7.5.17

Salve, ħabib.



Sirt nafu meta ġie jagħmel il-prattika tal-avukatura fl-uffiċċju tiegħi f’Bormla fl-1970.  Kien żagħżugħ attent, intelliġenti, b’dawk l-għajnejn tiegħu sbieħ u żoroq, isegwu kollox.  Jiena kont għadni deputat fl-ewwel leġislatura tiegħi.  Meta nkunu spiċċajna milli nkellmu lill-klijenti, konna nibqgħu ftit ħin ieħor fl-uffiċċju, niddiskutu l-każijiet, il-punti legali, u wara, aktarx, il-politika tal-mument.  Peppinu, anki dak iż-żmien, kien qarrej u infurmat. 

Kien interessat kemm fil-letteratura, kif ukoll f’dak li kien qiegħed jiġri, f’pajjiżna u barra, dak il-mument.  B’dak il-mod tiegħu ġentili, u mingħajr ma jimponi ruħu, kien jgħaddi kummenti mimlija sens tar-realtà u sentiment nisrani.  Imbagħad beda jaħdem ta’ avukat u, għalkemm ma baqax jiġi l-uffiċċju, bqajna niltaqgħu u niddiskutu fil-Qorti, bejn il-kawżi.  Jew għall-kafè għand Gambrinus.

Bqajna f’kuntatt anki iktar spiss, u iktar bi qbil, meta daħal huwa wkoll għall-attività politika.  Fil-laqgħat, fl-Istamperija, il-kontribuzzjoni tiegħu kienet ta’ wieħed li ma kienx biss infurmat u matur, iżda wkoll ta’ wieħed li irrifletta fit-tul.  La kien estrem fl-opinjoni u lanqas fl-espressjoni.  Niftakar meta fl-Eżekuttiv, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni, lejn in-nofs tas-snin sebgħin, konna qegħdin niddiskutu jekk il-Partit kellux jintrabat mal-ħsieb li Malta tissieħeb mal-Komunità Ewropea. 

Kien hemm min kien jibża’ li nitilfu l-Indipendenza li akkwistajna għaxar snin qabel.  Oħrajn tkellmu favur, għaliex kien jaqbel għall-ekonomija ta’ pajjiżna li nkunu f’suq daqshekk kbir u bi drittijiet ugwali ma’ nazzjonijiet ferm ikbar.  Niftakar lil Peppinu jgħid: “Li l-Ewropa tkun magħquda jaqblu fuqha d-demokristjani, u anki l-komunisti Ewropej, u hija l-idea tal-futur.  Iżda, qabel xejn, jeħtieġ naraw li ma jkunx milqut ħażin il-ħaddiem Malti”.  Aċċetta għax ġie konvint.  Imbagħad ikkontesta l-elezzjoni ġenerali, tela’ u ltqajna fil-Parlament.

Meta konna fil-Gvern, wara l-1987, il-Prim Ministru Fenech Adami ħatru Segretarju Parlamentari, bl-inkarigu speċjali tal-Housing.  Naħseb li dan sar għaliex Eddie kien jemmen kemm kellu kuxjenza soċjali, kemm kien ġust, kemm kien onest.  Barra milli jara li d-djar jiġu allokati sew u lil min jistħoqq, Peppinu beda jaħseb biex jiżdiedu d-djar x’jitqassmu. 

Niftakar kemm tħabat biex jiġu mislufa l-fondi mill-Bank Ewropew tal-Investiment.  Niftakru jiġi Bormla meta konna ser nibnu l-blokk ta’ Santa Liena, fejn kien tneħħa bini perikoluż u nieqes mill-iġjene.  Niftakru jitħabat biex jinbnew il-blokki fuq is-Sur tal-Furjana.  U tant imkejjen oħra.  Ħafna familji għandhom post deċenti, fejn joqogħdu, sforz it-taħbit tiegħu.

Wara l-elezzjoni tal-1992, Eddie biddillu l-Ministeru tiegħu u bagħtu miegħi, b’inkarigu speċjali fix-Xogħol u r-Riżorsi Umani.  Fil-fatt, però, Peppinu beda jaħdem f’kull qasam li kelli fil-Ministeru tiegħi.  Kien jinteressa ruħu, naturalment fil-kwestjonijiet sindakali, u fl-ETC (fejn sab l-ispalla ta’ Lawrence Zammit), fil-Koperattivi (niftakru jistudja fuq l-esperimenti ta’ Mondragon), iżda wkoll fil-Mużewijiet, fil-Libreriji u fil-Kultura, barra mill-Edukazzjoni, in ġenerali. 

Għadni nġib quddiem għajnejja l-entużjażmu tiegħu meta għajtulna għaliex instab ipoġew paleo-kristjan taħt it-Triq tal-Barrani.  Inżilna biex narawh minn trunċiera fonda, iktar minn m’ogħla bniedem, u kellhom jgħinuna biex nitilgħu ‘l fuq.  Kien jiltaqa’ sikwit ma’ Peter Serracino Inglott, li kien iqaddes fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Tarxien, u kien għalhekk jibda minn filgħodu, qabel il-kafè, jitkellem u jisma’ fuq il-Kultura u l-Edukazzjoni.

Wara li għażluni President, u Peppinu ingħażel Maġistrat, it-toroq tagħna nfirdu.  Dawn l-aħħar snin bqajt insegwih minn dawk ir-riċensjonijiet li huwa baqa’ jikteb.  Mill-pinna tiegħu kont ninduna li kien l-istess Peppinu tal-1970: letterat, kolt, ġentili, nisrani, jħobb lil min hu minn taħt, u lill-batut.

Saret moda li titkellem b’nuqqas ta’ rispett fuq in-nies tal-politika.  Naf mill-qrib lil Peppinu Cassar: bħala avukat u bħala Maġistrat ħadem bħalma ħadem bħala bniedem fil-politika, fis-setgħa u fl-Oppożizzjoni.  Bl-intenzjoni retta, bil-ġustizzja, bl-onestà, iżda wkoll bl-intelliġenza, bil-kultura u bl-imħabba lejn il-proxxmu kollu.  Kien ta’ unur għal pajjiżna li jkollu nies, għas-servizz tal-poplu, bħal ma kien Peppinu.

Salve ħabib u grazzi tal-eżempju!  Jalla dan l-eżempju jiġi imitat.


Ugo Mifsud Bonnici
President Emeritu





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...