17.1.18

Il-messaġġ Irid Jasal.






1.          F’dan il-Partit, mill-istorja tiegħu, ftit kienu l-mumenti meta ma kienx hemm politiċi li kellhom ideat tajba.  L-esperjenza turi li l-mexxejja tagħna ma waqfux iħarsu ‘l quddiem.  Ma konnix il-partit li jrid jippreserva u jwaqqaf il-proċess soċjali u ekonomiku.  Biss, wisq inqas ma konna dawk li lesti nżarmaw, jew inkissru, dak li jkun qiegħed jaħdem.  Ippruvajna ntejbu, nagħmlu aqwa dak li għandna, mingħajr ma noħonquh.



2.          Imma lkoll għandna nirrealizzaw li, fil-politika, il-ħsieb mhuwiex biżżejjed.  Irid jingħad u jinqasam fil-pubbliku, kif ukoll miegħu.  L-ideat tajba tista’ żżommhom f’moħħok, però jekk inti fis-servizz tal-oħrajn, tagħmel tajjeb li tgħidhom.  Anzi, huwa d-dmir tiegħek, f’isem it-trasparenza u l-akkontabilità li twettaq dan, u regolarment.



3.          Ftit jiem ilu fakkarna l-anniversarju mill-mewt ta’ Norberto Bobbio, li miet fid-9 ta’ Jannar 2004.  Mistoqsi x’jaħseb li hija d-demokrazija, it-tweġiba tiegħu kienet li l-element essenzjali jibqa’, f’kull sistema, li d-deċiżjonijiet jittieħdu bil-parteċipazzjoni ta’ kemm jista’ jkun persuni.  Meta dawn ikunu meħuda minn wieħed għall-oħrajn, jew minn ftit, il-pożizzjoni tinbidel.



4.          F’dan, il-Partit Nazzjonalista kellu, għal żmien twil, gazzetti biex jikkomunika.  Għal żmien kienu l-uniku mezz veru li kellu biex isemma’ leħnu.  Biex jinforma lill-oħrajn bl-ideat tiegħu, jaqblu miegħu jew le.  Punti ta’ kjarezza u, fl-istess ħin, ta’ preżenza politika b’saħħitha.  Però, mhux dejjem ħa ħsieb jagħtihom l-importanza li għandu, u li ħaqqhom.



5.          Jekk inħarsu lura lejn dawn l-aħħar snin irridu nammettu li dħalna fil-proċess li bih, jekk għandek tikteb artiklu tajjeb trid tagħmlu f’gazzetti oħra, mhux tal-Partit.  Mhux biss.  Dħalna fil-kultura li l-kredibilità tal-aħbar tonqos jekk toħroġ fil-mezzi tal-komunikazzjoni tagħna, jew aħjar, li tiġi emmnuta jekk tidher f’mezzi oħra.  Fuq dan irridu naċċettaw li, quddiem din il-pożizzjoni, il-Partit Laburista m’aċċettax dan l-istat ta’ fatt, ħadem u rnexxielu jirbħu.



6.          Quddiem dan, tul dawn l-aħħar snin, minkejja li kellna għad-dispożizzjoni tagħna mezzi varji, irridu nirreġistraw li bqajna fl-istess livelli li konna.  Il-persentaġġi tal-udjenza ma żdidux; anqas il-bejgħ tal-gazzetti tagħna.  F’dan hemm il-kuntrast li minkejja lli kellna messaġġi ta’ sustanza, xorta m’għamilniex kampanji tajba sabiex inżiduhom.



7.          Bqajna kif għadna preżentement, niddependu fuq l-oħrajn.  Mhux biss, imma rridu naċċettaw li qed, iktar u iktar naħdmu f’ambjent politiku fejn il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista hija maħnuqa, għax dawn il-mezzi l-oħra huma maħkuma direttament, jew indirettament, mill-vuċi u dominanza tal-Gvern.  Minn dir-realtà, minn din il-verità ma nistgħux naħirbu.  Nistgħu biss nirreaġixxu għaliha.



8.          Jekk irridu nkunu vuċi lura fis-soċjetà li hija waħda li tibda tinstema’ l-ewwel, u wara, skont dak li jingħad tingħata fiduċja u kredibilità, irridu nibdew mill-ġdid.  Mill-ġdid, fis-sempliċità li naslu mal-poplu billi iktar persuni jisimgħu dak li ngħidu fuq il-mezzi tagħna, u iktar jixtru regolarment il-gazzetti tagħna.



9.          Ma hemmx dubju li f’dan, kien pass tajjeb li ġie maħtur Pierre Portelli, bniedem li għandu esperjenza soda, sabiex imexxi dawn il-mezzi u jieħu fuqu r-responsabbiltà ta’ dan.  Però ma jistax ikun waħdu.  Mhux ser jirnexxilu jasal fejn kapaċi jwassal il-messaġġ tal-Partit jekk ma jsibx u koll l-għajnuna tagħna, li nipparteċipaw attivament u politikament f’dan il-Partit Nazzjonalista.



10.      Huwa ċar li l-messaġġ tagħna jrid jasal.  Huwa daqshekk ieħor ċar li, biex dan jasal, irridu nisimgħu iktar il-mezzi tagħna u nixtru u nqassmu l-gazzetti tagħna.  Nappella biex iktar persuni ta’ rieda tajba jingħaqdu f’dan.  Hekk biss nistgħu niġu kunsidrati lura bħala rilevanti għall-poplu.  Hekk niksbu kredibilità, fiduċja u kunsens fl-ideat tajba li nħaddnu.  Hekk nifhmu li l-ħajja politika tal-Partit tiddependi proprju  minn dan.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...