1. Iċ-ċirkostanzi li bnew il-baġit din is-sena huma uniċi. Il-kalendarju nbidel għal darb’oħra, u huwa evidenti li hemm min qiegħed jipprova jieħu vantaġġ politiku minnu. Sar tul Ottubru meta s-soltu jseħħ iktar tard. Biss din is-sena, f’Novembru l-Gvern ser ikun impenjat b’numru ta’ attivitajiet li huma rari, li jidher li xprunawh biex jaqbad il-linja li qabad. Hemm quddiem uħud il-kuntrast bejn dak li seħħ is-sena li għaddiet u għalhekk hemm id-determinazzjoni li wieħed ma jitlifx minn dak li baġit, li huwa reċepit bħala wieħed tajjeb mill-poplu, jista’ jagħti. Flok jinżel ‘l isfel, il-ħsieb huwa li jitla’ biss ‘il fuq, speċjalment matul ix-xhur ta’ Diċembru u Jannar. Biss kif rajna qabel, l-eventi politiċi ftit jistgħu jippreveduhom, iktar u iktar meta tipprova tikkontrollahom.
2. It-termini, l-kanali ta’ ħsieb li qed
imexxu lil min għandu l-poter f’idejh ma humiex ispirati milli li wieħed
iwettaq dak li huwa minnu nnifsu sewwa, iżda fid-dawl ta’ dak li l-propaganda
tista’ tagħti u ssarraflu. L-eżerċizzju
tal-baġit ma kienx, iktar u iktar din is-sena, wieħed ta’ dikjarazzjonijiet,
ta’ strateġiji ekonomiċi, iżda ta’ kemm il-Gvern jista’ jirbaħ lura
mill-fiduċja li beda jitlef. Dan nistgħu
nifhmuh. Kemm huwa indikat għal pajjiż
bħal tagħna, fejn min imexxi għandu jappella għas-sena komun u jagħmel użu
mir-raġuni hija ħaġa kompletament differenti.
Proprju f’dan, il-Gvern qed juri ruħu li ma huwiex iwieġeb għas-sinjali
taż-żminijiet, anzi li jrid imur lura fil-passat li jista’ jaħseb li huwa
kapaċi jikkontrolla.
3. Proprju għalhekk li nhar it-Tlieta li
għaddew rajna u smajna diskors tal-Prim Ministru li kien kollu demagoġija. Kien kollu indirizzat mhux lill-Parlament,
l-istituzzjoni demokratika li kien qiegħed jitkellem fiha, imma għal dawk
is-segwaċi li kienu d-dar jisimgħu. Kien
wisq ovvju li kien hemm min ried jirriafferma ruħu u dan dehem b’ton,
bil-ġestikulazzjoni u, jekk tippermettuli, bil-volum wisq għoli. Id-diskors stona ħafna u għal diversi persuni
bħali bagħat messaġġi żbaljati fis-sitwazzjoni politika tal-lum. Dan għax nafu li meta mexxej politiku jaqbad
dik it-triq ikun qiegħed jieħu eżempji ħżiena mill-passat.
4. Ħafna jiftakru d-diskorsi li kienu saru
minn mexxejja oħra, senjatament minn kap ieħor tal-Partit Laburista li ddomina
x-xenarju politiku. Żgur mhux forsi,
kien attentat biex jiġi imitat. Kien
sforz sabiex min għandna llum ikun imqabbel tajjeb ma’ min kien hemm qabel. Indikazzjoni ċara li qed isir tqabbil intern
li għalih il-kap preżenti jħoss li għandu jwieġeb billi juri li huwa
“bħalu”. Biss, bir-rispett, jagħmel
x’jagħmel min għandna llum qatt ma jista’ jittrasforma ruħu f’dak li kien hemm
qabel. L-ewwel għax iċ-ċirkostanzi nbidlu,
u t-tieni għax hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin f’dawn il-gżejjer li rreaġixxew
kontra u bil-qawwa u t-tielet, għax il-karattru u t-trobbija huma kompletament
differenti. Aħjar wieħed ikun li huwa
milli jipprova jimita dak li qatt ma jista’ jkun.
5. Min iridha tal-moderat, tal-progressiv u
tad-demokratiku llum ma jużax dawn l-istrumenti biex iwassal il-messaġġ
tiegħu. Apparti l-fatt li, sa fejn naf
jien, ftit huma d-deputati li huma nieqsa mis-smigħ u ma kienx hemm bżonn li
flok wieħed juża r-raġuni jibda juża l-għajjat u l-aggressività politika
żejda. Kien tant ċar għal ħafna li
l-Prim Ministru ried il-ħin kollu jidħol ġewwa l-kamera tal-mezzi tax-xandir
biex f’moħħu jaċċerta ruħu li l-udjenza qegħda tħossu u b’hekk huwa qiegħed
jikkontrolla u jimponi ruħu fuqhom. Kien
hemm wisq “tejatrini” li jaqbżu l-limitu ta’ persuna li suppost għandha jkollha
l-kunfidenza li titkellem u tipperswadi bl-argumenti iktar mill-istrumenti
użati b’terġa l-bqija tal-grupp parlamentari Laburista li jħoss li jrid
isostnih b’tisbit kontinwu. Ma naħsibx
li min għandu rasu fuq għonqu kien wisq impressjonat b’din l-imġieba u smajt
b’dawk li bdew u ma spiċċawx l-udjenza.
L-aggressività, il-kontroll idejqu lill-poplu.
6. Diversi mexxejja Ewropej, wara t-tmiem
tat-tieni gwerra mondjali ħadu ħsieb li jidħlu biex jindirizzaw lill-poplu
mingħajr demagoġija, mingħajr il-ġestikular tal-mexxejja tiranni u dittaturi li
raw lill-Ġermanja u l-Italja. Kien punt
fundamentali ta’ bnedmin bħal Alcide de Gasperi jew Konrad Adenauer li
r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u l-ispirtu demokratiku ta’ stat lajk kien
jitlob minnhom. Punt fundamentali
rispettat rigorożament sija fl-ispirtu, kif ukoll fil-metodu. Ebda eżempju passat; il-poplu għax minnu jiġi
l-poter u minnu jitlaq, irid ikun infurmat u persważ minn dak li jkun qiegħed
isir bir-raġuni u mhux b’mezzi oħra.
7. Id-demokrazija mhix dgħjufija, anzi hija
l-linja tal-irġulija u l-umiltà li kull politiku li jrid iservi ta’ ġid irid
juża. Mhux biss, imma fi ħdan dan
jispikka iktar l-individwaliżmu, l-egoiżmu kontra dawk li jaħdmu f’daqqa u
f’altruwiżmu. Id-demokrazija hemm min
illum jaħseb li mhix suġġett interessanti.
Hemm min jimmaġina li l-importanti huma l-flus u l-lagħqiżmu proprju
għax diversi lesti li jintremew sabiex javvanzaw. Sfortunatament hemm minnhom, però konvint li
l-maġġoranza tal-poplu dan ma tridux, anzi temmen fil-kontra. Minn dak li qed joħroġ jidher ċar li l-linja
politika meħuda mill-Gvern turi li qegħda tinsa l-lezzjonijiet
tal-istorja. Proprju għalhekk wieħed jifhem
dejjem iktar fejn qed iwassalna dan il-metodu ta’ tmexxija.
No comments:
Post a Comment