7.12.15

Weħel fis-sunnara, żelaq fil-wilġa.




1.      Kollox jibda minn min itella’ miegħek fuq il-vapur politiku li tmexxi.  Hemm lezzjonijiet passati li hemm min jimmapina li jmissu lill-oħrajn, iżda mhux lilu.  La darba l-baħrin jiġu magħżula mill-poplu, il-kaptan isalpa b’dak li miegħu għandu abbord.  Diversi drabi, l-għażla fil-partiti ssir għax in-nies ikunu konvinti imma dan l-aħħar, sforz il-mewġ kummerċjali li laħaq lil kulħadd, il-bilanċ qiegħed issa jmur għal dawk lijidhru iktar popolari minn dawk li huma suppost inqas minn hekk.  Kull kaptan, kull partit irid jagħmel l-għażliet tiegħu.  Wara, fuq il-baħar isarraf dak li qiegħed il-ġudizzju tiegħu għalih.  Verament fl-aħħar elezzjoni, il-lezzjonijiet kienu iktar evidenti fuq l-importanza ta’ dik l-għażla u veru wkoll li min illum qiegħed fil-Gvern iddefinixxa ruħu li huwa moviment, mentri kif jidhru l-affarijiet, qiegħed jaġixxi ta’ partit.

2.      Ngħid dan fuq żewġ temi li qabdu ftit iktar l-attenzjoni ġenerali tul dawn l-aħħar sebat’ijiem.  Taħlit fis-suġġetti li però huma marbuta mal-istess direzzjoni politika.  Żewġ mewġiet ta’ gravità laħqu u xarrbu sew lill-membri tal-partit fil-Gvern.  L-ewwel, il-kwistjoni tas-sentenza tal-Qorti Ewropea dwar is-sajd, u t-tieni l-kwistjoni Marlene Farrugia, li laħqet f’dik tal-ambjent.  It-tnejn ħarġu fil-beraħ li ma hemmx ippjanar minn qabel, u wisq inqas preparazzjoni għal dak li ser iseħħ.  Waħda hija irreparabbli u l-oħra tista’, b’ħafna kliem ħelu u tqanżiħ, tittieħed lura.  It-tnejn huma però ta’ ħsara kbira lit-tmexxija preżenti tal-pajjiż tagħna  L-effetti tagħhom it-tnejn diġà bdew jakkumulaw u l-konsegwenzi ma huma żgħar xejn.

3.      Għamel sewwa d-deputat tagħna Toni Bezzina li tul il-ġimgħa qabeż għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.  Għax ma għandux jiġi permess li sajjieda oħra jidħlu jistagħdu fl-ibħra territorjali tagħna.  Fejn qatt kienet li aħna nippermettu li ħaddieħor jidħol fuq dak li ġġilidna biex jibqa’ tagħna?  Gvern preċedenti, bid-difetti kollha tiegħu, qatt ma ħalla dan isir u kien viġilanti.  Kellu l-uffiċċju tiegħu ġewwa Brussell jaħdem id f’id ma’ dawk ta’ pajjiżna tajjeb ħafna.  Illum jidher li xi ħaġa ġrat, u dak li ħadd ma kien jistenna jew jippretendi li jsir seħħ.  Tlifna telfa kbira u ma nafx kemm hija reparabbli.  Kif nafu diġà, is-sajjied li jaqla’ ħobżu mis-sajd sab ruħu f’diffikultà u saħansitra kellu wkoll fil-passat assistenza tal-forzi tal-ordni miegħu.  Issa dak li rreżistejna aħna ġie bi dritt taħt dan il-Gvern.  Jidher li dak li “jisma’” m’huwiex jinduna li hawn ħafna tgergir fuq dan u  milli jidher l-affarijiet ser jikbru iktar.  Is-snanar ta’ pajjiżna issa tħalltu ma’ dawk ta’ oħrajn fl-ibħriet nazzjonali tagħna u dak huwa perikoluż doppjament.  L-interess nazzjonali, li qabel tant konna niġu akkużati li ma nieħdux ħsiebu issa fil-fatt, ippermettuli ngħid li qed naraw min verament weħel fis-sunnara.

4.      Dan ma kienx biżżejjed.  It-Tlieta beda jberraq fejn kien jidher li ma hemmx maltemp.  Il-kwistjoni tal-liġi l-ġdida li tibni u tifred l-Awtorità tal-Ambjent u tisseparaha minn dik tal-Ippjanar ilha biex tibda dieħla fil-port.  Fl-aħħar, fl-istadju ta’ kumitat fejn l-artikoli tal-liġi jiġu eżaminati biċċa biċċa, bdejna naraw dak li ma konniex naħsbu li ser nisimgħu.  Marthese Portelli u Ryan Callus bdew iduru dawn l-artikoli b’diliġenza u attenzjoni eċċellenti.  Intervjeniet fil-proċess id-deputata, li sa dak il-ħin kienet għadha laburista, Marlene Farrugia.  Għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara ħafna, forsi ferm iktar milli l-istess Gvern kien ippreparat għalih.  Fid-dibattitu li segwa dwar x’sehem u x’pożizzjoni għandhom jokkupaw l-għaqdiet ambjentalisti f’din l-Awtorità jidher, minn dak li smajt, li id il-ministru kienet diġà marbuta b’pożizzjonijiet li ġew meħuda f’Kastilja.  Dak li kien qiegħed jingħad mit-tlett deputati parlamentari għall-ġid tal-poplu ma bediex jingħata widen.  Diversi drabi, il-messaġġ wasal li ma kienx hemm iktar x’jingħad.  Il-bieb tal-kabina kien magħluq u l-baħrin riedu jew jaċċettaw, inkella jaqbżu b’kemm għandhom saħħa l-baħar.

5.      Ix-xena, minkejja l-kameras kollha li għandna, żdiedet fid-drammaċità tagħha.  Iktar ma l-Gvern “kollu widnejn” webbes rasu, iktar kibret il-korla fost il-baħrin.  Ma kenitx proprju xena mill-“Mutiny on the Bounty” imma resqet viċin hekk kif il-baħri abbord, Marlene Farrugia, kitbet l-ittra u l-editt tar-riżenja, dak il-ħin stess u għaddietha lill-kaptan li kien għadu kif ġie jispezzjona l-iżvolġiment tal-“battalja”.  Kien ċar mill-bidu li xi ħadd kien daħal ġewwa xibka.  Fil-bidu deher li l-baħri daħal f’tal-kaptan.  Ftit wara, bħal ma jsostnu dawk li jafu bl-istorja tal-vapur “Bounty”, il-kejl inbidel.  Min-naħa l-oħra fhimna li kien diġà ċar x’ser jiġri u kull naħa kienet diġà qegħdet il-pożizzjoni ċara quddiem l-oħra.  Ħadd ma fehem li dan kien biss ta’ ċumm bumm, imma kienu ċertiminn dak li kienu ser jagħmlu.  Min ikun b’saħħtu fin-numri mhux dejjem jifhem li ma jkunx hekk fl-argument.  Mhux biss, imma hemm ħafna fis-soċjetà li jżommu u jsostnu dawk li huma minn taħt fuq dawk li jidhru li huma prepotenti minn fuq.

6.      Hu x’inhu, jidher ċar li l-Gvern kien iddeċieda li l-baħri Farrugia jiddeċiedi – jew jagħmel li jrid il-kaptan, inkella jħallas is-suppost konsegwenzi.  L-ordni, ma hemmx dubju, huwa neċessarju u l-membri ta’ kull partit, mhux neċessarjament moviment, jafu li hemm linja li jridu jsegwu.  Biss almenu, meta dan isir, l-argument irid ikun ċar u tajjeb.  Hawn, bir-rispett, kellha raġun biex tbiegħ Farrugia.  Mhux biss, imma issa nfetaħ xenarju ġdid li m’huwiex faċli fejn ser imur.  Id-deputat indipendenti għandu saħħa ikbar ladarba jiġi elett milli kellu qatt qabel.  Il-pożizzjoni tiegħu hija iktar formidabbli barra mill-moviment milli ġewwa fih.  Għandu dritt jitkellem fuq kull mozzjoni, fuq kull ministeru, fuq kull abbozz, f’kull kumitat, huwa x’inhuwa.  Diġà hemm numru ta’ “preċedenti” li naħseb li huma tapit aħmar nadif nadif li tista’ tgħaddi minn fuqu.  Iktar u iktar meta xwabel imdendla fuq rasha ma għandhiex.  Diġà ħadet deċiżjoni fuq l-elezzjoni ġenerali li ġejja.  Meta tqis kollox tara li kien hemm żelqa kbira fil-wilġa.

7.      Fejn sejrin ħadd ma jaf.  Hemm min kiber fl-indipendenza u fil-libertà u hemm min naqas fin-numri tal-maġġoranza.  Biss jidher iktar ċar li min għandu r-responsabbiltà tal-bastiment irid iġib lura l-ordni.  L-ordni għall-baħħara fl-ibħra nazzjonali u sovrana Maltin u ordni abbord.  Jekk dan ma jsirx malajr, il-komplikazzjonijiet jikbru b’rapidità ferm iktar milli jaħseb.  F’dan, aħna fl-oppożizzjoni ma nistgħux nagħmlu ħafna.  Nistgħu fuq naħa nassiguraw bil-mezzi li għandna li l-affarijiet isiru sewwa, u fuq l-oħra nniżżlu li l-Gvern f’din il-ġimgħa weħel fis-sunnara u żelaq fil-wilġa.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...