7.12.15

Ħajja l-politika tagħna





1.      Il-politika trid tibqa’ għaddejja.  Tibqa’ tiżviluppa fuqha nfisha f’dak li kienet, f’dak li tħoss li hija u dak li tispira li tmur għalih.  Partit, biex jibqa’ rilevanti għalih innifsu u għal dawk li qed jirrappreżenta jrid bilfors jibqa’ għaddej bi proċess ta’ ħsieb.  Wieħed ta’ djalogu intern u estern u diskussjoni fuq punti li jimmeritaw dan.  Partit demokratiku kristjan m’huwiex wieħed fundamentalista u anqas ma huwa wieħed assolutista.  Huwa ġabra ta’ bnedmin li jridu f’daqqa jidderieġu ruħhom u fl-istess ħin ikunu huma ta’ direzzjoni għall-oħrajn.  Biex nimxu ‘l quddiem irridu nkunu lkoll f’daqqa.  Meta xi ħadd jimxi għal rasu mingħajr ma jkellem lill-oħrajn jitlef minn dan il-valur importanti.  Is-sigriet tal-Partit Nazzjonalista fil-passat reċenti kien proprju li rnexxielu jġib qbil intern u dan b’diskussjoni sħiħa.

2.      Tul din il-ġimgħa ftakarna fl-anniversarju tat-twelid ta’ Don Luigi Sturzo, li twieled fis-26 ta’ Novembru 1871.  Bniedem li influwenza l-politika taljana u tagħna.  Wieħed li ħalla warajh diversi kitbiet  li numru ta’ drabi terġa’, fortunatament, issibhom kwotati f’diskorsi u dibattiti importanti.  Il-linja moderata diretta u dik li permezz tagħha l-insara sabu mod kif jieħdu sehem fil-ħajja politika mingħajr ma jitilfu, anzi proprju biex iwettqu, it-twemmin tagħhom.  Il-politika għandha ħafna aspetti, però min jidħol għaliha bla prinċipji u bla direzzjoni jispiċċa jwettaq dak li ma għandux.  Il-Partit Nazzjonalista ħares li jkollu żewġ linji gwida għalih: l-ewwel, li l-maltin ikollhom l-indipendenza u jmexxu lil pajjiżhom – patria; it-tieni, li jispiraw irwieħhom fil-politika tagħhom mill-enċikliċi soċjali l-iktar progressivi tal-Knisja Kattolika – religio.  Il-partit ma ppruvax ikun u lanqas kien wieħed li jaċċetta biss lill-kattoliċi prattikanti.  Kien u għadu dak li niddeskrivu bħala demokristjan.

3.      Il-partit ma kienx wieħed liberali u anqas konservattiv.  Proprju għalhekk li baqa’ wieħed rilevanti.  Wieħed li jappella għall-faxex kollha tas-soċjetà, li jimmira li jgħolli lil min huwa taħt mingħajr ma joqgħod iniżżel lil ħaddieħor.  Fid-dikjarazzjoni tal-Auberge d’Aragon tas-16 ta’ Jannar 1926 insibu proprju hekk fost l-għanijiet tagħna: “The moral, intellectual, and economic uplifting of the social classes on the principles and criteria laid down by Leo XIII in his Encyclical Rerum Novarum.  Kliem li jindikaw li l-partit kien dejjem wieħed li jħares ‘il quddiem b’viżjoni soċjali u nisranija.  Ma kienx wieħed li jħares l-interessi ta’ setturi ristretti tas-soċjetà, fejn l-aġenda hija biss dak li jridu huma jew dak li jaqbel lilhom.  Il-ġustizzja u l-libertà dejjem ġew imħaddna f’bilanċ u b’attenzjoni.

4.      Fost id-drama, l-aġitazzjoni u d-diskors xejn tajjeb li kellna fil-Parlament tul din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista sab il-ħin li jkompli jifforma l-ħsieb tiegħu u jiftaħ lejn iktar dibattitu mas-soċjetà.  Fil-maltemp qawwi li kien għaddej minnu l-pajjiż barra u ġewwa dik il-Kamra, xorta ħassejna li għandna nkomplu bil-programm tagħna.  Dak li nimxu fil-programm tagħna. Partit fl-oppożizzjoni għandu l-arloġġ tiegħu u l-ħin lil ħadd ma jistenna.  Jew jagħmel użu tajjeb minnu inkella jitlef minn opportunitajiet.  Aħna nifhmu li s-soċjetà mhix imdorrija bil-pubblikazzjoni ta’ dokumenti programmatiċi mill-partit tal-oppożizzjoni.  Il-verità hija li jippreferi u jistenna li dan isir b’aktar attenzjoni mill-Gvern.  Biss dan ma jfissirx li ma għandux jinfetaħ kapitolu ġdid u wieħed li jibda jibni fiduċja fejn qabel ma kienx hemm.  Fiduċja: l-ewwel fil-politiċi, u t-tieni fil-Partit Nazzjonalista.

5.      Fl-aħħar ħames snin, il-partit li huwa llum fil-Gvern ta’ lil ħafna x’jifhmu li għandu ħafna programmi lesti.  Ta ukoll l-impressjoni li ma jaqbilx titkellem fuq dak li għadek trid twettaq għax inkella, min ikun qiegħed imexxi jeħodlok l-ideat u ma jkunx hemm paġni ġodda.  Sfortunatament ilkoll qed naraw li dan il-Gvern qiegħed proprju jfalli fuq dan il-punt.  Tant ma ħasibx biżżejjed u tant ħalla kollox għal wara li issa li qiegħed fis-siġġu tal-poter qed narawh ibati biex imexxi u jirnexxi.  Il-pajjiż m’għadux dak li kien fil-passat.  Sar ferm iktar komplikat u delikat u allura passi ‘l quddiem iridu jkunu maħsuba u kalkulati ferm tajjeb.  Żgur li ma jiġux mil-lum għal għada, imma b’ħafna attenzjoni għad-dettall.  Biex iseħħ dan trid tibda minn xi mkien u ħames snin, kif ilkoll nafu, m’humiex biżżejjed biex twettaq bidliet verament tajba u li jwettqu l-ġid lill-poplu tagħna.

6.      Din il-ġimgħa, il-partit ippubblika dokument interessanti, dirett u miktub b’sempliċità effettiva bit-titolu “An Economy for the People”.  Taħt id-direzzjoni tad-deputat tagħna Claudio Grech ġie għad-dawl u għad-diskussjoni l-aspett ekonomiku tal-pajjiż.  Il-punti huma interessanti u jimmeritaw diskussjoni tajba.  Biss jibdew u jispiraw ruħhom mill-kitbiet tal-Papa Franġisku fl-enċiklika tiegħu Evangelii Gaudium fejn jgħid: “While the earnings of a minority are growing exponentially, so toois the gap separating the majority from the prosperity enjoyed by those happy few.  Minn dan fid-dokument insibu kwantità ta’ punti rilevanti li jimmeritaw attenzjoni sabiex wieħed iħares ‘il quddiem sabiex ikollu ekonomija li hija għas-servizz tal-bniedem.  Id-dokument iħares b’mod partikolari għal dak li għandnau l-isfidi li ser ikollna.

7.      Hemm insibu b’mod partikolari li “We are setting out our policy priorities to enable us to address the scale limitations, our productivity levels, the lack of critical mass in our workforce, the restricted access to finance, the need to proliferate a stronger innovation culture, the capacity of our infrastructure, the structural increase in public spending, the unnecessary red tape and the importance of having an economy in which employee compensation improves steadily year on year, on the basis of enterprise growth.  Seba’ żoni ta’ prijorità li diġà qed nidentifikaw li hemm bżonn li jiġu indirizzati aħjar illum u għada pitgħada.  Passi importanti li jitolbu attenzjoni u ser jieħdu iktar ħin għad-dibattitu fis-snin li ġejjin.  Hemm il-Partit Nazzjonalista diġà qiegħed juri ruħu kapaċi jipprepara għall-futur.  Minkejja kull kritika li tista’ ssirilna, il-fatti qegħdin juru li aħna għadna partit ħaj li jħares ‘il quddiem fis-sewwa.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...