1. Ma kinitx niżlet verament tajjeb mal-poplu
l-iskema preżenti li permezz tagħha ċ-ċittadinanza Maltija u Ewropea tingħata
lill-bnedmin li kapaċi jixtruha. Ħafna,
ta’ opinjonijiet politiċi differenti ħassew li dan m’għandux ikun. Kif ukoll li huwa żball li parti importanti
mill-identità nazzjonali tagħna tintrema b’dan il-mod. Għaddejna minnu dak l-ewwel żmien ta’ din
l-amministrazzjoni Laburista. Fl-aħħar kien
hemm min waqaf biex ma jimponix l-opinjoni tiegħu. Waqaf fl-oġġezzjoni biex jara ż-żmien x’parir
jagħtina.
Għas-sinjuri nett
2. L-iskema, kif il-figuri juru, daħlu
għaliha diversi madwar id-dinja. Ġew
imħallsa l-flus u daħlu l-miljuni.
Mill-Parlament ħarġet il-figura ta’ madwar 363 miljun ewro. Magħhom, f’intervista fuq l-aħbarijiet
nazzjonali ħarġu iktar figuri, inkluż li kien hemm madwar elf u mitejn persuna
li applikaw u saru ċittadini ta’ pajjiżna.
Ħarġu kemm kien hemm ħlasijiet li saru.
Kemm propjetajiet inxtraw u b’kemm huwa l-ħlas tal-kera fix-xahar. L-ammonti huma kbar ħafna, ma hemmx dubju, u
jlaħħqu magħhom is-sinjuri nett.
Effetti negattivi
3. Biss, kif nafu, il-flus mhux kollox. Din l-iskema ġiebet magħha tlett effetti
verament negattivi. L-ewwel: l-iskema
hija mimlija b’wisq sigrieti. Ħadd ma
jaf sewwasew min qiegħed isir ċittadin.
Ftit skrutinju pubbliku qiegħed isir sabiex ikun hemm verifika
tal-kwalità, tar-reputazzjoni, tal-onestà u l-integrità tagħhom. Hemm anzi, provi indiretti li ħafna minn dawk
li daħlu għażlu dan għax ma jistgħux jieħdu t-triq tad-dawl tax-xemx. It-tieni: huwa ċar li l-prezzijiet
tal-propjetajiet f’pajjiżna żdiedu tant li m’għadux iktar possibbli
għall-Maltin li jixtru, speċjalment il-koppji żgħażagħ li jridu jibdew familja. It-tielet: huwa iktar evidenti li l-kirjiet
żdiedu huma wkoll b’mod qawwi proprju minħabba din l-iskema.
Id-dell tal-korruzzjoni
4. Mhux biss, imma aktar gravi minn dan huwa
l-fatt li din l-iskema qegħda tintrabat man-nuqqas ta’ trasparenza, ta’
korrettezza u diversi każijiet ta’ korruzzjoni li rajna fl-aħħar snin. Il-bnedmin fuq dan il-gżejjer huma mgħarrfin
dwar dan kollu. Jafu li anke jekk
għandna ħafna flus fl-ekonomija, u s-setturi varji mexjin ‘il quddiem, hemm
wisq każijiet fejn, biex ngħidu l-inqas, il-pożizzjoni hi li mhumiex
jikkonvinċu. Fit-toroq u fil-gazzetti,
b’mod partikolari, kważi kull ġimgħa, għal dawn l-aħħar ħames snin sibna
każijiet li fihom qrajna dettalji ta’ kif saru l-kuntratti, li juru b’mod ċar
li għaddew flejjes li ma kellhomx jgħaddu.
Passi jridu jittieħdu
5. Wisq huma l-okkażjonijiet li fihom
issemmejna, ukoll internazzjonalment.
B’dan kollu, pajjiżna qiegħed jitlef mir-reputazzjoni tajba li
kellu. Qiegħed imur lura, għax issa qed
insibu ruħna marbuta ma’ atti żbaljati u komportament politiku li m’għandux
isir. Qed ninxeħtu f’dell ikrah, li jekk
ma nieħdux passi politiċi immedjati biex inwieġbu għalihom ser inkunu qed
nitilfu bil-kbir. Ser, anzi, niġu
f’pożizzjoni fejn, nagħmlu x’nagħmlu, ma nkunux nistgħu nqumu mid-daqqa. Passi jridu jittieħdu, u jridu jkunu konkreti,
mhux bażati biss fuq id-diskors immirat lejn udjenza lokali u partiġġjana.
Din il-ġimgħa parlamentari
6. Id-dibattitu fil-Parlament Ewropew din
il-ġimgħa kompla żied iktar id-doża tal-fatt li hemm barra il-pożizzjoni hija
li, ġewwa pajjiżna, l-affarijiet mhux sejrin kif għandhom. Id-diskorsi varji li saru ma kienu, f’ebda
mument ħitan ta’ kenn għalina. Ħadd ma
seta’ jiddefendi dak li ma jistax jiġi difiż.
Anke l-Ministru, li kellu l-piż xejn faċli li jitkellem, sab lilu nnifsu
bbumbardjat u deher skomdu ħafna.
Is-sitwazzjoni sejra verament għall-agħar, u niżlin dejjem iktar ‘l
isfel fl-immaġini u fl-istima li ma bqajniex iktar ingawdu.
Insulti bla sens
7. L-agħar f’kollox huwa li dawn il-Membri
Parlamentari Ewropej, li ġew fostna leġittimament proprju għax aħna membri
tal-Unjoni Ewropea, sabu ruħhom trattati xejn tajjeb. Flok intlaqgħu u saru l-ispjegazzjonijiet
korretti ġew, il-kontra, insulentati.
L-attakki, anke, ma baqgħux marbuta mal-argumenti politiċi u, iktar minn
dan, saru personali. Il-fatt li
s-Sinjura Ana Gomes, li mexxiet kollox b’kuraġġ u determinazzjoni, hija fuq
kollox Membru Parlamentari fil-Grupp Soċjalista tiftaħ ferm iktar
l-għajnejn. Żgur mhux forsi, dawn huma
kwistjonijiet inutile u reklam ħażin ħafna għalina lkoll.
Ikkalma s-sitwazzjoni
8. Inutili, għax nistgħu naħirbu kompletament
minnhom. Ma kienx hemm bżonn
konfrontazzjoni, imma doża qawwija ta’ sens komun. Min qiegħed imexxi lil dan il-pajjiż kellu, u
ngħid għadu, fil-ħin li jifhem li għandu jiċċaqlaq biex jikkalma
s-sitwazzjoni. Nafu li fl-Ewropa,
ladarba jibdew, ma jiqfux. Dan ifisser
iktar u iktar mumenti koroh għalina lkoll.
F’dan ix-xenarju huwa tajjeb li jibdew jittieħdu miżuri biex dak li seħħ
jibda jiġi korrett. Wasal għalhekk
il-mument li, quddiem dan kollu, il-Gvern jikkunsidra serjament li jwaqqaf
kompletament l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza għas-sinjuri nett tad-dinja, u
jibda jaħseb lura fil-proletarjat Malti.