29.1.19

Bniedma umli u intelliġenti.




1.     Tul il-festi tal-Milied, ġiet imsejħa lura għand il-Ħallieq tagħna bniedma mill-iktar umli u intelliġenti.  Fis-26 ta’ Diċembru 2018, ftit jiem il-bogħod minn qaddis martri Ingliż Thomas Becket, mietet Sister Wendy Beckett (1930-2018).  Bniedma li ħajjitha riedet tqattagħha maqtugħa mid-dinja titlob f’monasteru u li sabet ruħha parti minn proċess li ċertament qatt ma mmaġinat li għandha s-sejħa għalih.

2.     Fit-triq għall-vokazzjoni tagħha, bdiet il-ħajja reliġjuża mas-sorijiet ta’ Notre Dame.  Ordni li mhix mogħtija għat-talb u riflessjoni bħall-oħrajn, imma għandha mpenn soċjali qawwi.  Ħasset, f’din it-triq, li ma kenitx proprju s-sejħa tagħha.  Hija tgħid: “When I asked if I could have a little extra time for private prayer I was told: “if you’ve got spare time, you can go out into the playground and pick up the children’s waste paper.  You’ve got all the prayer you need: half an hour in the morning and half an hour in the evening.  A good sister of Notre Dame doesn’t need more prayer.”

3.     Wara numru ta’ snin ma felħitx aktar u sabet ruħha mill-Afrika t’Isfel ġo l-Ingilterra.  Miġbura mas-sorijiet tal-Karmelu, segwaċi ta’ Santa Tereża ta’ Avila fil-monasteru ta’ Quidenham.  Hemm kellha ħin kemm riedet biex titlob, maqtugħa b’ferħ mid-dinja.  Intilfet hemm taqleb f’seba’ volumi mit-test Latin miktub fil-Medjuevu ta’ Ġwanni tal-monasteru Ċisterzjan ta’ Ford: “Sermons on the final Verses of the Song of Songs”.  Sforz li għajjiha tant li mardet.

4.     Kien proprju għalhekk li bdiet, wara li talbet permess, tistudja l-Arti.  Ftit wara sabet ruħha tidher fi programm fuq il-BBC titkellem fuq dan.  Min raha, tant impressjona ruħu li mill-ewwel riedha tidħol għal serje sħiħa ta’ programmi.  Minn hemm bdiet “karriera” titkellem, tiddeskrivi, tagħżel u tispjega opri kbar tal-arti b’apparenti sempliċità, dak li akkademiċi oħra ma kienux kapaċi jagħmlu.  Hi, li riedet tingħalaq, min Ħalaqha riedha toħroġ, u hekk għamlet.  Isimha huwa magħruf f’din id-dinja u  l-ewwel ħsieb għal diversi qiegħed hawn.

5.     Għandha ħafna kotba fuq suġġetti varji fl-arti, imma għandha wieħed partikolari li huwa differenti.  Nikteb dan l-artikolu proprju għalhekk.  Niktbu għax ninnota li mhux magħruf.  Il-librett huwa intitolat “Sister Wendy on Prayer”.  Huwa wieħed qasir, imma mill-isbaħ.  Ngħid dan għax nammetti li għalkemm qrajt diversi kotba fuq dan is-suġġett li jolqtuk u jimmarkawk, dan sibtu iktar dirett.

6.       Ferm iktar ċar.  Miktub b’pinna faċli, mexxejja, f’kapitoli żgħar, li f’kull wieħed trid, mingħajr ma taf, tieqaf taħseb u tirrifletti.  Mhuwiex wieħed tekniku.  Anqas ma għandu mudell riġidu.  Imma huwa mimli b’pariri ċkejknin.  Dawk li jingħatawlek mingħajr ma tagħraf li jkunu qed jingħatawlek.  Biex jgħinu lil min irid jgħix ħajja aħjar.  Anzi, min irid jifhem aħjar il-ħajja li ngħixu, bil-kumplikazzjonijiet kbar tagħha.

7.       F’parti msejħa “Prayer will never get in the Way” (paġna 21), hija tgħid dan: “You can be quite certain that your desire to pray will never interfere with your obligations.  It cannot.  Your responsibilities are part of you and it is this real, burdened, perhaps even over-burdened person, whom God loves and in whom he believes.  The temptation always is to think that religion means we must be different, unencumbered by the world.  This is not so.  Look at the life of Jesus.  He lived in a quarrelsome, demanding, hostile world and accepted all of it as the world His Father would redeem.”

8.       Din il-bniedma mill-iktar fraġli, f’ħajjitha ħalliet warajha kitba mill-iktar mimlija pedamenti sodi.  Kitba li sservi ta’ boxxla, speċjalment għal dawk li jsibu ruħhom fil-maltempati tal-ħajja.  Jew dawk li jibdew jaraw id-dinja tinbidel b’mod li jibdew iħossu li ma jagħrfuhiex aktar.  Hija kitba li tagħtik żiffa friska ta’ għerf.  Waħda li nissuġġerilkom li taqraw intom ukoll.



Inċertezza qawwija




1.    Għalkemm jista’ jkun li l-aħbarijiet qegħdin jikkonfermaw dak li għaddej, hemm analiżi politika li mhux neċessarjament qed issir.  L-eventi li seħħew fir-Renju Unit fil-bidu ta’ din is-sena kkonfermaw diversi punti.  Ikkonfermaw li l-Gvern ta’ Teresa May ma kellux maġġoranza biex jgħaddi l-ftehim propost mal-Unjoni Ewropea.  Ikkonfermaw ukoll li ma hemmx alternattiva għall-Gvern Konservattiv, u anke jekk il-membri tiegħu ma jaqblux mal-proposti, xorta jaqblu li m’għandux ikun hemm elezzjoni ġenerali.  Ikkonfermaw li hemm kriżi kostituzzjonali u politika li qatt ma rajna bħalha qabel.

Instabilità

2.    Wara li l-Gvern fir-Renju Unit tilef il-vot b’mitejn u tletin vot, editorjal f’’The Economist’ iddeskriva dan bħala “The Mother of all Messes”.  Messaġġ ċar u dirett għal dak li hemm għaddej.  Għax huwa ċar li l-pajjiż daħal fi sqaq.  Iddur fejn iddur, kollox huwa wieqaf.  Ir-Renju Unit ma jridx dak li ġie lilu offrut f’negozjati.  Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea mhix lesta tibdel dak li offriet.  Bil-kumplikazzjoni li l-partit li qiegħed iżomm il-Gvern ta’ minoranza f’postu ġej mill-Irlanda ta’ Fuq u mhuwiex jaqbel li jidħlu mill-ġdid il-fruntieri.

Ma ħassejniex?

3.      F’dan ix-xenarju, l-impass huwa kbir.  Il-futur ta’ dawn ir-relazzjonijiet huwa iktar diffiċli.  Imma, bir-rispett, dan kien diġà qiegħed jidher.  Mhux issa, imma xhur ilu.  Kien diġà ċar li l-Gvern ta’ May kellu, u għad għandu, problemi kbar.  Rajna diversi ministri jiċċaqilqu.  Rajna tibdil fil-pożizzjonijiet.  Kien ċar, għal ħafna, li l-effett kien ser ikun dak li qed naraw bħalissa.  Kien ċar li sija l-pajjiż, kif ukoll il-bqija, speċjalment dawk li jiddependu minnu b’xi mod, bħalna f’Malta, ilkoll sejrin f’impatti negattivi u kriżi ekonomika.

Ebda pjan

4.      Forsi straħ fuq il-kliem ta’ Teresa May, jew ried joqgħod jistenna sal-aħħar, imma r-realtà hija li l-Gvern ta’ pajjiżna ma kellux pjan veru għal dak li kien jidher li ser iseħħ.  Bħala Oppożizzjoni tlabna li dan jiġi diskuss, għax konna qegħdin nibżgħu minn dak li ġej.  Għidna wkoll li din hija pożizzjoni ta’ responsabbiltà u piż nazzjonali.  Offrejna l-assistenza, imma l-ħsieb tal-Gvern kien li dak li qegħdin fih ma kienx ser iseħħ.  Ma ħsibniex biżżejjed meta stajna.  Ċertament ma stajniex naħsbu f’kollox.  Imma r-realtà hija li għan-nuqqas tal-Gvern ser ibati l-pajjiż, jingħad x’jingħad fil-propaganda tal-aqwa żmien.

Għaġġla arroganti

5.      Wieħed proprju għalhekk jifhem għala l-Prim Ministru beża’ minn dan kollu, u malajr għadda għal konferenza tal-aħbarijiet.  Fehem li s-sitwazzjoni qegħda toħroġ minn idejna, u għalhekk ipprova jagħti “s-serħan il-moħħ”, bil-kliem apparenti.  Ipprova jibgħat il-messaġġ li l-Gvern qiegħed fil-kontroll, kif mhuwiex.  Għax min qiegħed fid-dinja jaf li dan mhuwiex minnu.  Diġà, ftit jiem ilu, f’laqgħa pubblika, diversi ċittadini tar-Renju Unit ma kienux proprju ferħanin b’dak li għaddej miż-żewġ naħat.  Ipprotestaw u waqqgħu għaż-żufjett il-preparazzjonijiet kbar tagħna.  Diġà wkoll, numru ta’ negozji qed iħossu l-impatt negattiv.

Superlattivi

6.      Ebda forma ta’ umiltà ma akkumpanjat din il-konferenza.  Ebda forma ta’ aċċettazzjoni tal-verità u realtà.  Anzi, smajna bis-soltu superlativi li pajjiżna jrid ikun “l-aktar pajjiż UK-friendly fl-Unjoni Ewropea”.  Kif qaluli fit-triq: indikazzjoni ċara ta’ amministrazzjoni li tilfet il-kontroll, u qed tgħix fid-dinja tal-kliem sbieħ tagħha.  Minn dak li rajt, u minn dak li qrajt huwa sempliċement ċar li xi ħadd, fl-aħħar, u verament fl-aħħar, fehem kemm hija gravi u serja l-pożizzjoni.  Fl-iskumdità, xi ħadd iddeċieda li hemm bżonn messaġġ medjatiku li jgħid il-kontra.  U hekk sar.  Biss, din il-konferenza stampa ma biddlitx ir-realtà.  Qegħda biss tikkumbatti biex tvarja l-perċezzjoni.

Ta’ malajr

7.      Kien ċar li kollox sar ta’ malajr.  Kien ċar li messaġġ ta’ din is-serjetà kien jitlob aktar attenzjoni.  Kien jitlob żgur il-preżenza tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin li, għax kollox sar malajr, nafu li kien imsiefer.  Kien ċar li l-miżuri li nġabru, saru bl-għaġġla.  Dan speċjalment fil-punti kumplikati u diffiċli.  Il-faċli hekk jibqgħu.  Għax bħala pajjiż għadna ma fhimniex x’inhuwa ġej għalina.  Għadna qegħdin naħirbu mir-realtà li l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi ser jinżel drastikament fir-ritmu.  Il-punt kruċjali huwa f’diversi marbut mal-veloċità.  L-iktar ċara, dik tan-negozju.  Fl-abbiltà li wieħed jixtri u jbigħ, l-ewwel; it-tieni, dak li jwettaq dan fl-iqsar żmien possibbli; u t-tielet, dak li jżommu għaddej mingħajr ma jitgħabba b’merkanzija, u għalhekk iġorr kapital wieqaf.  Vantaġġi li kellna u issa, mingħajr ebda pjan tal-Gvern, ser jintilfu.

Tort tan-negozju

8.      Skont l-istess konferenza stampa, anzi żżerżqet ħelu ħelu, li t-tort issa nxeħet fuq “xi negozji li ma ħasbux”.  Anqas titwemmen.  Dak li sejrin għalih mhuwiex tort tan-negozjanti li ma xtrawx ħafna, jew li suppost ma ppreparawx ruħhom, imma fil-metodu tal-komunikazzjoni.  L-impressjoni kostanti li l-Gvern ried jibgħat kienet li mhux ser ikun hemm pożizzjoni li fiha r-Renju Unit kien ser joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.  Mhux biss, imma li s-sitwazzjoni hija sempliċi u taħt ħafna kontroll, u xejn ma huwa ser iseħħ li ma nafux bih.  Mentri kien ċar li din hija pożizzjoni kkumplikata, u li trid ħafna ħsieb għax ser twaqqaf ħafna ritmi soċjali u ekonomiċi.  Ir-riżultat ġej li, fiċ-ċaħda tar-realtà, huwa issa, proprju fl-aħħar li ġie deċiż li minn nhar it-Tnejn li ġej ser ikun hemm “helpline”.  Wieħed li fih isiru l-mistoqsijiet.  Il-problema evidenti hija dwar xi tweġibiet jistgħu jingħataw.

Suppervja

9.      L-Oppożizzjoni offriet l-id tal-assistenza.  Ippruvajna, diversi drabi naslu, imma r-risposta kienet dik li m’għandhomx bżonn.  Niftakru li kien hemm min, mill-Gvern, li ta x’wieħed jifhem li anzi ser nieħdu gwadan mill-Brexit.  Ingħatajna l-impressjoni li ser ikollna serbut twil ta’ negozji li jiġu hawn minflok.  Ir-realtà żviluppat il-kontra.  Dan ma seħħx.  Mhux biss, imma kiber iktar l-għarfien fost dawk fin-negozju li aħna ma jaqblilniex li r-Renju Unit jiddgħajjef.  Mhuwiex fl-interess tar-rabtiet li żviluppajna li dawn jiġu fix-xejn, kif biċċa biċċa ser jirriduċu ruħhom.

Inpreparazzjoni

10.    Huwa ċar li m’aħniex preparati għal dak li ġej u l-Gvern ma fehemx is-sitwazzjoni.  Għamel żball ta’ ġudizzju qawwi li ser inbatuh.  Iktar u iktar fix-xenarju ta’ dak li ser iseħħ fis-sitt xhur li ġejjin.  Fuq naħa, ir-Renju Unit imwaħħal fl-impassi.  Fuq l-oħra, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-mewġa ta’ populiżmu anti-Unjoni.  Quddiem dan il-fatt, huwa ċar li hemm bżonn proposti ġodda.  Pajjiżna jrid jiċċaqlaq iktar, ferm iktar politikament milli qiegħed.  Għax huwa mill-iktar ċar li ma nistgħux inħallu l-probabilità ta’ Brexit mingħajr ftehim issir mingħajr ma nieħdu l-miżuri neċessarji.

Il-fatti, mhux paroli

11.    Jekk verament aħna rridu nkunu “most UK-friendly”, għax hekk ċertament jaqblilna, soċjalment u ekonomikament irridu niċċaqilqu.  M’għadux, f’dak li seħħ, iktar b’saħħtu l-argument li l-Unjoni Ewropea tieqaf tinnegozja mar-Renju Unit.  Nifhmu l-loġika, nifhmu l-prinċipju, imma hemm bżonn ta’ iktar minn dan.  Jekk ma jsirx ftehim fl-ewwel sitt xhur tas-sena, fit-tieni jista’ jkun li jkun iktar kumplikat jew negattiv għalina.  Proprju għalhekk li, ġara x’ġara, ir-realtà hija li wieħed irid jiffaċċja r-realtà u jidħol jinnegozja direttament fuq il-punti li nafu li huma l-iktar kruċjali.  Dan huwa li pajjiżna jrid jidħol għalih.  Għax għandna dmir li f’din il-“konfużjoni” politika preżenti, nagħmlu l-almu tagħna biex inġibu ċertezza akbar għall-jiem li ġejjin.

 



20.1.19

Velenu fis-Soċjetà




1.    Kont diġà qiegħed naħseb f’dan is-suġġett li mmiss miegħu kull ġurnata.  Kien diġà ġej u sejjer ġewwa fija meta sibt ruħi f’Agrigento, fi ħdan id-diversi tempji li hemm dedikati lil tant allat foloz mill-bidu tad-dinja Griega.  F’temp xitwi.  Fi sfond griż, li ma’ kull ħin kien qiegħed ikompli jiskura u jhedded xita qawwija, bdejt nara li r-ritratti li ġbidt kienu qed jidhru isbaħ mis-soltu.  Kif qbiżt dak li l-bnedmin, wara, sejħu “Tempju tal-Konkordja”, ġew quddiemi mill-ġdid ix-xeni li akkumpanjaw lill-filosofu Grieg Sokrate.  Il-bniedem tar-raġuni, tal-intelliġenza, li fittex il-verità u aċċetta li jixrob il-velenu fl-aħħar tal-proċess legali mill-iktar inġust.  Hu, li għamel il-ġid lid-dinja, għażel li joħroġ minnha permezz ta’ sustanza li tagħmel il-ħsara lill-bniedem.

2.    Il-velenu jagħmel il-ħsara.  Imma l-bniedem jużah.  Għandu użi varji għalih.  Dawk li jippruvaw jibdluh f’mediċina.  Dawk li jużawh biex iweġġgħu lill-oħrajn, biex jeqirdu lill-oħrajn.  Iżidu din is-sustanza li tagħmel il-ħsara ma’ dak li huwa tajjeb biex jidħku b’oħrajn.  Il-velenu jirket u jitħallat ma’ dak li s-soltu huwa tajjeb biex iweġġa’ u jelimina.  San Benedittu ta’ Norcia, li ta bidu għal triq qaddisa, għaraf dan huwa wkoll.  Direttament meta bnedmin f’Vicovara, li kienu qed jgħixu ħajja xejn tajba, ħalltu l-velenu mal-inbid.  Servewh biex huwa jixorbu u jmut.  Għamlu dan għax ma felħux il-kelma t-tajba u s-sejħa li kien qed jgħaddilhom biex jibdlu ħajjithom.  Billi kien ibierek u jrodd is-salib fuq dak li kien jiekol u jixrob, it-tazza nkisret.  Is-sewwa neħħa l-effett li l-velenu kien mibgħut biex iwettaq.

3.    Tema miġjuba iktar għad-dawl mill-ktieb ta’ Umberto Eco “Nel Nome della Rosa”.  Kif f’monasteru Benedittin, Franġiskan jilbes l-uniformi ta’ spettur kanoniku biex isib kif, u għaliex, tant reliġjużi kienu qed jinqatlu.  Fi sfond mill-isbaħ, u permezz ta’ pinna mill-aqwa, il-velenu jagħmel tiegħu.  Il-protagonista jidlet it-truf ta’ ktieb ta’ Aristotile dwar id-daħk bil-materjal li joqtol.  L-għerf, il-filosofija, il-letteratura, ir-reliġjon isiru ħaġa waħda.  Jaqbdlu linja preċiża.  Hemm ċara dik it-triq twila, li fiha hemm, però, l-imrar, il-gambetta tal-ħajja li l-velenu jirrappreżenta tant tajjeb.

4.    Il-Ħadd li għadda fakkarna l-mitt sena mit-tmiem tal-Gwerra l-Kbira.  Fil-11 ta’ Novembru 1918 waqfet dik il-mewġa umana, imma distruttriċi.  Dik li permezz tagħha diversi stati daħlu biex qerdu lil xulxin.  Ħafna mietu.  Sar tkissir u telf ekonomiku.  Ġew użati mezzi mill-iktar ħżiena, velenużi.  Gass magħruf bħala “tal-mustarda” u oħrajn kienu jintelqu fl-arja min-naħa għall-oħra tat-trunċieri.  Diversi mietu, f’xeni mfakkra fil-letteratura, fil-poeżija.  Kif telimina lill-oħrajn bl-użu ta’ materjal velenuż, anke jekk ma tafx min huma.  Forza ta’ distruzzjoni bla rażan.

5.    Ilbisna f’dawn il-jiem il-pepprina fuq il-pavru tagħna.  Din il-fjura li ntagħżlet biex tfakkarna f’dik il-gwerra.  Dik li kibret waqt il-gwerra stess, fejn il-velenu wkoll kien qiegħed jixxerred.  Fjura ħamranija mill-isbaħ.  Waħda li kull sena niftakruha minn meta konna tfal fl-iskejjel primarji, tinxtered u tinbiegħ.  X’simbolu qawwi!  Waħda li fiha nfisha hija rappreżentattiva ta’ dak li ġara.  Għax għalkemm dinjituża, hija stess kapaċi tinbidel u tkun fjura velenuża.

6.    Il-velenu ma telaqx minn magħna ma’ tmiem dik il-gwerra.  Għadu magħna llum.  Illum, l-istrumenti prinċipali għat-tixrid tiegħu jaqa’ f’idejn il-kelma, il-medja, il-gazzetti, id-diskorsi pubbliċi li jxerrdu dellijiet li m’għandhomx.  Fid-duwaliżmu li kontinwament insibu l-velenu fih, il-linja ta’ ġustifikazzjoni titlaq minn jekk hux qed tingħad il-verità jew le.  Anzi, fl-iskuża li qed issir parteċipazzjoni għas-servizz tal-verità, tinħareġ anti-verità fil-velenu soċjali li jniġġes. Velenu li jweġġa’ u jħammeġ lil dawk li jsibu ruħhom l-oġġetti, is-suġġetti passivi ta’ min irid jagħmlilhom il-ħsara waqt li jidher li qed jgħid il-verità.

7.    Proċess li jweġġa’, iferi u jniġġes.  Min huwa s-suġġett tal-attakk jinxeħet f’kantuniera li fiha ma jistax jiċċaqlaq.  Anzi, li jagħraf li iktar ma jipprova jmur naħa jew oħra, iktar ser jitniġġes.  Irid jieqaf ilaqqat ġewwa fih.  Iħares lejn l-istorja u jiftakar f’karattri bħal Ġob fit-Testment l-Antik.  Jissubixxi, kif mitlub mingħandu, mingħajr ma jirreaġixxi.  Mingħajr ma jservi lura lil dawk li jrid iwieġeb, imma fl-istess ħin ma jridx jinżel fl-istess livell li bih ġiebu ruħhom miegħu.

8.    Il-bniedem jista’, f’dan, jitqiegħed għall-prova.  Jista’ wkoll jgħaddi li rebaħ lilu nnifsu.  Imma l-verità hija li l-velenu fis-soċjetà jweġġa’ u diffiċli biex teħles mill-effett tiegħu.  L-injezzjoni li ieħed ilaqqat tidħol fih.  Tidħol fiċ-ċirkolazzjoni umana tiegħu.  Anke jekk ikun qawwi, anki jekk ikun mimli għerf u preparazzjoni, jibqa’ bniedem.  Irid jibqa’ jġorr, kull ġurnata fuq dahru, ġewwa fih, il-velenu li ngħadlu.  Irid jgħaddi ż-żmien.  Iridu jinbidlu sew, b’atti tajba, iċ-ċirkostanzi biex wieħed inaqqas minn dik id-doża.

9.    Il-velenu fis-soċjetà llum huwa qawwi ħafna.  Għandna ħafna feruti.  Għandna ħafna jippruvaw ifejqu lilhom infushom, waħedhom.  Għandna diversi li għandhom bżonn l-għajnuna, kura.  Għandna iktar bnedmin li jagħrfu li, fl-aħħar mill-aħħar, fl-isforzi tagħhom iridu jħossu li qed jirfsu lura f’dak il-Tempju tal-Konkordja.  Forsi ma nagħrfux din ir-realtà, imma hemm qegħda.  Dmirna bħala Nsara, bħala dawk li jridu jkunu strumenti għas-sewwa huwa li nagħrfu dan, u naħdmu sabiex innaqqsu l-velenu u nnaddfu ħidmietu.




Il-Kondizzjoni Umana




1.     Hawn żviluppi li għaddejjin fil-ħajja ta’ kuljum li jitolbu attenzjoni.  Jitolbu li ma jiġux injorati proprju għax jolqtu ħajjiet il-bnedmin.  Għamilna dawn il-festi tal-Milied b’sitwazzjoni barra mis-soltu.  Numru ta’ bnedmin li qed jitilqu minn pajjiżhom, jissugraw ħajjithom fuq dgħajjes xejn sodi fil-baħar Mediterran, sabu ruħhom f’pożizzjoni iktar iebsa.  Tmur fejn tmur, il-kliem kien marbut ma’ kif numru ta’ bastimenti ġabruhom u daħlu għall-irdoss f’pajjiżna minn baħar dejjem iktar imqalleb.

European Nations of Goodwill

2.     Il-President tar-Repubblika, il-Ħamis, lill-Korp Diplomatiku kellmitu ċar dwar dan.  Stqarret dak li naqblu miegħu: li l-Ewropa qegħda titlef id-dimensjoni soċjali u minflok qed torbot lilha nfisha iktar ma’ dik ekonomika.  Mhux biss, imma saħqet li ma kellux ikun il-każ li numru ta’ familji, nisa u tfal jitħallew daqshekk fit-tul fil-perikolu.  Meta niġu f’pożizzjoni, bħala poplu, li naraw dak li seħħ u nintmissux, inkunu qed nitilfu biċċa importanti minn dak li aħna.  Ir-regoli tal-liġi huma neċessarji biex nifhmu, imma dawn iridu jitħaddmu mhux biss b’ġustizzja, imma wkoll bi ħniena.

Dak li seħħ

3.     Ċertament, dan mhuwiex suġġett faċli.  Mhux biss, imma nistgħu niddiskutu fit-tul u ngħidu li din mhix problema ta’ pajjiżna biss, imma hija waħda Ewropea.  Imma meta s-sitwazzjoni tkun f’ħoġorna, irridu nassiguraw li ma nintilfux f’wisq pożizzjonijiet riġidi.  Irridu naċċettaw li ssograjna bil-ħajja tal-oħrajn biex nasserixxu punt politiku.  L-agħar f’dan hu li hemm min iċapċap, mhux tant għax dawn il-povri finalment ġew milqugħa u salvati, imma għax għandna nagħlqu l-bibien tas-solidarjetà.  L-agħar f’dan hu li meta tmur lejn l-estrem, tispiċċa mingħajr ma trid fuq l-istess pożizzjonijiet ta’ partiti tal-lemin estrem.

Dak li qed iseħħ

4.     F’dan, huwa iktar ċar li qed ikun hemm konfużjoni f’moħħ il-poplu.  Illum għandna ferm u ferm iktar persuni li nġiebu f’dawn il-gżejjer biex jaħdmu.  Uħud regolarizzati, diversi oħra le.  Uħud għandhom kundizzjonijiet tajba.  Uħud, li ngħid li qegħdin jiżdiedu, m’għandhomx din is-sitwazzjoni u qed ibatu sew.  Din il-pożizzjoni qed tiżviluppa sew.  Hawn miżerja miżjuda ta’ dawk li nġiebu, jew ġew hawn, u mhumiex qed jgħixu fi djar u fil-minimu tad-dinjità umana.  Qed nisimgħu b’abbużi u b’aġir xejn tajjeb.  Kirjiet, pagi, ħlasijiet qawwija u kuntratti li ma konniex smajna bihom qabel.

Mingħajr kontroll

5.     L-immigranti irregolari huwa llum f’minoranza qawwija, imma jieħu fuqu l-kritika ta’ wħud għax jiġi mħallat ma’ oħrajn.  L-agħar f’dan hu li ma kienx hemm distinzjoni ekonomika.  Għax ir-realtà l-bogħod mill-aljenazzjoni ta’ kuljum hija li hawn ferm iktar bnedmin li qegħdin ibatu.  Qed ibatu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  Ibatu fil-kundizzjonijiet soċjali tagħhom.  Pagi li mhumiex adegwati, li mhumiex tajba biex il-bniedem ilaħħaq mal-ħajja.  L-għoli tal-ħajja żdied sew, u l-poplu qiegħed iħossu fil-but tiegħu.

Il-kirjiet f’pajjiżna

6.     Ħadd, f’dan, ma jista’ jiċħad li l-kirjiet f’pajjiżna żdiedu b’mod qawwi.  Qed imissu proprju ma’ dan dawk li huma l-iktar f’diffikultà ekonomika.  Il-paga mhix isservi, anki meta l-koppji jaħdmu t-tnejn, aħseb u ara għal dawk li jkunu waħedhom.  Hemm realtà ta’ bnedmin li qed iħossuhom mhedda fil-kundizzjoni soċjali tagħhom.  Bnedmin li jagħrfu li jistgħu jiġu f’pożizzjoni fejn ma jkollhomx fejn jgħixu.  Bnedmin li qed jinkwetaw għall-futur ta’ wliedhom.  Li qed iħossu li daħlu f’ċirku vizzjuż, fejn it-tama li jimxu ‘l quddiem qegħda tintilef.

Aljenazzjoni

7.     Dan jinkwetana iktar.  Għal żewġ raġunijiet prinċipali.  L-ewwel: għax b’dak li għaddej fid-dinja ser naraw żieda fil-prezzijiet, u ser nidħġlyu għal kriżijiet ekonomiċi ġodda.l  It-tieni: għax flok qed niddiskutu dak li l-bnedmin f’pajjiżna qed iħossu, irridu nitkellmu fuq ħwejjeġ oħra.  Nifhmu li l-Gvern għandu interess qawwi li dawn il-problemi soċjali ma jidhrux.  Għandu interess jibgħat il-messaġġ barra li kollox huwa sew, u li l-problema hija f’ħoġorna.  Nifhmu li għandu saħħa medjatika qawwija ferm iktar minn tagħna, imma dan ma jibdilx il-verità u r-realtà.

Xorta niġu għaliha

8.     Anki jekk dan huwa mument partikolari fil-politika, xorta, għada pitgħada, il-Gvern irid jiffaċċja din ir-realtà li ġieb huwa stess.  Il-kundizzjoni umana llum hija gravi għal dawk li huma minn taħt.  Din ma tinbidilx bil-propaganda, anqas mat-trapass taż-żmien.  Anzi, kif nafu tajjeb, ser tibqa’ tiżdied.  Ser jibqa’ jkollha żieda fil-bnedmin li jsofru.  Ser jibqa’ jkollna iktar minn dawk li mhux ser ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.  F’dan għandha tkun prijorità nazzjonali li dan jiġi mistħarreġ tajjeb u li jinbnew miżuri biex din il-miżerja tieqaf.






L-iskarsizza tal-Art u tal-Bini għall-Kiri u x-Xiri




1.     Meta fis-snin sittin tas-seklu li għadda, fl-Afrika, nazzjon wara nazzjon bdiet tieħu l-indipendenza, xi bojod li kienu marru ‘jikkolonizzaw’ f’dak il-kontinent, beżgħu jibqgħu joqogħdu taħt it-tmexxija tal-politiċi ġodda nativi tal-post.  Allura, bdew jitilqu u jfittxu pajjiżi fl-Ewropa.  Kienu draw bi klima sħuna, jew ‘fietla’, u xi wħud minn dawn l-ex-settlers ma ridux imorru lura lejn il-pajjiżi tax-xita u ċ-ċpar, u għalhekk ġew Malta.

2.     Malta kien hawn il-Gvern Nazzjonalista ta’ Borg Olivier, li kienu jafdaw bħala serju, demokratiku u moderat.  Bdew jixtru l-propjetà u jħallsu biex jinbnewlhom il-vilel.  Allura kellna dak li baqa’ jissemma’ bħala ‘l-boom’.  Daħlu gliegel ta’ flus fil-pajjiż.  Min kellu l-propjetà mar tajjeb, xi kuntratturi gawdew.  Anki l-qagħad tbaxxa, għaliex il-kuntratturi ħaddmu bennejja, kaħħala, manwali.  Xi periti wkoll gawdew, kif anki xi nutara u avukati, u l-iktar xi estate agents.

3.     Kien hawn xi wħud li bdew jirrepetu l-frażi bl-Ingliż: “We never had it so good”.  Ġara, madanakollu, li l-prezzijiet tal-bini, kemm għax-xiri, kif ukoll għall-kiri, għolew m’għola s-sema.  Għalkemm kien hawn liġi tal-kera stretta, u bniedem li jikrulu bl-għoli seta’, dak iż-żmien, jirrikorri għand il-Bord tal-Kera, li jiffissa l-kera xieraq, b’danakollu, billi kien hawn l-iskarsizza, is-sidien ma kinux jikru, iżda jagħtu b’ċens għal sbatax-il sena, u dan ma kienx ikkontrollat.  Iż-żgħażagħ li xtaqu jiżżewġu, il-miżżewġin li jinfirdu, u dawk li għal xi raġuni riedu jikru xi mkien ieħor, kienu jsibu ma’ wiċċhom diffikultà kbira u prezzijiet li ma jifilħux.

4.     Il-Moviment ta’ Kana, immexxi minn Dun Charles Vella, beda kampanja ta’ protesta kontra dan l-istat ta’ fatt, u l-istess għamlu xi studenti tal-Università.  Il-Knisja, immexxija mill-Arċisqof Gonzi, bniet blokk bini fil-Blata l-Bajda u l-Gvern ukoll iċċaqlaq u beda jibni wkoll.  Dan il-bini tal-Knisja u tal-Istat beda jtaffi xio ftit il-problema.  Xorta, però, il-prezz tal-propjetà għal min ried jibni post għalih baqa’ għoli, u n-numru ta’ appartamenti għall-kiri skars u limitat.  Meta xi wħud, fil-Partit Nazzjonalista, kienu jwissu li bil-‘boom’ b’kollox il-Gvern kien qiegħed jitlef l-appoġġ, kien ikun hemm min jirrispondi li meta jkun hawn il-ġid ma jintilfux elezzjonijiet.  Anzi, xi oħrajn kienu jgħidu: “Kif jista’ Borg Olivier jitlef l-elezzjoni, wara li kien kiseb l-Indipendenza ta’ pajjiżna?”.

5.     Ir-realtà kienet li l-‘boom’ kien ta’ benefiċċju kbir għal xi wħud u ta’ benefiċċju żgħir għal oħrajn, u ta’ l-ebda benefiċċju għal kotra kbira.  Tant li, fl-elezzjoni tal-1971, il-Partit tilef, anzi ħa tkaxkira.  Kienet lezzjoni.  Il-‘boom’, flok serva biex kattar il-vpoti tal-Partit fil-gvern, tellfu l-appoġġ.  Għaliex min ma gawdiex u ra lil min gawda, ivvota kontra bi protesta.

6.     Bħalissa, ħafna Laburisti jsemmu s-surplus.  Ħafna Laburisti oħrajn qed jaraw li min igawdi minn dan is-surplus, u jħossu li huma mhux biss ma għandhom xejn minn dan is-surplus, iżda qed jaraw il-ħajja togħla.  U qed jogħlew il-kirjiet.  U qed jiskarsa l-bini għall-kiri u għax-xiri.  Il-barranin għonja li qed jitħajru jiġu fostna (għall-passaport jew għal raġunijiet oħra, forsi agħar minn hekk) qegħdin jgħollu l-prezzijiet, u b’hekk huma kuntenti ħafna b’ċerti propjetarji.  Qiegħed jikber l-iżbilanċ.  Min jaħdem qrib in-nies jaf ukoll bit-tbatija ta’ xi wħud: ħaddiema jew pensjonanti.  Kellimhom, jekk toħroġ qatra minn għonqhom, speċjalment meta jasal biex jagħlaq iż-żmien tal-kera jew taċ-ċens.

7.     Din tal-għoli tad-djar għall-kiri mhix problema ta’ pajjiżna biss.  F’Ottubru li għadda, il-ġurnal Franċiż Le Monde ippubblika studju bit-titolu: Le logement cher, un mal européen (Il-kirjiet għolja, marda Ewropea).  Jagħmel paragun bejn l-infiq medju li wieħed ikollu jagħmel għad-dar fejn joqgħod, u kemm mill-paga jew qligħ ieħor imur, bħala perċentwali, għall-alloġġ, fid-diversi pajjiżi tal-Ewropa.  Kważi kullimkien, il-problema qed tagħfas.  Fi Franza, ir-rabja għall-għoli tal-ħajja, u mhux lanqas għall-prezzijiet esaġerati għal-logement, splodiet f’ħafna dimostrazzjonijiet li saru fil-bliet importanti tal-pajjiż kollu, u li ntwerew fuq it-televiżjoni kullimkien.  Il-popolarità kbira li kien igawdi l-President Macron, f’daqqa waħda bdiet nieżla ‘l isfel sewwa.

8.     Lezzjonijiet passati u preżenti, li bħala Partit Nazzjonalista qed nifhmu u nieħdu.





Partit Popolari Taljan. Luigi Sturzo.






1.    Ftit jiem ilu, fortunatament fakkarna l-mitt sena mit-twaqqif ta’ ħidmet Don Luigi Sturzo.  Fit-18 ta’ Jannar 1919, fl-appell magħruf “A Tutti gli uomini Liberi e Forti”, twaqqaf l-ewwel partit demokristjan fl-Italja, magħruf bħala l-‘Partit Popolari’ Taljan.  Minn dak il-mument, bdiet storja ta’ ħidma politika distinta.  Waħda li tappella għall-bnedmin kollha fis-soċjetà, ġejjin minn liema klassi soċjali ġejjin.  Waħda bażata fuq linja “Cristiano-sociale”, separata u distinta mil-liberaliżmu u s-soċjaliżmu.

Viżjoni ċara

2.    F’dinja fejn hawn movimenti politiċi li jitwieldu l-bieraħ u jridu jmexxu llum, ħidmet l-Insara fil-politika tibqa’ dawl ċert.  Tibqa’ direzzjoni ċara.  Waħda bażata fuq azzjoni konkreta fi ħdan id-demokrazija.  Waħda li ġiet mibnija pass pass bl-esperjenza li nġabret fil-ħajja demokratika.  Il-kontribut ta’ bnedmin li huma Nsara titlob rispett.  Titlob, anzi, li tingħata l-importanza u r-rilevanza tagħha fis-soċjetà llum ukoll.

Min ikerrah

3.    Hemm min jipprova jkerrah ħidmet id-demokratiku-Nisrani.  Ħafna drabi minn bnedmin influwenzati minn kitbet awturi li f’pajjiżhom m’għandhomx l-esperjenza pożittiva tad-demokrazija Kristjana.  Persuni li jitilqu mill-preġudizzju li ladarba nbeda kollox minn saċerdot Kattoliku, allura huwa żbaljat u mhux politikament rilevanti.  Proċess li, sfortunatament, il-Partit Konservattiv Ingliż ġabar ruħu fih.  Partit li baqa’ marbut mal-passat.  Baqa’ jemmen fit-tradizzjoni bħala l-mudell ta’ soċjetà.  Forma mentis li, kif qed naraw, qed isservi bħala xkiel għall-għarfien tal-isfidi fis-soċjetà.

Influwenza kbira

4.    L-Ewropa tal-lum hija frott il-ħidma tad-Demokrazija Kristjana.  Il-vantaġġ Ewropew kien proprju dak li bena l-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu fuq il-prinċipji etiċi Nsara.  Proprju għalhekk li hemm kostituzzjonijiet sodi f’diversi Stati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-bnedmin li jgħixu u jinsabu fuq dik l-art.  Proprju għalhekk li l-bniedem ingħata iktar importanza fil-ħajja soċjali u f’dik fid-dinja tax-xogħol.  Il-progress soċjali li seħħ.  L-għarfien ċar tal-bżonn li wieħed jibni soċjetà altruwista li tipprattika s-solidarjetà b’mod dirett u personalista.

Reżistenza storika u erojka

5.    Fl-isfond ta’ partiti magħquda, naturalment fl-Ewropa u fid-dinja, fuq dawn il-prinċipji l-istorja tgħallem.  Turi li quddiem dak li kien qiegħed jiġi esportat mill-imperjaliżmu Sovjetiku kien hemm linja politika li żammet sod.  Quddiem il-materjaliżmu storiku, quddiem iċ-ċentralizzazzjoni tal-poter, affermat il-kontra.  Għal snin twal, dawn il-partiti kienu dawk li żammew ir-reżistenza kontra t-tkasbir tal-bniedem u l-politika nnifisha.  Kienu huma li ma beżgħux, u li fl-aħħar tal-ġurnata raw it-tmiem ta’ sistema dittatorjali mingħajr ma nxtered id-demm ta’ gwerra oħra.

Gratitudni kbira


6.    Illum għandna nagħrfu li għandu jkollna gratitudni kbira lejn dawn il-bnedmin.  Lejn dawk li ma ħarsux lejn il-politika bħala forza ta’ dominazzjoni, imma waħda ta’ servizz.  Waħda li għandha tkun mhux forza ta’ oppressjoni, imma għodda biex kull bniedem jikber u jiżviluppa t-talenti u l-abbiltajiet tiegħu.  Don Luigi Sturzo nnifsu bena partit b’linja ċara, proprju għax ma kienx sempliċement kunċett sabiħ fl-arja, imma miġbur fi programm politiku.  It-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika, li diversi Papiet fis-sekli kkontribwew għalih, kien huwa li beda t-triq biex jimplimentah legalment għall-benefiċċju tal-bniedem.

Sofra għall-ideat tiegħu

7.    Għandu jiġi mfakkar bħala l-bniedem li kellu viżjoni li biddlet id-dinja politika Ewropea u mondjali.  Għandu jiġi mfakkar ukoll għal dak li sofra minħabba l-ideat tiegħu.  Dan is-saċerdot, li jinsab midfun f’art viċin tagħna, f’Caltagirone fi Sqallija, ġie ppersegwitat, eżiljat u umiljat.  Il-Faxxiżmu, proprju dik il-linja politika fallimentari, anti-umana u anti-demokratika, kissret dak kollu li kien qiegħed jinbena.  Sturzo sofra mill-pajjiż li ħabb, kif ukoll minn uħud fil-Knisja li ħabb iktar.  Kellu jgħaddi minn taħt bnedmin oħra fil-Knisja Kattolika li kellhom l-illużjoni li huma l-lemin u l-lemin-estrem li jħarsu l-interessi tagħha.  Żball mill-ikbar, li l-istorja għallmitna imma jrid ikompli jiġi ripetut.

Deċentralizzazzjoni tal-poter

8.    Id-Demokrazija Kristjana kienet, għadha, u tibqa’ forza politika ta’ tiġdid, ta’ progress soċjali, ta’ bidliet li jagħtu ġieħ lill-bniedem.  Is-soċjetà tagħna taċċetta dak li għandha mingħajr ma tistaqsi kif dan ġie fis-seħħ.  Taħdem f’demokrazija, fejn l-ordni tal-ġurnata hija bażata fuq il-bżonn li l-poter ma jkunx konċentrat fi ftit idejn.  Id-deċentralizzazzjoni tal-poter welldet il-kunsilli lokali, welldet diversi istituzzjonijiet demokratiċi oħra.  Għax il-fiduċja tal-bniedem trid tiġi affermata.  Il-parteċipazzjoni attiva u effettiva tiegħu trid mhux biss tingħad, imma tiġi implimentata.

Forza alternattiva

9.    F’sitwazzjoni politika fejn qed naraw kwantità ta’ movimenti msejħa ‘populisti’, li twieldu l-bieraħ u jitbielu għada, hemm bżonn ta’ iktar direzzjoni politika ċara.  Nagħrfu f’dan li hawn kriżi ta’ identità politika f’diversi partiti li servew lill-poplu tagħhom.  Biss, dan m’għandux iżommna milli nifhmu li dak li twieled mitt sena ilu għadu rilevanti għas-soċjetà tal-lum.  Nifhmu u naħdmu lura fl-għeruq tagħna.  Ngħid, anzi, huwa iktar rilevanti f’dinja li proprju għax triq toqtol ir-ruħ u l-kuxjenza li mexxewha tajjeb, trid linja politika bażata fuq prinċipji sodi.  Fil-konfużjoni politika ta’ ħaddieħor, din il-linja politika hija forza ta’ alternattiva.  Proprju għall-populiżmi varji, it-tweġiba hija iktar il-populariżmu.  Proprju f’soċjetà fejn qed tikber id-diżugwaljanza ekonomika u soċjali, hija għodda essenzjali għalina.  Waħda li rridu nkomplu nħaddnu u nħaddmu.



12.1.19

Kriżi Finanzjarja oħra?




1.    Bdiet sena oħra.  Dawk li għaddew ma kienux faċli għalina.  Mimlija b’eżamijiet, provi u sfidi.  Daqqa qbiżnihom u għaddejna, u hemm daqqiet li le.  Imma fil-baħar qegħdin, bħala pajjiż sħiħ naqdfu fid-direzzjonijiet tagħna.  Anki jekk forsi ma nindunawx, imma rridu u qegħdin nissieltu kontra dak li qed iseħħ fid-dinja.  Tul dawn l-aħħar xhur, u minn dak li l-Ministru tal-Finanzi stess iqis, għal dawk li ġejjin l-ilmijiet, imqallba ser ikunu.  Hemm irwiefen, forsi li qed jeżerċitaw ruħhom fuqna.  Xorta, il-ħajja hija kif tgħixha, kif taħdem fiha, kif tassigura li tirrispetta l-bniedem, kif taħdem biex tipproteġih u tagħtih dinjità.

Katsushika Hokusai

2.    Waqt l-aħħar jiem tas-sena li għaddiet, sibtni naqra mill-ġdid ħidmet il-Ġappuniż Katsushika Hokusai (1760-1849).  Il-biċċa tiegħu magħrufa bħala “The Great Wave off Kanagawa” ġibitni nirrifletti fuq dak li għaddejna u sejrin lejh.  Fl-isfond blu skur hemm mewġa qawwija, kbira iktar mis-soltu, li tidher li trid tibla l-bnedmin li qed jaqdfu f’daqqa sejrin lejn triqithom.  F’kuntrast bejn żewġ xeni.  Fuq naħa l-kumbattiment tal-ħajja.  Fuq l-oħra l-paċi tal-Muntanja Fuji hija u taqleb mix-xitwa lejn ir-rebbiegħa.

Determinazzjoni

3.    Dak li għal uħud jista’ f’din ix-xena jidher bħala tmiem, inutilità, impossibilità għall-poplu ta’ dak il-pajjiż iħares lejha, proprju l-kontra sinjal ta’ kuraġġ u perseveranza.  Determinazzjoni li hija mwielda fil-bniedem mhux neċessarjament koltivata minn kull wieħed biex jikkumbatti n-natura u jibqa’ għaddej fejn għandu.  Dak l-element essenzjali li żamm lil dan il-pajjiż għaddej fis-sekli tiegħu.  Iktar ma jkunu qawwija l-avversitajiet, iktar jissoda u jbaskat lil dawk ta’ rieda tajba.  Ma’ kull qadfa ‘l quddiem jimxi, anke jekk ma jidhirx.  Ma’ kull forza koordinata, id-dgħajsa li tmexxih tavvanza.  Huwa u sejjer lura f’daru.  Lura f’dgħajsa (Oshiokuri-Bune) li tifilħu, mibnija apposta għal dan it-temp u kundizzjonijiet marittimi, tħaffef ‘il quddiem.

Realiżmu

4.    Katsushika Hokusai huwa hekk huwa stess.  Din l-istampa li nxtrat u daret id-dinja hija frott il-perseveranza ta’ dan il-bniedem.  Minn meta kien żgħir kien imħarreġ u kellu karriera maqsuma fi tnejn.  Din hija parti mit-tieni.  Dik li kellu jidħol lura għaliha wara li neputi jingħad li berbaqlu kull ma kien qala’ fl-ewwel.  Hija ħidma matura.  Waħda li tqegħdu sforz l-influwenzi varji li assorba f’ħajtu fl-aħjar.  Mhux biss, imma fl-għarfien li jista’ jibqa’ jkun aħjar milli kien qabel.  Kitbietu juru li xtaq iktar ħajja biex jitjieb iktar f’ħidmietu.

Maturità

5.    Lezzjonijiet mill-esperjenzi tal-oħrajn għall-ħajja tagħna.  Tagħlimiet li għandna nieħdu.  Dan għax tul din is-sena wieħed jista’ jipprevedi li ser nibdew ngħaddu minn provi ekonomiċi xejn faċli.  Ġustament, il-Ministru tal-Finanzi, l-Onor. Edward Scicluna, fl-aħħar tas-sena ħass li għandu jiftħilna għajnejna fuq dan.  F’artikolu loġiku u mill-iktar ċar, bit-titolu li jitkellem waħdu “Resqin lejn Kriżi Finanzjarja Internazzjonali oħra?” jiddiskuti dan.  Għax il-gwerer kummerċjali li qegħdin sejrin għalihom ser iħallu effett ekonomiku fuqna wkoll.

Baħar imqalleb

6.    F’dan l-artikolu jissemma’ dak li din il-gazzetta tkellmet dwaru, u f’din il-linja hija wkoll b’attenzjoni.  Il-miżuri li qed jittieħdu mill-Istati Uniti tal-Amerika taħt l-amministrazzjoni tal-Presidenza Trump, ir-reazzjoni ċara taċ-Ċina tal-President Xi Jinping, kif ukoll il-kriżi tar-Renju Unit huma elementi li ma nistgħux ninjoraw.  Hija ħaġa tajba li l-Ministru tal-Finanzi qiegħed jaffronta din il-pożizzjoni.  Huwa jgħid b’kawtela li din, għalkemm tista’ tidher ‘il bogħod “jista’ jħalli effett fuq dak li jkun qed jiġri ġewwa pajjiżna”.  Ir-realtà, però, hija li dan huwa baħar imqalleb li Katsushika Hokusai juri tant tajjeb.

Naffrontawha

7.    Dak li seħħ fl-2008 niftakruh.  Ma hemmx dubju li l-għaqal tal-Banek tagħna kien fattur determinanti biex issuperajna diffikultajiet kbar.  Imma dan kien akkumpanjat mill-għaqal politiku tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.  Il-Ministru dan ma jirrikonoxxihx.  Bal ma anqas jaċċetta li dik il-kriżi ġiet fuqna mingħajr ma stajna nippreveduha bħal sajjetta, mentri din qed narawha tiżviluppa quddiemna.  Proprju għalhekk li ser nerġgħu niġu quddiem sfidi ekonomiċi ġodda li rridu nagħrfu fejn sejrin.  Sfidi li għalihom ngħid li mhux ser ikunu biżżejjed, l-ewwel, ir-regoli, direttivi, liġijiet ġodda li ġew dawk iż-żmien introdotti, u ma nafx kemm ġodda.  Hemm bżonn ferm iktar.

Naqdfu flimkien

8.      F’ebda mument ma jista’ l-Gvern preżenti jgħid li l-Oppożizzjoni m’għamlitx il-parti tagħha tul dawn ix-xhur.  Il-parti tagħha biex tkun spalla, u fl-istess ħin biex tgħin biex wieħed jidentifika l-awqa miżuri li għandna nieħdu.  Dak li ġej għalina mhuwiex faċli.  Ser jolqotna b’xi mod.  Irridu però nkunu preparati sew għalih.  Dan jitlob li jkun hemm attenzjoni, studji u rapporti li jgħinu, jekk isiru minn issa.  Jekk, kif qed jidher, għandna l-vantaġġ li qed naraw li sejrin lejn Kriżi Finanzjarja oħra, ejja nkunu preparati għaliha.
     

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...