5.1.18

Mitt sena mir-Rivoluzzjoni


 
1.         Tul din is-sena, id-dinja mmarkat il-mitt sena mir-rivoluzzjoni komunista ġewwa r-Russja.  Saru diskorsi u nkitbu opinjonijiet dwar dan.  Diversi marru lura fl-istorja.  Ottubru 1917 biddel l-istorja ta’ dak il-pajjiż u ta’ diversi oħra fid-dinja.  Sakemm waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin, u miegħu t-tmiem ta’ reġimi komunisti varji, it-tagħlim ta’ Karl Marx u Vladimir Lenin kienu għadhom kunsidrati alternattivi għad-demokrazija.  Illum nafu b’dak li seħħ u kemm is-sistema falliet.  Nafu kemm kien hemm tbatija għal popli varji.  Diversi ġew ippersegwitati, maqtula u miżmuma f’kampijiet tal-konċentrament li Aleksandr Solzhenitsyn, b’mod partikolari fil-ktieb “One day in the life of Ivan Denisovich” jispjega tant tajjeb.

2.         Ktieb li, jinqara’ minn min jinqara’, jimmarkah.  Ngħid li jibqa’ rilevanti u għandu jkun parti mill-forma edukattiva tagħna.  Ir-Russi kitbu u ddeskrivew x’ġarrbu direttament, imma l-Knisja Kattolika kkumbattiet il-ħsieb li l-marxiżmu-leniniżmu ġieb miegħu.  Għax irid jingħad li waqt li llum id-dinja fakkret dan l-anniversarju, fil-Knisja kien hemm min reġa’ mar lura għal numru ta’ enċikliċi li papiet differenti kienu ħarġu.  B’mod partikolari dik ta’ Papa Piju XI “Divini Redemptoris”.  Dokument li jibqa’ wieħed uniku u li ħareġ għad-dawl tad-dinja f’Marzu 1937, jum il-festa ta’ San Ġużepp.

3.         Uniku wkoll għax għalkemm il-ħsara tal-komuniżmu kienet diġà ssemmiet, id-dinja kienet, f’dak il-mument qed tara t-tifrix qawwi u allarmanti tiegħu.  Fil-mument li nkitbet ir-Russja, l-Messiku kien immexxi minn gvernijiet komunisti u l-gwerra ċivili Spanjola kienet fl-aqwa tagħha.  Fejn kien qed jiġi reġistrat, l-ewwel, li l-isqfijiet u saċerdoti ġew imkeċċija u kundannati jaħdmu fil-minjieri, kif ukoll li diversi qatluhom.  It-tieni, Kattoliċi li kienu qed jiddefendu r-reliġjon ġew ippersegwitati, proċessati fil-qrati u mibgħuta fil-ħabsijiet.  Fuq kollox ġie reġistrat li kien hemm gwerra diretta kontra r-reliġjon, dik li ġiet mill-komuniżmu msejħa “l-oppju tal-poplu”.  Kif jingħad fil-bidunett ta’ din l-enċiklika: “Huwa l-komuniżmu Bolxevist, il-komuniżmu ateju li għandhom l-għan preċiż u dirett li jaqta’ l-ordni soċjali mill-għeruq u jkisser il-pedamenti taċ-ċiviltà Nisranija”.  Kien proprju dan il-Bolxeviżmu li ħakem ix-xenarju li, kif nafu, kellu l-għamla ta’ komuniżmu b’politika rivoluzzjonarja u intransiġenti li ħakem wara l-qawma tal-komuniżmu Sovjetiku.

4.         Kitbet il-Papa Piju XI f’din l-enċiklika Divini Redemptoris, fit-tieni kapitolu nsibu spjegazzjoni qasira tad-duttrina u l-frott tal-komuniżmu.  Għal dawk bħali li kellhom il-ħin jaqraw kitbet uħud minn dawk li kienu jikkunsidraw ruħhom dixxendenti, ħbieb jew kollaboraturi ta’ Karl Marx, bħal Friedrich Engels, Lev Trotskij, Rosa Luxemburg jew Mao Tse Tung, il-linja meħuda hija inkredibbilment interessanti.  Hemm tifsira ċara, diretta, qasira u fl-istess ħin ma tabbandunax li l-vuċi tagħha tkun nieqsa mill-imħabba, l-ħniena u l-ġustizzja.  Fil-fatt, hemm ukoll distinzjoni ċara bejn kitbet Marx u ħidmet il-Bolxevisti.  B’mod partikolari l-fatt li huma kienu jikkunsidraw ruħhom bħala li huma l-uniċi interpreti validi tal-kunċetti mħaddma minn Marx f’dak li huwa magħruf bħala l-proċess materjalista storiku u djalettiku.

5.         Hemm ċar, fi ftit sentenzi qosra, numru ta’ punti li jibqgħu validi mhux biss fil-konfront tal-komuniżmu, imma wkoll tat-teoriji u ideoloġiji materjalisti kollha.  Għax kif ġie spjegat, il-komuniżmu jneħħi lill-bniedem il-libertà li fuqha jiddependi l-livell tal-kondotta morali u hekk ineħħi d-dinjità umana.  Għax il-komunisti jaraw il-persuna umana bħala parti żgħira mill-mekkaniżmu universali fejn id-drittijiet naturali ta’ kull persuna jiġu miċħuda u meħuda mill-Istat.  Hemm spjegat ċar ukoll fl-attakk lejn iż-żwieġ, il-familja u l-edukazzjoni tal-ulied.  Ma’ dan hemm ukoll li l-komuniżmu neħħa u biddel ta’ taħt fuq ir-raġuni vera, l-oriġini u n-natura u l-iskop tal-Istat.

6.         Anke jekk illum, wara dawn is-snin u wara li l-komuniżmu naqqas ferm mill-importanza tiegħu, meta jaqraha mill-ġdid isib li ddur fejn iddur fiha, din l-enċiklika wieħed isib li baqgħet rilevanti.  Hemm żewġ partijiet li laqtuni ferm iktar fir-rilevanza tagħhom fil-mument storiku li qed ngħixu fih.  L-ewwel: l-analiżi ta’ x’kien wassal għat-tixrid tal-komuniżmu; u t-tieni, f’dan x’ħidma għandha ssir mill-istampa Kattolika.  Dwar l-ewwel punt hemm dawn l-erba’ raġunijiet: l-ewwel, il-wegħdi fiergħa li jsiru dwar kemm il-ħajja ser tinbidel għall-aħjar taħt din is-sistema politika; it-tieni, li l-ekonomija liberali mħaddma mingħajr bilanċi soċjali ndirizzata biss lejn il-profitt u l-gwadann ta’ uħud; it-tielet, l-użu makakk u mifrux minn magna propagandista mill-iktar effiċjenti; ir-raba’, is-silenzju tal-gazzetti mhux Kattoliċi dwar dak li kien qiegħed verament iseħħ.

7.         Punti li jibqgħu ċwievet biex wieħed jifhem kif ġewwa soċjetà li għandha ħafna vantaġġi, xorta hemm defiċit fil-valuri tal-verità, l-onestà, il-ġustizzja u l-ħniena.  Dan tant Piju XI kien konxju tiegħu, li fil-paragrafi 57 u 58 tal-istess enċiklika jara li l-metodu t-tajjeb biex wieħed jikkumbatti huwa li l-istampa Kattolika għandha tagħmel ferm aktar.  Jibda bis-segwenti: l-ewwel li xxerred aktar id-duttrina soċjali tal-Knisja b’mezzi u strumenti aqwa; it-tieni, li għandha tagħti informazzjoni sħiħa u preċiża tal-attivitajiet ta’ dawk li huma kontra l-Knisja biex ikun hemm għarfien korrett ta’ dak li jkunu qed iwettqu; u t-tielet, li għandha tagħti pariri siewja dwar kif wieħed jista’ jikkumbatti l-ingann li l-komuniżmu kien qiegħed ixerred.  Messaġġ li, fil-verità, huwa wieħed fil-ġenerazzjonijiet sabiex iktar bnedmin ta’ rieda tajba jieħdu sehem sabiex il-valuri Nsara tagħna, id-duttrina soċjali tal-Knisja, jiġu kontinwament imxerrda.  Messaġġ li ċert li din il-gazzetta wettqet u għadha sallum qed tkompi twettaq.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...