7.12.15

Sitwazzjoni gravi u inaċċettabbli.





1.     Tul il-ġimgħa seħħ fatt li biddel il-bilanċ sħiħ ġewwa s-soċjetà tagħna.  Dak li qisu għadda jew jipponta li jgħaddi minn taħt l-għajn huwa kurrent f’direzzjoni li hija gravi u ma għandhiex tkun għalina aċċettabbli.  Forsi qed jippruvaw idarruna nisimgħu l-kontra ta’ dak li nistennew.  Forsi qed jaħsbu li b’daqshekk il-bnedmin fuq din il-gżira sejrin ibiddlu fehemithom, imma s-sewwa fortunatament hemm jibqa’ u dak li mhuwiex hekk jibqa’ – mhuwiex aċċettabbli.  Ngħid dan għax diversi fit-triq ma fehmux kif il-Gvern aċċetta passivament li kumpannija prestiġjuża tiddikjara li ser tkeċċi tlett mitt ruħ fl-istess mument li qegħda tiddikjara li ser iżżid fl-investiment tagħha.  Messaġġ kontradittorju u kontra l-loġika tal-prijoritajiet umani.

2.     Ma kienux ħafna li fil-medja ħarġu jaqbżu għall-familji involuti.  Il-Partit Nazzjonalista però dan għamlu.  Għamlu għax ħass li ma għandux jiġi aċċettat li mmorru lura għall-ideat neo-liberalisti fejn il-ħaddiem u d-dinjità tiegħu ser jiġu mixħuta barra t-triq.  Kumpannija b’saħħitha għandha responsabbiltà soċjali mhux biss lejn min jaħdem hemm, iżda wkoll lejn is-soċjetà.  Il-pakkett, il-kliem użati fid-dikjarazzjoni ta’ fatt ta’ dak li ser iseħħ inevitabbilment weġġgħu ħafna u għamlu wkoll ħsara lir-reputazzjoni tajba li din il-kumpannija dejjew gawdiet.  Id-direzzjoni hija: ser inżidu fl-investiment, allura b’saħħitna finanzjarjament, imma proprju għalhekk ser inkeċċu bnedmin li ilhom jaħdmu, ilhom jagħtu l-ħajja u l-esperjenza tagħhom.

3.     Naħseb li kollox inħadem ħażin u b’insensittività kbira.  Sinjal ta’ diversi fatturi li qegħdin jiżviluppaw.  Ma nafx, imma f’dan l-iktar ċar kien li qisu kien hemm diġà ftehim mal-Gvern li dan kollu sejjer iseħħ.  Insibha diffiċli biex nemmen li din il-kumpannija partikolari ma kenitx ħadet ħsieb tinforma lil min għandu l-poter.  Il-mument kien kalkulat u studjat.  Appena tispiċċa l-konferenza tal-CHOGM u issa f’lejliet il-bidu tal-festi tal-Milied.  Aħbar li hija destinata diġà li ma timxix ‘il quddiem.  Tindifen u r-“rekord” ta’ kemm għandna kollox ileqq fis-settur tax-xogħol ma jintmessx.  Jekk kollox sejjer kif qed jingħad u hawn il-bnazzi ekonomiku li l-figuri jindikaw dan ma għandux ikun diffiċli.  Biss, jidher evidenti li x-xogħol mhux neċessarjament li għall-maltin qed jinħoloq.

4.     Diġà f’din il-ġimgħa kellna l-aħbar li għandna 18,000 persuna ċittadin tal-Unjoni Ewropea li qiegħed jaħdem bil-ktieb tax-xogħol f’pajjiżna, u diġà nafu li hemm madwar 7,000 persuna li ma humiex ċittadini tal-Unjoni u anqas maltin li qed, huma wkoll, jaħdmu regolarment.  F’sena kellna kważi 13% żieda ta’ full-time f’dan is-settur.  Dawn huma figuri li waħedhom jindikaw li s-settur tax-xogħol għandu bżonn jiġi eżaminat b’iktar dettall.  Għax għalkemm ngħidu li żdied komplessivament bil-maltin b’4.3% però wieħed ma jistax jirrikonċilja li għandna daqshekk żidiet qawwija f’dawk li ma humiex ċittadini ta’ dawn il-gżejjer.

5.     Il-Gvern f’dan jidher li huwa passiv.  Ebda magna ma bdiet mill-ewwel taħdem biex dawn il-ħaddiema jsibu xogħol bl-istess kundizzjonijiet u salarji li kellhom.  Anzi, jekk qed nifhem tajjeb, hemm min iddeċieda li jitkellem fuq solidarjetà imma jħalli l-kulħadd għal rasu.  Hemm attitudni li qed ninterpreta bħala waħda mill-iktar perikoluża u li qegħda tiftaħ bieb għal oħrajn biex jgħaddu ħelu ħelu minnu.  Il-ħaddiem irid jiġi protett u difiż u l-unions il-kbar, il-UĦM u l-GWU għandhom ferm iktar rilevanza.  Il-ħaddiem protezzjoni effikaċi jrid u hekk jixraqlu.  Dan jiġi fil-ħidma ta’ kull ġurnata, mhux neċessarjament għax iġġiegħel lill-ħaddiem biex jidħol f’union.

6.     Dan il-każ huwa bank ta’ prova għal diversi persuni involuti.  Dawk fl-industrija, dawk fil-unions u dawk fil-poter.  Sa issa hija żgur sitwazzjoni gravi u inaċċettabbli.  Nittamaw li jittieħdu l-passi, u malajr.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...