7.5.17

X’qed Jinħeba mill-Poplu.


1. Demokrazija hija soda meta d-dritt għall-informazzjoni korretta jkun imħaddem kif għandu. Il-poplu għandu dritt li jkun jaf il-verità. Għandu jiġi spjegat lilu r-raġunijiet veri wara d-deċiżjoni li jiġu meħuda f’ismu. M’ għandux ikun li jkun hemm il-ħabi. Anqas ma huwa aċċettat li tingħata raġuni b’oħra iktar u iktar meta dik hija diffiċili biex titwemmen. Ftit kienu u għadhom illum jemmnu li sejrin għall-elezzjoni ġenerali għax hemm l-ewwel sinjali li sejrin lejn inċertezza ekonomika u t-tieni għax m’għandhomx jiġu ssagrifikati s-suċċessi. Hemm żgur raġunijiet oħra li qed jinħbew.

Ma mmaturax

2. Il-pajjiż kien qiegħed jisma li kien imħajjar isejjaħ elezzjoni ġenerali, però diversi ma kienux qed jemmnu. Rawha, kif għadhom sal-lum, stramba kif ġiet imsejħa erbatax-il-xahar qabel meta setgħet issir. Bħall-frott bikri li jkun għadu ma mmaturax, it-togħoma ma tantx kienet tajba. Il-pajjiż tista’ tibgħatlu messaġġi, tipprova tbellagħhielu, biss dak li ma jikkonvinċix hemm jibqa. Il-pajjiż fil-maġġoranza tiegħu ma jistax jifhem kif il-Gvern minn naħa l-waħda qed jgħid li l-ekonomija sejra lura minħabba l-klima ta’ inċertezza li nħolqot, però fuq l-oħra qiegħed joħroġ mill-kaxxa wegħdi elettorali li biex twettaqhom irid ikollok ekonomija li hija soda iktar milli qed tpinġiha.

Wisq kontroversji

3. Anki jekk bir-rispett il-Ministru tal-Finanzi qed jitkaxkar stranament minn laqgħa għall-oħra, din l-manuvra politika m’hix tikkonvinċi. Diversi jifhmu li ftit huma dawk il-persuni li jokkupaw kariga ministerjali li jistgħu jiġu “użati” elettoralment. Kien hemm wisq kontroversji, skandli u taħwid f’ta oħrajn.  Nifhmu għalhekk li qed jiġi asserit dak li kien jgħid Mc Luhan “the medium is the message”. Biss hawn min qiegħed jeżamina iktar fid-dettall dak li huwa kliem. Għax l-argument li huwa għaddej jgħid li jekk l-ekonomija kienet qabel verament tajba allura għala dawn iż-żiediet kollha ma sarux f’dak iż-żmien? Għala ħafna minn dak li qiegħed jingħad u jitwiegħed issa ser jipprova jsir meta, skont il-Gvern, hemm l-ewwel sinjali ta’ dgħufija ekonomika?

Dawl ix-xemx

4. Ma tantx qed tagħmel sens in-narrattiva preżenti. Jekk kif ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali tas-sena li għaddiet, 2016 mhux ta’ din is-sena 2017, qiegħed jindika, illi ser ikun hemm tnaqqis ekonomiku, allura wieħed jistaqsi x’miżuri ttieħdu fl-ewwel erba’ xhur tas-sena biex iżżomm dan. Smajt min qalli li dan juri iktar li  hemm bizgħat fondati li l-festin ser jieqaf ħesrem u bikri huwa ukoll. Anqas m’ hemm wisq iktar kredibilità f’ħidmet il-Gvern fil-kwistjoni tal-paga minima nazzjonali. Hawn il-kap tal-Gvern qiegħed jiddikjara li saret żieda. Mentri kif ġie spjegat tajjeb ħafna l-Ħadd li għadda fit-Times minn Joe Farrugia tal-Malta Employers Association “there was no minimum wage increase but a mechanism to reduce the number of workers earning the lowest amount set by law.” Hawn f’dan ferm iktar indikazzjonijiet li l-verità mhux tidher għad-dawl tax-xemx.

Biżgħa u instabbilità

5. Il-bizgħat, l-instabbilità u n-nuqqas ta’ ċertezza f’din il-gimgħa kibru sew għal dawk li qed jgħixu u jsegwu x’qed jiġri. L-għaggla lejn l-elezzjoni b’slogan politiku li huwa mimli ftaħir żejjed għal bnedmin li huma x-xjuh tas-sienja jfissru li l-pożizzjoni hija ferm iktar gravi milli qegħda tiġi mpinġija. Diġà huwa gravi li sejrin għal dan il-proċess b’xabla ta’ Demokle imdendla fuq ras il-Gvern b’inkjesta maġisterjali xejn faċili. L-akkużi, is-suspetti, l-allegazzjonijiet u dak li qiegħed jingħad fit-triq m’hix proprju il-klima elettorali t-tajba. Kull min iħares lejn mexxejja passati u ta’ integrità jew ħadu d-deċizjonijiet interni tagħhom, inkella stennew sakemm l-arja tiċċara qabel daħlu għaliha. Dan huwa magħruf, għalhekk hemm min qiegħed jgħid li tant hija gravi l-pożizzjoni interna li iktar ma jgħaddi żmien iktar jitla żejt f’wiċċ l-ilma u iktar ssir gravi.

Barra mix-xena

6. Anki bina fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea qamu punti oħra. L-ewwel fuq l-immigrazzjoni irregolari erġajna bdejna nisimgħu - speċjalment b’dak kollu li għaddej bħalissa fl-Italja fejn uħud qed jaraw li din tista’ tfisser li ser nerġgħu nibdew naraw aktar wasliet f’dawn ix-xtut. It-tieni fuq l-importanza tagħna fi ħdan din l-Unjoni waqt dawn ix-xhur. Jekk kif smajna tant fil-bidu ta’ din is-sena li l-futur tagħha qiegħed f’idejna allura kif f’daqqa waħda abdikajna? Mhux biss abbandunajna imma f’dan il-każ qed nidhru wkoll bħala mhux mimlijin b’responsabbilità. Waqt li bdew l-battuti inizjali tat-trattativi mar-Renju Unit, pajjiżna jidher li ħareġ barra mix-xenarju. Proprju fil-mument meta stajna nippruvaw u nasserixxu li għandna nkunu hemm u għandu jkollna Presidenza f’idejna, qed naraw il-kontra.  

Dritt għall-verità

7. Proprju meta tara dan u aktar li tifhem għala hemm parti sostanzjali tal-poplu li qed tifhem li hemm iktar milli jidher. Hemm iktar dawk li qed jindunaw li qed jiġi lilhom mgħottija fatti u ċirkostanzi li m’humiex konvenjenti għall-Gvern li jiddikjara. Il-poplu għandu dritt għall-verità u għalhekk għandu kull raġun jitlob li jkun jaf dak li qiegħed jinħeba minnu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...