Il-ħafna nies fil-part-time u fil-prekarjat
jitlob ferm aktar miżuri minn dak li sar fil-baġit
Il-Gvern mhux jirrealizza li dak li għandna
llum fis-suq tax-xogħol mhux biżżejjed għall-isfidi tas-snin li ġejjin għaliex
ix-xogħol illum għadu jinħoloq f'niċeċ li twelldu mill-amministrazzjoni
preċedenti.
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern tal-lum
joħloq niċeċ u inizjattivi ġodda biex jilqa' għall-isfidi tal-prekarjat li
għadu qawwi fost l-impjiegi part-time, u joħloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ u
għan-nisa fis-suq tax-xogħol.
L-appelli lill-Gvern biex is-suq tax-xogħol
ikompli jikber fis-snin li ġejjin saru fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista
Carm Mifsud Bonnici, fid-dibattitu dwar il-Ministeru dwar l-Edukazzjoni u
x-Xogħol.
Carm Mifsud Bonnici appella wkoll lill-Gvern
jagħti garanzija fuq xiex għandna nibnu l-workforce tagħna għas-snin li ġejjin.
Spjega li llum m'għandniex setturi ġodda li se jwelldu għelieqi ġodda ta'
xogħol.
Semma li l-Gvern qed jikkuntenta
bl-istatistika fis-settur tax-xogħol u appella biex iħarses lil hinn
mill-propaganda politika u jwettaq dak
li wiegħed, bħalma hi l-wegħda li l-part-timers isiru full-time u l-pagi
jogħlew daqs ta' pajjiżi oħrajn Ewropew.
Is-settur tax-xogħol għadu jaħsad mill-ideat
tal-passat
Saħaq dwar l-importanza ta' aktar taħriġ u
viżjoni għall-isfidi ta' għada. Is-settur tax-xogħol għadu jaħsad mill-ideat
tal-passat quddiem il-bidliet qawwija li tant huma meħtieġa.
Irridu statistika sħiħa u li niddeċiedu fuq
liema se nibbażaw il-viżjoni tagħna, jekk hix dik tal-ETC jew tal-Labour Force
Survey. Irridu wkoll li dak li ma jidhirx fil-istatistika xorta jingħata
tweġiba. Dan meta l-istatistika dwar in-nies
bla xogħol, il-Labour Force Survey jitkellem fuq 11,000 u dik tal-ETC
5,800.
Semma li hawn jaħdmu 6,000 persuni barranin
mhux Ewropew u tal-anqas 6,000 oħra ċittadini Ewropej. Dan filwaqt fl-2013
instabu 130 persuna li nstabu jaħdmu bla ktieb tax-xogħol, u s-sena li għaddiet
instabu 734 – seba' darbiet aktar
filwaqt li din is-sena jidher li hemm l-istess ammont.
Enfasizza l-ħtieġa li nifhmu dak li qed jiġri
fis-suq tax-xogħol li sal-lum għadu jinħoloq fis-setturi li kellna fil-passat,
bħal dak fil-kostruzzjoni u dawk li għadhom jikbru gradwalment, jew fiċ-ċaqliq
fl-impjiegi bħama hu dak li qed iġri fis-settur tat-trasport.
Appella lill-Gvern jagħti garanzija fuq xiex
għandna nibnu l-workforce tagħna għas-snin li ġejjin.
Il-prekarjat u x-xogħol part-time hemm baqa'
u ma tneħħiex
Dwar il-prekarjat li hu evidenti ħafna
fix-xogħol part-time, Carm Mifsud Bonnici qal li s-suċċess tal-Gvern ma kienx
qawwi.
Ikkritika lill-Gvern li qed jaħrab mir-realtà
meta l-Ministru tal-Finanzi qal li l-prekarjat qed jonqos. Ix-xogħol part-time
hemm baqa' u ma tneħħiex.
Tkellem dwar il-pensjonanti li jibqgħu
fis-suq tax-xogħol u rrimarka li bqajna b'6,000 xogħol primarju u 500 oħra li
għandhom xogħol ieħor.
Is-settur tax-xogħol li jimxi mill-impjiegi
part-time lejn il-full-time baqa' lura, bil-ħaddiema part-time baqgħu mingħajr
żidiet fil-pagi. Appella lill-Gvern jieħu azzjoni biex dawn il-ħaddiema
b'kuntratti ta' xogħol jiċċaqilqu 'l
quddiem.
Spjega wkoll li huma n-nisa li qed jibqgħu
l-aktar imwaħħla f'xogħol part-time u appella lill-Gvern jieħu aktar miżuri li
jħallu l-frott.
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka wkoll li
l-ħolqin tax-xogħol għan-nisa li jfittxu li jidħlu fis-suq tax-xogħol hu
l-aktar fil-kategorija tas-sales and services, u f'elementary occupations. Hu
ċar li hawn bżonn ta' eżami veru tal-iskemi biex in-nisa jkkontribwixxu
għas-settur tax-xogħol mingħajr ma jitiflu d-dinjità tal-mara u l-valur
tal-familja.
Semma wkoll sitwazzjoni oħra li toħroġ
mill-istatistika – dik li 1,170 persuna, jew 25% tan-nies li jispiċċaw
mill-iskejjel, mhux qegħdin fix-xogħol u lanqas f'taħriġ. Fisser li dan hu
ammont konsiderevoli li jeħtieġ attenzjoni u soluzzjoni.
Osserva wkoll li jkun hemm mas-17,000 notifka
ta' postijiet tax-xogħol lill-ETC, u li jimtlew biss 3,300. Dan jagħti stampa
ta' problema oħra mhux żgħira li qed tinħeba wkoll fiċ-ċifri tal-istatistika.
Carm Mifsud Bonnici rrimarka li hawn sinjali
fis-suq tax-xogħol li juru li s-sistema hi aktar riattiva hekk kif il-Gvern
daħħal kemm felaħ nies miegħu – liema deċiżjoni għad trid tħalli effett
ukoll fuq l-ekonomija.
Terz tax-xogħlijiet ġodda fl-ewwel marru
fis-settur tal-kostruzzjoni
Jirriżulta wkoll, kompla d-Deputat Nazzjonalista, li terz
tax-xogħlijiet ġodda fl-ewwel kwart tas-sena marru fis-settur tal-kostruzzjoni.
Semma l-isfida li rridu nilħqu l-miri fin-National
Employment Policy li ntrabatna li sal-2020 ikollna 70% tal-employment rate
f'pajjiżna waqt li appella li l-ħolqin tal-impjiegi hu imporanit li jkun ta'
kwalità u li jagħti aktar dinjità lill-ħaddiema.
Li għandna ħafna nies fil-part-time u fil-prekarjat
jitlob ferm aktar miżuri minn dak li sar fil-baġit. Hemm bżonn ta' programm ta'
taħriġ aktar effettivi minn dak li għandna llum. Awgura li l-ETC tmur aktar
lejn it-taħriġ lill-kategorija tan-nisa, fosthom dawk li diġà qegħdin
fil-part-time.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni semma l-kwistjoni
tal-workforce tal-lum li qed tavvanza fl-età u titlob għal aktar viżjoni li
fil-preżent għadha ma evolvitx.
Ikkritika li qed nagħmlu servicing tal-istess bżonnijiet
f'setturi li kien hemm qabel jew f'setturi tax-xogħol li baqgħu l-istess. Semma
l-bżonn tad-dimensjoni tat-teknoloġja moderna, b'aktar dettal biex noħolqu
niċeċ ġodda ta' xogħol.
No comments:
Post a Comment