28.5.17

Wasal il-mument tal-bidla




1.     Wasalna issa fl-aħħar ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali u qsajra.  Waħda li ħasdet lill-elettorat, u fl-istess waqt irnexxielha, għal darb’oħra, taqsmu.  Kollox reġa’ mar lura fuq il-personali.  Fuq naħa dawk li jemmnu lill-Prim Ministru, fuq l-oħra dawk li le.  Fuq naħa dawk li jfaħħru l-kwalitajiet ta’ mexxej u jmaqdru tal-ieħor, u l-kontra.  Bejn it-tibdil fit-temperatura u bejn il-klima politika sibt persuni mbaqbqin sew fuq dak li qed jiġri.  Ħafna, però, sfortunatament sibthom iridu jirraġunaw u jifhmu x’qiegħed sewwasew jiġri fost diskors dispreġjattiv, akkużi u ġirja sħiħa għall-voti.



Moviment li spiċċa



2.     Ix-xenarju partikolari ta’ dan l-appuntament elettorali jitlaq mill-punt li dan huwa fil-verità referendum favur  jew kontra dak li sar mill-Prim Ministru preżenti f’din il-leġislatura.  Huwa wieħed li qiegħed ikejjel jekk kemm-il darba d-dikjarazzjonijiet sbieħ u wegħdiet li kienu saru minnu f’isem il-Moviment li waqqaf seħħewx jew le.  Huwa wkoll wieħed li qiegħed jara jekk kemm-il darba l-Partit Laburista li huwa mexxa tħalliex ħaj fl-ideali politiċi tiegħu, jew inbidilx f’dak li ma jintagħrafx.  F’dan partikolarment fuq il-kwistjoni tal-onestà u l-imġieba korretta f’affarijiet tal-Istat.  Proprju għalhekk li l-aġenda elettorali bdiet u baqgħet marbuta mal-korruzzjoni.



Klijenteliżmu



3.     Dan iktar u iktar għax dak li għaddej preżentement kompla kkonferma f’moħħ parti mill-elettorat li bil-klijenteliżmu u l-korruzzjoni telqet u baqgħet għaddejja din il-leġislatura.  Ħafna, li fl-integrità tagħhom sostnew fl-elezzjoni ġenerali passata lill-Moviment, illum qed jiddispjaċihom.  Żgur mhux forsi li dan il-Moviment politiku, li nbena għall-elezzjoni ġenerali tal-2013, spiċċa kompletament.  Diversi telqu minnu.  Diversi oħra ħassew li għandhom jirreġistraw pubblikament in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ dak li huwa għaddej.  Ħafna oħra huma, fil-kwiet ta’ darhom, determinati li nhar is-Sibt li ġej imorru jivvutaw kontra dak kollu li raw għaddej f’dawn l-aħħar erba’ snin.



Mument determinanti



4.     F’dan rajt diversi persuni li qed jagħrfu sewwasew dak li huwa għaddej.  Għarfu li din l-amministrazzjoni, li hija bla prinċipji u bla valuri nsara, qabdet toroq żbaljati u ħadet kwantità kbira ta’ deċiżjonijiet politiċi żbaljati.  L-iktar waħda serja u perikoluża għall-paċi u l-istabilità tagħna li tiddeċiedi li tmur għall-kampanja elettorali biex tipprova ssolvi problema interna.  Waħda li minnha, ħafna qed ġustament jagħrfu li dan l-appuntament elettorali huwa determinanti għall-ħajja u l-futur tagħhom.  Persuni li qed jifhmu li l-post tax-xogħol tagħhom huwa mhedded proprju b’dak li jista’ jseħħ jekk il-pajjiż, flok jibdel, jibqa’ għaddej fl-istess triq.



Theddida għall-ħajja privata



5.     Rajt ukoll li r-rapport tal-poplu mad-diversi surveys li kienu u baqgħu jsiru nbidel kompletament.  L-ewwel, ħafna qed jarawhom bħala theddida għall-ħajja privata tagħhom.  Għax tant dan il-Gvern ġieb lura l-biża’ li jista’ jiġrilek xi ħaġa jekk tgħid x’taħseb, li ħafna wieġbu l-kontra ta’ dak li jaħsbu jew ħarbu kemm felħu mid-domandi.  It-tieni, anzi ħafna wkoll iddeċidew jaqilbu l-pożizzjoni u bagħtu, intenzjonalment, messaġġi żbaljati sabiex il-Gvern, li huwa magħruf li mexa fuq is-surveys, jieħu falza stikka.  Dan ġieb b’aktar attenzjoni għal min isegwi l-politika, li l-poplu tilef ħafna mill-fiduċja tiegħu f’dak li huwa għaddej u ma kienx lest jipparteċipa f’għoda li huwa issa qed jaraha bħala theddida.



Għażliet ċari



6.       F’dan kollu, però, missejt ma’ diversi li fehmu li dan huwa appuntament elettorali determinanti għal ħajjitna lkoll.  L-għażliet quddiemna huma ċari f’għajnejn persuni ta’ rieda tajba.  Hemm il-prospett li l-pajjiż jibqa’ jitmexxa b’dan il-mod żbaljat, inkella l-alternattiva li jkollu jinbidel.  Hemm il-programmi elettorali li ġew pubblikati miż-żewġ naħat.  Dak tal-Forza Nazzjonali huwa mimli daqs bajda b’ideat, proposti u hemm viżjoni ċara lejn il-futur.  Iktar u iktar, il-pajjiż apprezza ferm iktar li kull ġurnata kien hemm numru ta’ proposti li ġew imressqa ‘l quddiem.  Diversi setgħu jikkonċentraw u jifhmu dak li qiegħed jingħad.



Fit-tarf tal-kredibilità



7.       Biss, f’dana kollu, l-iktar importanti baqgħet il-kwistjoni tat-tmexxija ġusta u retta tal-Istat tagħna.  Il-fatt li spiċċajna parti mill-aħbarijiet internazzjonali fuq is-suġġetti li m’għandniex ma għamlitilniex wisq anqas ġid.  Id-deċiżjoni żbaljata li wieħed imur għal elezzjoni ġenerali ġibitna fl-aktar pożizzjoni delikata u vulnerabbli.  Dan ġie aktar aggravat meta saret l-allegazzjoni inkorretta li hawn f’pajjiżna membri tas-servizz tal-sigurtà Russa li daħlu biex jattakkaw lill-Prim Ministru nnifsu.  Liema dikjarazzjoni, terġa’, saret iktar u iktar minnu stess.  Mhux biss qegħdin fit-tarf tal-kredibilità politika, però b’dan assigurajna li nżidu iktar u iktar ir-redikolaġni sħiħa tal-pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea.



Lura lejn l-Onestà u l-Ġustizzja



8.       Finalment, f’dan kollu huwa ċar li jekk ma jkunx hemm bidla fit-tmexxija tal-Istat, pajjiżna m’huwiex ser jirkupra mid-daqqiet li qala’.  Hemm bżonn li wieħed jifhem li jekk irridu li nieħdu l-kredtu lura, li nassiguraw li ma jkollniex it-telf tas-settur finanzjarju u l-bidu ta’ diffikultajiet ekonomiċi varji, l-pożizzjoni trid tinbidel.  Dan jista’ jsir biss jekk il-poplu jivvota fuq il-Forza Nazzjonali nhar it-3 ta’ Ġunju li ġej.  Hekk biss nistgħu nbiddlu l-istorja ta’ pajjiżna u nżommuh lura milli jinżel ferm u ferm iktar ‘l isfel milli qiegħed illum.  Il-mument tal-bidla wasal, u għandna d-dmir li nkunu parti minnu billi nivvutaw għas-sewa, għall-ġustizzja, l-onestà u l-verità li tlifna fl-aħħar erba’ snin.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...