22.1.18

Suppervja u traskuraġni?




1.     Meta s-sħab iswed jibda jitla’ u jinġabar, missirijietna kienu jidħlu għall-irdoss. Ma kinux jistennew li jinqabdu barra fl-għelieqi biex jaffrontaw elementi ferm iktar b’saħħithom u qawwija minnhom.  Għax hemm eventi fil-ħajja li tista’ tikkontrolla, u diversi oħra li ma tistax.  Proprju għalhekk li huwa, ħafna drabi għaqli, speċjalment fil-kamp politiku, li tagħraf il-mument meta dan ikun qiegħed iseħħ.



The Gathering Storm?



2.     Fil-mument preħenti, il-Gvern mhuwiex jifhem u jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex jidħol għall-kenn minn dak li beda jiġma’ kontra tiegħu.  Hemm, fil-kamp Ewropew u internazzjonali, dak li Winston Churchill kien iddeskriva bħala “The Gathering Storm”, li qiegħed jikber, biċċa biċċa, kontra tagħna.  Kontra dan il-pajjiż u l-poplu.  Effetti negattivi li ġejjin fuqna, minħabba dak li ilu jiġi traskurat.  F’dawk il-passi li kellhom jiġu meħuda mill-Istat li baqgħu ma ġewx implimentati, u dawn qed jixħtu dell ikrah fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna.



Azzjoni effettiva?



3.     Fil-ħajja hemm min kien jagħti parir li wieħed għandu jħalli f’idejn iż-żmien biex itaffi jew isolvi ċerti problemi.  Biss, minkejja li hemm eċċezzjonijiet fejn dan jista’ jseħħ, il-maġġoranza tal-każijiet jitolbu azzjoni effettiva u immedjata.  Proprju f’dan il-kuntest għandu jingħad li l-Gvern, wara dak li ilu jseħħ fl-aħħar snin, għadu ma jridx jaċċetta li għandu bżonn jidħol għal numru ta’ emendi legali u miżuri biex dak li ġie mdgħajjef jiġu ssudat lura.



Lill-Prim Ministri bħalu biss ikellem?



4.     Meta tara li fil-Parlament Ewropew hemm membri u kumitati li jsemmu, u mhumiex proprju jfaħħru lil pajjiżna, wieħed ma jistax jinjorahom.  Wisq u wisq inqas ma għandu jinsulentahom.  Il-kliem tal-Prim Ministru lejn is-sinjura, u deputata, Ana Maria Gomes ma kellhom qatt jingħadu.  L-ewwel, għax ma jixraqx li jingħdu minn ħadd, wisq inqas minn min għandu fuqu r-responsabbiltà ta’ dawn il-gżejjer.  It-tieni, għax kienu wisq ikkargati fix-xejn u barra minn lokhom.  M’għandekx tgħid lil delegazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni li ġew għalxejn, u wara tiddikjara li tkellem biss Prim Ministri għax l-oħrajn huma taħtek.



Kult tal-personalità?



5.     Din l-attitudni tmiss sew mal-arroganza li ebda politiku m’għandu jidħol fiha, wisq u wisq inqas Prim Ministru ta’ pajjiż.  Hemm min qiegħed jargumenta li dan jindika iktar li hemm min qiegħed iqabbad, biċċa biċċa, il-kult tal-personalità li diversi minna jiftakru sew meta l-Unjoni Sovjetika kienet fl-aqwa tagħha.  Nafu f’dan ilkoll li hemm linji, mhux ħoxnin ħafna, li jieħdu mexxej minn triq id-demokrazija għal dik li mhix.  Iktar u iktar f’dan il-kuntest meta l-pajjiż mhuwiex qiegħed jirreaġixxi, kif il-proċedura korretta titlob, għall-kritika li qegħda ssirlu.



Ser nibqgħu niżlin?



6.     Proprju minħabba dan it-tnikkir u għarfien ta’ dak li għandu jsir, tul din il-ġimgħa ħadna daqqa ta’ ħarta ikbar.  Ir-rapport li ħareġ minn Freedom House, li tqis l-istat tad-demokrazija u protezzjoni tal-libertajiet u drittijiet fundamentali tal-bniedem, inżilna mis-sbatax-il post (17) għal sittax oħra ‘l isfel, u issa ġejna fit-tlieta u tletin (33) post.  Pożizzjoni xejn kumplimentuża, u żgur li mhix parti mill-wegħda tal-awqa żminijiet li smajna tant dwarhom ftit xhur ilu.  Inżilna, u dan ser ikompli jeffettwa l-immaġini u r-reputazzjoni li diġà qed indabbru.



Ħtija u responsabbiltà?



7.     Il-ħtija u l-piż tar-responsabbiltà qegħda fuq il-Gvern.  Ma jistax ikompli jipprova jixħet id-dell fuq min m’għandux tort, imma jrid jaċċetta l-fatti u jimxi ‘l quddiem minnhom.  Kif diġà jaf il-poplu, l-Oppożizzjoni qegħda, il-ħin kollu tappella: l-ewwel, sabiex jittieħdu l-passi li jissudawna lura fid-demokrazija; it-tieni, qed tistieden lill-Gvern sabiex ma jibqax jissuppervja u jaċċetta li jkun hemm front komuni.  Dak li għaddejna, u għadna għaddejjin minnu, jitlob li jsir malajr fl-interess nazzjonali.



Tnikkir?



8.     Iktar ma l-Gvern jitnikker, iktar sejrin inkomplu nbatu.  Fl-aħħar tal-ġurnata, dawn il-biċċiet li ilhom iqattru, ser jaqbdu iktar magħna.  Il-pajjż ma jixraqlux dan.  Mhix dinjità tiegħu li titħalla hekk.  Fi ftit iktar xhur ser immissu l-qiegħ.  Mhux biss, imma ser ikun ferm iktar diffiċli biex wieħed isewwi dak li qiegħed jiċċarrat.  L-appell tagħna huwa lejn il-bidla t-tajba, għax l-esperjenza passata tgħallimna li iktar ma tikber is-suppervja u t-titkattar it-traskuraġni, aktar ser ikun iebes ix-xogħol.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...