedha tgħallem.

5.   Il-Partit Nazzjonalista emmen dejjem fil-libertà u fl-għaqda.  Libertà, iżda bir-regoli tal-liġi.  Għaqda bejn il-Maltin f’dak li huwa importanti fit-tmexxija demokratika u fil-ġustizzja soċjali.  Iva, l-aktar fil-ġustizzja bejn il-bnedmin fil-bżonnijiet tagħhom.  Fil-ħtiġiet biex jgħixu fid-dinjità bħala bnedmin.

6.   Mhux hekk il-Partit Laburista: semmejna n-negattività, iżda wieħed isemmi b’iktar qawwa l-għaqda.  L-ikbar firdiet li kellna f’pajjiżna kienu dawk politiko-reliġjużi.  Dawk kienu firdiet kbar, li qasmu saħansitra l-familji.  Issa qed jerġa’ jissemma l-abort.  L-abort jifred, u ħafna iktar milli fired id-divorzju.  U ma jidhirx li fit-tmexxija tal-Partit Laburista hemm il-kuxjenza sħiħa ta’ kemm l-abort jifred lill-poplu tagħna.  Għax hemm min irid jidher ħelu ma’ oħrajn.

7.   Forsi xi Laburisti nsew meta l-Gvern tagħhom għalaq l-isptar u l-iskejjel tal-Knisja, u tkeċċew is-Sorijiet tal-Blue Sisters.  Forsi nsew meta l-Arċisqof Mercieca sofra d-dimostrazzjonijiet kontra tiegħu.  Forsi xi wħud insew il-klima li kien hawn f’pajjiżna, meta folla attakkat l-istamperija tat-Times of Malta, u meta l-Pulizija għamlet raid mill-iktar ikrah fuq l-Istamperija Nazzjonali.  Wieħed li, nagħmel x’nagħmel, ma nistax ninsa.  Forsi nsew, meta jlissnu n-negattività, meta kienu ġgajtiet ta’ partitarji li kissru l-każini tal-Partit Nazzjonalista.  Fit-tort li kellhom ippruvaw jieħdu r-raġun.

8.   Il-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet dejjem pożittiva: dejjem bnejna u ma ħattejna xejn li kien sewwa; kultant ħtiġilna nirranġaw qatigħ.  B’ġustizzja soċjali, b’linja sabiex kull persuna tieħu li ħaqqha.

9.   Ma niħdux pjaċir infakkru dawn l-episodji ta’ negattività.  Konna nittamaw li l-istaġun tal-firda fuq il-prinċipji tal-ħajja għadda.  Il-firda fuq kwistjonijiet politiċi hija l-bażi tal-politika: il-firda fuq il-prinċipji morali, etiċi, kostituzzjonali hija ta’ ħsara.  Speċjalment meta mqanqla barra żmienha.

10. Nistaqsu allura: negattivi u diviżivi?  Min huwa li kien, u donnu jrid jibqa’?  Jarah il-poplu tagħna, li jibqa’ dejjem sovran.

Grazzi Franġisku.




1.   Jidher ċar li l-Ħallieq iddeċieda jibdel sew fil-preferenza tal-Fakultà Universitarja.  Meta wieħed imur lura fl-istorja tal-Knisja jsib li l-aċċenn ta’ diversi Papiet ma kienx fil-Fakultà tax-Xjenza.  Drajna, wara Pawlu VI, Ġwanni Pawlu I, Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI, b’persuni li kellhom u għandhom doni mrawmin f’linji differenti.  Mentri issa għandna l-266 rappreżentant ta’ San Pietru li l-Kimika hija l-linja inizjali tiegħu.  Moħħu magħġun mhux biss differenti għax ġej mill-Amerika Latina, imma f’dan ukoll.  Jagħraf l-elementi tal-ħajja u kif dawn jitħalltu għat-tajjeb jew le.

Dan jidher

2.   Dan jidher sew, nazzarda ngħid, f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel: fil-mod ta’ kif jaħseb, jikteb u għalhekk jesprimi ruħu.  It-tieni: fil-prijoritajiet li jrid jaffronta fiż-żmien tiegħu.  Diġà kellna l-enċiklika ‘Laudato Sì’, li affermat b’mod ċar u inekwivoku dak li għandha tkun l-aġenda mondjali.  Erba’ snin skorruti llum, kien diġà qiegħed jitkellem u jgħallem fuq il-bżonn li nipproteġu lil din il-pjaneta.  Fuq ir-responsabbiltajiet li aħna l-Insara għandna.  Fuq id-direzzjoni li għandna nieħdu.  B’talba mill-isbaħ u minsija li tgħid, fost l-oħrajn: “Alla ta’ mħabba, urina x’inhu postna f’din id-dinja bħala għodda ta’ imħabbtek għall-ħlejjaq kollha ta’ din l-art, għax lanqas wieħed minnhom biss mhu minsi minnek.”

Christus Vivit

3.   Issa qiegħed iħabbat biex ieħor, direttament liż-żgħażagħ.  Anzi, aħjar, lill-ispirtu żagħżugħ f’kull Nisrani, hija x’inhija l-età tiegħu.  Kull Nisrani huwa żgħir fl-età, fil-ħsieb u fil-kuraġġ.  Hija issa eżortazzjoni appostolika, mhux enċiklika, imma għandha saħħa kbira.  Taffronta pożizzjonijiet li sa issa għadna ma rajniex, la mis-soċjetà u lanqas mill-Knisja Kattolika.  Huwa, fil-fatt, manwal sabiex permezz tiegħu, fl-avversità wieħed jibqa’ sod, u ma jiqafx iħares ‘il quddiem.  Mhux biss, imma jmiss mar-realtà ta’ dawk id-diversi ġuvintur li llum huma magħluqa fil-kmamar tagħhom jikkomunikaw mal-oħrajn, ħbieb veru u apparenti, permezz tat-teknoloġija moderna.

Biċċa xogħol tajba

4.   Saret biċċa xogħol tajba ħafna mill-Franġiskani Konventwali (Reliġjon u Ħajja) li din l-eżortazzjoni nqalbet għall-Malti.  U ppermettuli nfaħħar lid-diversi li, xahar wara xahar, qed jidħlu għal proġetti simili.  Bħal dak imsejjaħ “Knisja 2000” mill-Patrijiet Dumnikani, li dan l-aħħar ġew f’idejja “L-Etika u l-Politika”, “Wirt Pawlu VI”, u issa “Ħsibijiet fuq id-Divina Commedia”.  Ċertament hawn min qiegħed japprezza u jqassam tajjeb kitba li tissoda ‘l-bniedem u lis-soċjetà tagħna.

Għaliex?

5.   Il-Papa Franġisku laqat tajjeb f’din il-kitba.  Huwa importanti li kull bniedem jinduna li huwa jista’ jibqa’ rilevanti fis-soċjetà, jekk jibqa’ żagħżugħ fil-fidi.  Mhux biss, imma hemm ir-riżorsi umani li m’għandhomx jintilfu.  Hemm ħin għad-dispożizzjoni, li mhux jidħol fil-ħajja.  Bergoglio jagħraf li s-soċjetà tagħna qegħda toħnoq indirettament lil diversi bnedmin li għadhom żgħar fl-età, li tkun ħasra jekk issa ma nċaqilquhomx.  Huwa jibda hekk: “Kristu jgħix.  Hu tama tagħna u l-isbaħ żogħżija ta’ din id-dinja.  Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, ifur bil-ħajja.  Għalhekk, l-ewwel kelmiet li nixtieq illessen kull żagħżugħ Nisrani huma: Hu jgħix u jridek Ħaj!”

Saċerdoti

6.   Il-kitba tħajrek taqra iktar ma timxi fiha.  Però, mhux f’ġirja waħda, imma biċċa biċċa, kontinwament fis-sħiħ.  B’osservazzjonijiet verament qawwija.  Bħal meta, fil-paragrafu 100 jitkellem fuq il-ferħ li s-saċerdozju jġib.  U fuq in-naħa l-oħra, l-għarfien li meta dan ma jkunx hemm, allura hemm sinjali li rridu noqogħdu attenti biex ngħinu.  Huwa jgħid hekk: “Hu x’inhu, jekk taraw saċerdot li jinsab f’riskju, għax tilef fil-ferħ tal-ministeru tiegħu, għax qed ifittex kumpens affettiv jew jaqbad triq ħażina, kunu kuraġġużi biżżejjed li tfakkruh fl-impenn tiegħu lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu, ħabbrulu intom stess l-Evanġelju u ħeġġuh iżomm sod fit-triq it-Tajba.”  Dikjarazzjoni ċara u f’ħafna, għalija, rivoluzzjonarja.  Qed tħeġġeġ, tawtorizza u tagħti s-setgħa lill-poplu żagħżugħ fil-Knisja li jitkellem u jieħu f’idejh proċess importanti.  Demokrazija ħajja.

Carlo Acutis

7.   Fil-paragrafi 104-106 imiss ma’ dan iż-żagħżugħ li ma kontx smajt bih, imma li Franġisku ġiebu quddiemna.  Għandu osservazzjoni mill-isbaħ, li tgħid hekk: “Kien jgħid Carlo, jiġri li “kulħadd jitwieled oriġinali imma ħafna jmutu fotokopji”.  Tħallix li jiġrilek hekk.”  Dawn jingħaqdu wkoll ma, iktar ‘il quddiem, mal-paragrafi 140 sa 143.  Il-messaġġ qawwi u determinanti jorbot mas-sejħa lil dawk li għadhom mimlija saħħa u enerġija biex ma jinħakmux mit-teknoloġija.  Li jifhmu li hemm mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni li saru issa forza ta’ oppressjoni silenzjuża.  Waħda ta’ dipendenza.  Bl-appell: tingħalaqx fik innifsek, fl-iżolament u pjaċir vojt.  Imma, anzi kun bħal Carlo, li “hu għaraf juża t-teknoloġija l-ġdida tal-komunikazzjoni biex jgħaddi l-Evanġelju, biex jikkomunika valuri u ġmiel.”

Grazzi Franġisku

8.   Hemm iktar f’dan.  Ċertament, dan l-appell fl-użu tat-teknoloġija huwa dirett ukoll lil diversi saċerdoti u reliġjużi sabiex jifhmu dan il-mezz ta’ komunikazzjoni.  Appell biex jutilizzawh b’għaqal huma wkoll.  Nuqqas li jrid jiġi ndirizzat malajr.  Il-Papa Franġisku għażel tajjeb, ta’ bniedem ġej mill-Fakultà tax-Xjenza.  Għażel li jmur direttament għal suġġetti li huma verament essenzjali fis-soċjetà u għall-futur tagħha.  F’dan, però, inkun qed nonqos jekk ma nagħtix ħajr lill-kontributur ta’ din il-gazzetta, Francesco Pio Attard, li daħal għal din il-biċċa xogħol.  Vuċi żagħżugħa tifhem iktar kif dan il-messaġġ jista’ jasal direttament, mhux biss lil dawk li bdew id-dinja, imma anki lil dawk li għaddejjin fiha.  Inħajjarkom tixtruha u taqrawha.  Hemm ferm iktar għad-dispożizzjoni tagħna.  Mezz biex ikollna soċjetà aħjar.



22.8.19

Demokrazija u ġustizzja soċjali.




1.     Għandu raġun il-kollega, l-Onor. Ivan Bartolo: il-problema tal-faqar fis-soċjetà mhix tiġi affrontata sewwa.  Għandu raġun jgħid li l-Gvern tilef fil-prijoritajiet nazzjonali tagħna.  Tilef id-direzzjoni.  Tilef il-boxxla soċjali.  Ma nistgħux inġibu argumenti żbaljati dwar dan.  Il-faqar hemm qiegħed.  Nafu li l-Gvern huwa moħħu iktar sabiex ikun pro business.  Nafu li l-fatt li għandna madwar 80,000 persuna f’din il-klassi soċjali trid tiġi ndirizzata direttament b’miżuri diretti u mhux indiretti.  Ma nistgħux naħsbu li għax il-kbar għandhom iktar, iż-żgħar ser ikollhom ukoll.

Is-sistema ma taħdimx hekk

2.     Għandha raġun l-Oppożizzjoni li tqajjem il-punt, u għandu tort il-Partit Laburista li jipprova jsolvi l-problema billi jattakka lill-Partit Nazzjonalista.  Id-diffikultajiet ekonomiċi, għal diversi fis-soċjetà, bdew jinħassu iktar milli l-istatistika tindika.  Terġa’, dawn il-figuri qed joħorġu fuq dak li kien hemm xhur ilu, mhux fuq dak li żviluppa iktar illum.  Ngħidu dan għax hawn preżentement proċess ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-affarijiet li nsejħu ‘essenzjali’.  Kif dawn jitilgħu, iċaqilqu ħwejjeġ oħra.  Mhux biss, imma jbiddlu l-mod li bih il-bnedmin jagħżlu li jixtru prodott jew ieħor.

Iktar attenzjoni

3.     L-istatistika turina direzzjoni.  Tindikalna fejn sejrin l-affarijiet.  Tgħinna nifhmu fejn, bħala pajjiż u poplu, irridu ninxeħtu naħdmu u nibdlu l-politika nazzjonali biex tibdel il-linja.  Il-problema fil-konfront tal-figuri rikorrenti, fir-realtà juri li l-Gvern, anke jekk mimli b’fondi varji, qiegħed jinqabad fuq sieq ħażina.  Il-messaġġ kontinwu tal-Gvern li joħroġ minn diversi dokumenti, stqarrijiet u dikjarazzjonijiet huwa kemm aħna tajbin, li qed tonqos l-ispiża soċjali.  Il-Partit Laburista mhux jirrealizza li f’dan qiegħed jimplika ma’ dawk li l-iktar għandhom bżonn.  Qed jaqta’ barra lil dawk li għandhom jingħataw l-għajnuna.  Dawk li qed isibu li hemm stat li m’għadux jifhem li diversi jsibu ruħhom f’ċirkostanzi fejn, minkejja l-isforzi personali tagħhom, jiġu jiddependu mill-Istat.

Nattakkaw lil min m’għandniex

4.     Ir-realtà hija li s-soċjetà nbidlet, u magħha l-bżonnijiet tagħha.  Magħha, però, m’aħniex nibdlu l-mod li bih għandna ngħaddu iktar għajnuna soċjali lil dawk li huwa vitali għas-soċjetà li ma jiġux traskurati.  Programmi ġodda li fuqhom l-istat soċjali jikber u jinbidel ma hemmx.  M’aħniex naraw, u f’dan hemm abbandun tal-kunċett sħiħ tal-ġustizzja soċjali.  Hemm, minflok, affermazzjoni individwalista.  Hemm l-iżball li wieħed jaħseb li għandu jikber min kapaċi jfendi għal rasu, u min għal raġuni jew oħra mhuwiex, affari tiegħu.  Qisu li kull min isib ruħu f’diffikultajiet ekonomiċi ġiebhom b’idejh, jew daħal f’xi triq ta’ dipendenza.

Il-verità

5.     Tul dawn is-snin, jidher ċar li din il-problema, li tiġi klassifikata ġeneralment bħala “faqar”, mhix tiġi konfrontata.  Ngħid hekk għax hemm klassifikazzjonijiet li jiddependu fuq ħafna punti fuq jekk hemmx faqar jew le.  Wieħed jista’ juża dan bħala argument biex iwaqqa’ ieħor.  Jista’ jirredikola, imma fl-istess ħin mhuwiex jinduna li qiegħed iwaqqa’ lilu nnifsu stess.  Il-verità hija: l-ewwel, li hawn klassi soċjali li hija nieqsa minn dak li rridu għal kull persuna fil-pajjiż; it-tieni, li minħabba raġunijiet varji mhumiex jingħataw l-għajnuna li ħaqqhom.

Essenzjali

6.     Id-demokrazija tagħna mhix waħda bażata fuq il-garanzija għal ċerti klassijiet soċjali li għandhom.  Hija, anzi, bażata fuq il-bżonn li ngħinu lil kull bniedem.   Dan huwa kunċett li l-Gvern tallum mhuwiex jafferma.  Mhuwiex jinduna li hawn il-ġbir ta’ fatturi soċjali li f’mument jew ieħor ser jiġbdu iktar bnedmin ‘l isfel.  Ngħid dan, għax għalkemm insemmu dak li żdied dan ix-xahar, hemm il-problema fundamentali tal-kirjiet.  Sa issa, il-Gvern qiegħed jaħrab u jtawwal fl-affarijiet.  Imma, fil-frattemp, hemm “tempesta” soċjali li qegħda tiġma.  Hawn biża’ kbira f’dawk li qegħdin jgħixu fi djar li jew għandhom kirjiet jew ċnus temporanji.

Biżgħar kbar

7.     Hawn biżgħat kbar fis-soċjetà.  Ħafna huma għaddejjin jhewdnu u jinkwetaw verament fuq il-futur tagħhom.  Ħafna minn dawn il-persuni huma dawk li waslu viċin il-pensjoni jew qabżu dan.  Għandna faxxa kbira fis-soċjetà li, għal raġunijiet varji, ma xtrawx propjetà.  Għandna ħafna li moħħhom mistrieħ li, sakemm jibqgħu f’din id-dinja, saqaf fuq rashom ser jibqagħlhom.  Imma dak li qiegħed jiżviluppa huwa fid-direzzjoni l-kuntrarja.  Ħafna qed iħossu li ser isibu ruħhom barra t-triq.  Dan huwa fattur iktar, ferm iktar, determinanti għall-figuri tal-bnedmin fil-bżonn tal-“faqar”.  Jekk illum qegħdin viċin it-80,000, dan ser jgħin mhux biex jinżlu ‘l isfel, imma li jitilgħu iktar ‘il fuq.  Din hija r-realtà li ġejja iktar fuqna.

Mill-industrija

8.     Smajt dawk li qed jitkellmu fid-dinja tal-industrija.  Il-bnedmin li għandhom rashom f’postha u kapaċi jifhmu iktar mill-Gvern tal-ġurnata x’inhuwa jiġri.  Il-kirjiet qed jinkwetawhom.  L-istess l-ammont ta’ persuni li qed jiġu mingħajr kontroll ta’ xejn, ‘l hekk imsejħa “ħaddiema” li ġejjin mill-irkejjen tad-dinja.  Min isib triqtu, min jiġi abbużat, min sfruttat, min qed jispiċċa barra fit-toroq u min parti minn dak li qed insejħu “traffikar uman”.  Nifhmu li tant hawn li l-Gvern, bil-forza dixxiplinata żgħira li għandhu, ma jistax ilaħħaq ma’ dak li qed iseħħ fuq it-territorju.  Għandna problemi soċjali fid-dinja tal-kirjiet.  L-ewwel: dawk li jingħaqdu f’daqqa biex jidħlu f’kirjiet komuni li familja jew persuni separati u divorzjati ma jistgħux jikkompetu magħhom.  It-tieni: dawk il-mijiet li qed jidħlu f’postijiet li ma nbnewx biex jgħixu l-bnedmin fihom.  It-tielet: dawk li qed jorqdu barra fit-triq fuq il-bankijiet pubbliċi fl-irkejjen tal-pajjiż.

Iktar kriminalità

9.     Hawn kriminalità varja li qegħda tikber.  Serqiet “żgħar” u traffikar tad-droga li qed iseħħu minn dawk li qed isibu ruħhom f’pożizzjonijiet soċjali ħżiena.  Bnedmin li nqalgħu minn naħa jew oħra tad-dinja biex qegħdin hawn maqbuda f’morsa.  Hawn rapport inter-personali fejn bnedmin vulnerabbli qed jiġu abbużati minn dawk li ġejjin minn barra biex, b’xi mod jew ieħor, jeħdulhom il-flus.  It-teknoloġija moderna għandha tagħha.  Kontijiet bankarji jonqsu minn dawk li jsibu l-anzjani vittmi tajba tagħhom.  Fl-istess ħin għandna tnaqqis fil-bnedmin li jidħlu fil-Korp tal-Pulizija u l-Armata sabiex jipproteġu lis-soċjetà.

Iridu jittieħdu l-passi

10.   L-appell tagħna huwa li jittieħdu l-passi neċessarji.  Ma jistax ikun li nibqgħu nippretendu li dawn il-problemi soċjali sejrin isolvu ruħhom waħedhom.  Mhumiex ser jonqsu, jekk ma jkunx hemm programm.  Nifhmu x’inhija r-realtà; naċċettaw u mhux niċħdu l-fatti, u naħdmu biex insolvuhom.  Hemm ħafna x’jista’ jsir.  Hemm ħafna persuni li għandhom bżonn l-għajnuna.  Mhux biss direttament għalihom, imma għax kif nafu, indirettament dan jolqot lis-soċjetà kollha.  Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista dan nifhmuh, u proprju għalhekk li nkomplu nitkellmu.  Għandu raġun l-Onor. Ivan Bartolo jgħid li l-Gvern tilef il-boxxla soċjali.  Nittamaw li ngħinuh isibha lura għall-ġid tal-poplu kollu.



Il-messaġġ sempliċi u dirett.





1.   Nammetti li tul dawn l-aħħar jiem, mort fejn mort kien hemm diversi li kellmuni joffru l-għajnuna.  Kienu iktar milli stennejt dawk li rsaqt lejhom, li kellmuni direttament u wrewni li jridu l-ġid lil dan il-partit.  Sibt varjetà ta’ ideat.  Sibt però, fuq kollox, diversi li jridu li jagħtu mill-ġdid sehemhom.  Jipparteċipaw fil-ħidma li organizzazzjoni bħal tagħna għandha bżonn.  Dan huwa partit bi storja twila.  Dan huwa partit li għandu viżjoni, ideal politiku u esperjenza twila għad-dispożizzjoni tal-poplu kollu.  Wieħed li għadu kapaċi, f’dawn iż-żminijiet, ikun effettiv u dirett fil-kritika kostruttiva tiegħu.

F’daqqa

2.   Partit huwa magħmul minn nies li jiġu lkoll f’daqqa.  M’aħniex wieħed magħmul minn diversi “kapijiet” li jaħdmu għal rashom.  Kull deputat, kull kunsillier lokali, kull membru fil-kumitat, kull tesserat, kull votant, ma jistgħux jaħdmu għal rashom imma f’daqqa.  Huwa dejjem żbaljat li xi ħadd jikteb, fejn trid, facebook, twitter, eċċ, x’jaħseb “hu”, jew x’jidhirlu “hu” bħallikieku dik hija l-linja tal-partit.  Huwa dejjem għaqli u prudenti, li qabel, wieħed jitkellem internament, jikkonsulta, jieħu parir u wara jimxi.  M’aħniex partit tal-prime donne, imma parti lkoll minn kor.  Kor li għandu konduttur, li jara kif u fuq liema livell għandna nindirizzaw lilna nfusna.  Din hija r-realtà tal-politika għaqlija.  Għax aħna għandna rilevanza nazzjonali jekk inkunu lkoll f’daqqa fuq numru ta’ punti politiċi ċari.

Fil-mument

3.   Dan iktar u iktar f’dan il-mument storku tagħna ta’ mija u disgħa u tletin sena ta’ eżistenza.  Minn mindu fl-1880 Fortunat Mizzi qiegħed din il-formazzjoni politika, sew żdiedu l-mezzi ta’ komunikazzjoni.  Imma flok qed nużawhom b’intelliġenza, qed nintilfu.  Għandna ħafna biex inwasslu l-messaġġ politiku tagħna. Għandna l-vantaġġ li dak li qiegħed jingħad mill-Kap tal-Partit, iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jaslu għand iktar persuni fis-soċjetà, malajr u direttament.  Lezzjoni sempliċi fil-politika.  Minflok m’aħniex nużawhom, jew agħar, qed noqogħdu lura minnhom.  Minflok qed nifhmu kemm huwa importanti li nxerrdu l-ideat tagħna sat-truf nett tas-soċjetà, qed immorru l-kontra.  Vuċijiet waħedhom jew l-abbandun tat-tismigħ tal-vuċi interna tal-partit ma jaslu mkien.

Fatti sfukati

4.   Ngħid iktar dan għax nibqa’ impressjonat bil-kwantità ta’ ideat u fatti li ma huma xejn ċari f’moħħ diversi bnedmin ta’ rieda tajba dwar il-partit.  Smajt diversi forom ta’ impreċiżjonijiet, nuqqasijiet kbar ta’ verità dwar min qiegħed fuq il-pożizzjonijiet politiċi tagħna, fuq it-tmexxija tal-partit.  Fejn l-aħbar il-ħażina tinstemgħa iktar.  Smajt, u kelli l-opportunità nfiehem u nikkoreġi.  Mhux kulħadd semagħni kemm ridt, imma l-maġġor parti ninnota li, billi ma jsegwux dak li ngħidu, għandhom opinjoni differenti tagħna.  Ninnota li l-fatti l-partit, permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tiegħu, qiegħed joħroġhom.  Stqarrijiet, artikoli, diskorsi varji jsiru l-ħin kollu.  Imma ma hemmx għarfien fil-bżonn li wieħed isegwi dak li ngħidu, u aħna qegħdin nonqsu li m’aħniex inxerrduhom.

Niddependu iktar fuqna

5.   F’dan ċertament għandna nifhmu, bħala partit, li m’għandniex alternattiva pożittiva oħra salv li niddependu iktar fuqna nfusna.  Ħadd ma huwa ser jaqlagħna jekk aħna stess ma naqilgħux lilna nfusna.  Kull jum nara sforzi kbar isiru fix-xandir tagħna.  Kull ġurnata toħroġ il-gazzetta ‘In-Nazzjon’.  Kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetta ‘Il-Mument’.  Tul il-ġimgħa, il-ħin kollu għandek Netfm, ir-radju tal-partit u Net Television.  Magħhom għandek il-website, il-facebook u t-Twitter għaddejjin ukoll, il-ħin kollu.  Għandna bżonn inxerrdu dan.  Inħeġġu iktar bnedmin jixtru l-gazzetti u jsegwu dak li għaddej.  Nassiguraw li aktar jaqsmu l-aħbarijiet fuq il-mezzi soċjali tagħna.  Il-preżenza tagħna fuq dan tiddependi biex issir iktar kreattiva.

Onestà u umiltà

6.   Kif appellaw diversi politiċi qabli fiż-żmien, nappella għalhekk ċertament lilkom jien.  Nappella sabiex jibda sforz komuni biex inwasslu aħjar il-messaġġ tal-partit billi nirrepetuh ukoll.  Billi nassiguraw li jasal għand ferm iktar persuni milli qiegħed jasal illum.  Hemm bżonn sforz komuni.  Biex inkunu effettivi, kull ma rridu huwa li nassiguraw li l-messaġġ sempliċi u dirett tagħna jasal.  Ma hemmx bżonn kumplikazzjonijiet, imma fatti diretti.  Fatti li jispjegaw kemm l-Oppożizzjoni qegħda tagħmel dmirha.  Fatti li juru u jispjegaw dak li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, qiegħed jgħid.  Dak li qiegħed iwassal fil-messaġġ tiegħu ta’ tul il-ġimgħa.  Fuq dawn il-passi ta’ onestà u umiltà, wieħed jista’ jibni iktar.  Imma f’dan il-mument irridu naħdmu b’dak li għandna.  Bil-mezzi finanzjarji li huma għad-dispożizzjoni, imma ċertament bi kwantità ta’ bnedmin ta’ rieda tajba.  Nappella, umilment, għas-sostenn sħiħ tagħkom.







20.8.19

Steadfast Leadership.





A leader shows his true mettle in difficult circumstances. On the 10 August 1946 Alcide de Gasperi, as the Prime Minister of a defeated Italy was facing the victorious Allied Powers, who were offering a peace treaty ending the Second Great War. He, personally had no blame for a war of aggression declared, waged and lost by the Fascist regime. He had opposed the policies of that regime from within Italy, was imprisoned in 1926 and had to take shelter from the ensuing persecution, within the Vatican Libraries. In 1946 he was a Prime Minister of a Government formed by the anti-fascist parties: Communists, Socialists, Liberals, Republicans and his own Democrazia Christiana.

The country was still in turmoil. The infrastructure, as well as the industry was, by and large destroyed by military action, or blown up by the retreating Nazi armies. He was sustained by his Christian faith and by his courage, as well as by the long experience he had gathered, first as deputy in the Austro-Hungarian Parliament in Vienna before the first World War and then in Don Sturzo’s Partito Popolare in the Italian Parliament[1921-24].

He stood up to the Allies’ claim for territorial concessions beyond the ill-gotten acquisitions of the Fascist period; he resisted Communist claims in internal policy; he maintained his Cabinet’s neutrality on the Monarchy issue, even though personally a republican; he asked for and accepted United States assistance without succumbing to  pressures on the loss of Italian territory; he put Italy firmly in the Western Democratic camp.

His speech to the Peace Conference in August 1946 began with the word: When I rise to speak as the Prime Minister of defeated nation, I feel that everything and everyone of you, is against me, but for your personal individual courtesy. [Tutto e’ contro di me, tranne la vostra personale cortesia]

His courage and determination won the day; the Allies’ claims were contained, as the American and British Governments were convinced Italy should not be humiliated into embracing Communism. He also stemmed the onslaught of Communist and neo-Fascist propaganda, and in the first great test of the April 1948 General Elections his Democrazia Christiana succeeded in ensuring an overall majority of seats in the Chamber of Deputies. 

This victory notwithstanding De Gasperi asked the Social Democrats, the Liberals and the Republicans to join him in the formation of a number of coalition cabinets. The Communists sought to depict him as a Vatican puppet, the neo-fascists as a stooge of the United States. From 1945 to 1953 he was responsible for the guidance of his country in the signing of the Peace Treaty and in the formidable task of post-war reconstruction.

In the early years, after the Referendum which abolished the Monarchy, the Constituent Assembly elected in 1946, drafted, debated and passed the new democratic Constitution, which came into force on the 1st of January 1948.  The reconstruction of Italy involved not only the buildings, the bridges, the roads, the rail network, the factories and the housing estates, it also meant recreating the democratic attitude of the masses interrupted and in part corrupted by more than twenty years of fascism. More immediately and decidedly it also meant building a welfare state as well as an industrial democracy.

This statesman, who was the pivot of the conduct of a policy which aligned Italy with the democratic West and ensconced the country within the North Atlantic Treaty Alliance,  notwithstanding the opposition of the Italian Communist Party which was the largest and most influential outside the then Soviet Russia, was, however not very popular in the West. Even today, on the 65th anniversary of his demise , his great contribution to democracy, to European Unity, to the renewal of ‘Western values’ is still not really appreciated in Anglo-Saxon countries.

Yet  his courage and determination, his undoubted loyalty to principle, his humanity, as also his deft hand in political manoeuvre, shown in keeping ‘on board’ Communists, Socialists, Social Democrats, Liberals and Republicans and warding off undue pressures from non-democratic forces internally and externally,  probably laid the firm foundations of  the modern peace loving and democratic Repubblica Italiana, and his collaboration with his fellow Christian Democrats Konrad Adenauer, in Germany  and Robert Schuman, in France,  paved the way for a Union of democratic European nations.

The 10th August 1946 event is always worth remembering, because De Gasperi’s assumption of the burthen of representing a defeated and humiliated country and resuming friendly peaceful relations with the democracies, albeit with an onerous Peace Treaty, and taking the full responsibility for the whole general and radical reconstruction of his country, was an exemplary act of political courage.

One of his sayings stands to be repeated:un politico guarda alle prossime elezioni, uno statista alle future generazioni. He died on the 19 th. August 1954.


MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...