22.5.17

Kalkoli politiċi żbaljati




1.     Il-poter politiku jrid jiġi kontrollat.  Meta ma jkunx, allura l-effetti tiegħu jkunu ħżiena ħafna.  Għalhekk, id-demokrazija hija sistema ta’ bilanċi u kontrolli fejn ħadd m’għandu dak assolut.  Hekk għandu jkun, imma konsegwenza tal-aħħar riżultat elettorali pajjiżna ra, għall-ewel darba, wisq saħħa politika f’idejn persuna waħda.  Il-maġġoranza elettorali ta’ ‘l fuq minn 36,000 vot maġġoranza u ta’ disa’ siġġijiet parlamentari ġiebu magħhom poter li huwa viċin l-assolut.  Kif kien qal tajjeb Lord John Dalberg-Acton, politiku kattoliku Ingliż: “Power tends to corrupt and absolute power corrupts absolutely”.



Poter jikkorrompi



2.     Minn dan il-punt telqet din il-leġislatura.  Poter konċentrat b’mod tant qawwi li ġieb miegħu biża’ u għarfien żbaljat li min tela’ fil-poter ħadd ma huwa ser ineħħih minnu.  Issemmew diversi leġislaturi futuri, ħmistax, għoxrin, tletin sena.  Saħħa politika invinċibbli.  Proprju għalhekk il-poter tela’ malajr għar-ras.  Proprju għalhekk li l-Istat ma baqax jiġi rispettat f’dak li huwa, imma sar parti minn fewdu personali.  Billi skont, f’dak iż-żmien ħadd ma seta’ għalihom, allura bdiet it-triq tal-abbużi.  It-triq li flok timxi b’korrettezza, b’attenzjoni, b’ġustizzja, b’onestà u b’verità marret kompletament il-kontra.



Dnubiet mortali



3.     Dan wassal malajr sabiex b’dik il-kunfidenza, b’dik l-arroganza politika jsiru żbalji kbar.  Dnubiet mortali li mhux il-poplu kollu lest li jaħfer jew jinsa.  L-aħbarijiet sodi ta’ kontijiet bankarji miftuħa fejn m’għandhomx, kif ukoll għal skopijiet żbaljati bdew sena ilu.  Minn hemm baqgħu jiġru wara din l-amministrazzjoni ta’ dan il-moviment politiku li issa laħquhom u qed jgħadduhom.  Il-pajjiż huwa llum iktar konvint li l-ħsieb kien dirett lejn l-interessi personali u li dan sar b’aġir li huwa wieħed żbaljat, illegali u korrott.  Il-kunfidenza mal-poter politiku ġiebet bnedmin fil-poter jaqgħu għat-tentazzjonijiet li jdaħħlu f’buthom bil-moħbi.



X’sar sewwasew



4.     Dak li sar sewwasew ħafna konvinti li ftit jafuh.  Biss, l-għażla politika li wieħed imur malajr malajr lejn elezzjoni ġenerali saħħet il-konvinzjoni morali li hemm ferm iktar fil-bir.  Ftit jaċċettaw li din kienet deċiżjoni politika ġusta u f’waqtha.  Il-maġġoranza jaħsbu li kien, u għadu żball li ċċaqlaq pajjiż f’din is-sitwazzjoni.  Iktar u iktar meta l-allegazzjonijiet, u l-akkużi, huma tassew gravi.  Fejn il-poplu qed isib ruħu mdaħħal fin-nofs sabiex fl-innoċenza tiegħu jiġi użat u abbużat.  Speċjalment dawk il-votanti leali u kostanti li nġiebu issa fil-pożizzjoni li jridu jittimbraw u jiffirmaw bħala tajjeb dak li huma ma jafux l-istorja sħiħa u vera ta’ dak li ġara.



Proċeduri demokratiċi



5.     Diversi qed jargumentaw li jekk ma hemm xejn minn dak li ngħad u ġie stampat, kellhom l-ewwel jispiċċaw il-proċeduri demokratiċi qabel ma wieħed imur lejn dawk elettorali.  Il-Gvern kellu fuq dan diversi għażliet.  L-ewwel: seta’ mar direttament il-Parlament u wieġeb għad-domandi, spjega quddiem kulħadd bil-miftuħ.  It-tieni: seta’ nkariga inkjesta separata u indipendenti magħmula minn persuni integri, fejn il-fatti setgħu faċilment u malajr verifikati.  It-tielet: seta’ wkoll sejjaħ kemm ried ġurnalisti Maltin u barranin biex jikkonfronta u jwieġeb għad-domandi li qegħdin isiru llum.  Dan ma sarx, u minflok għażel li jmur lejn it-triq legali u neċessarjament kumplikata ta’ inkejsti maġisterjali.



Verità



6.     Il-ħsieb kien li l-poplu ser ikun sodisfatt li l-kwistjoni qed tiġi investigata u ma jagħtix iktar kas.  Mhux biss, imma li l-għarfien legali huwa li din mhix ser tinqata’ kif ġieb u laħaq, u għalhekk trid il-ħin tagħha.  Il-kalkolu kien mod, mentri kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni ġiet proprju l-kontra.  Proprju għax għad hawn diversi membri tal-partit tad-dubju u dixxendenti spiritwali tal-appostlu San Tumas.  Ħafna ma jarawx li huwa biżżejjed li din tiġi investigata, imma jridu r-riżultat – il-verità u l-informazzjoni sħiħa tingħatalhom issa u mhux pitgħada, meta l-vot tagħhom ikun diġà ttieħed.



Suspetti ġodda



7.     Tul din il-ġimgħa ltqajt ma’ iktar persuni ta’ fehmiet politiċi varji li esprimew suspetti ġodda fuq dak li qed naraw.  It-tluq mix-xenarju politiku ta’ deputati parlamentari min-naħa tal-Gvern żied dan.  Għax huwa minnu li kien magħruf li sija l-Ministru George Vella, li kien fattur qawwi ta’ stabilità interna b’servizz ministerjali li ftit ikkritikaw, kif ukoll id-deputat veteran Joe Debono Grech kienu ħabbru li ser jieqfu.  Biss, ħafna ma stennewx li d-Deputat Prim Ministru Louis Grech kien ser iħabbar, fl-aħħar mument, li ser jitlaq.  Wisq inqas li d-deputati l-oħra li kienu taw ħafna servizz qabel bħal Charles Mangion, Charles Buhagiar u Joseph Sammut.  Mhux biss, imma li l-frosta tal-grupp parlamentari Godfrey Farrugia mhux biss telaq, imma rriżenja u mar mal-Partit Demokratiku.



Partit żarmat



8.     Ħafna semmewli kif raw li ġie żarmat dak li kien il-Partit Laburista bl-ideali veri tiegħu.  Għax huma jafu, u nnutaw b’dispjaċir in-nuqqas tal-preżenza ta’ dawn il-politiċi li semmejt u diversi oħrajn li m’għadhomx hemm għal raġunijiet varji.  Dawk li vvutaw għalihom b’maġġoranza daqshekk qawwija fl-2013, illum m’għadhomx hemm.  Marie Louise Coleiro Preca, li ġiet unanimament elevata għall-President tar-Repubblika.  Karmenu Vella, li qiegħed issa Kummissarju Ewropew.    Leo Brincat, illum membru Malti fil-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll Anġlu Farrugia, li tneħħa bi tradiment minn Deputat Kap tal-partit u okkupa l-kariga ta’ Speaker.  Dawn huma parti mill-elenku li qiegħed isirli.



Nuqqas politiku



9.     Anzi ħafna qed jaraw iktar nuqqas politiku proprju fuq il-ħatra ta’ Deputat Mexxel tal-partit għall-Affarijiet Parlamentari.  Hemm kuntrast ikbar f’kif fl-2013, f’ħakka t’għajn u fuq skuża ineżistenti tneħħa Anġlu Farrugia u sar malajr malajr Louis Grech.  Issa, fl-2017 telaq kwiet kwiet Louis Grech u ħadd ma ġie magħżul, flok malajr malajr.  Jidher ċar li s-sitwazzjoni ħarġet mill-idejn u m’għadhiex iktar taħt kontroll.  Dak li kellu jsir bil-kalma, paċenzja u attenzjoni qiegħed isir ta’ malajr u f’paniku elettorali.  Ħafna f’dan, għalhekk jaraw li l-Gvern ma kellux jieqaf ħesrem.  Proprju għalhekk li hemm iktar u iktar ċar f’għajn il-pajjiż li saru wisq kalkoli politiċi żbaljati, li minnhom ilkoll sejrin inbatu.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...