26.11.12

Inbidlet id-direzzjoni




1.             Il-vot favur il-ħabib u sallum Viċi Prim Ministru Tonio Borg fil-Parlament Ewropew tul din il-ġimgħa sabiex jilħaq Kummissarju għandu jservi bħala punt ta’ riflessjoni.  Riflessjoni fuq dak li seħħ u fuq dak li nbidel.  Fil-verità f’ebda mument, żgur mhux forsi, ma kellu jgħaddi mit-travalju li għaddewh minnu.  Ma kienx hemm bżonn ta’ diskors żejjed li ngħad minn membri parlamentari li, jew ma kinux infurmati tajjeb biżżejjed fuq il-fatti, inkella b’intenzjoni għażlu li jippruvaw jieħdu xi linja fil-gazzetti billi jgħidu l-ħmerijiet.  Il-preludju għal dan il-vot kien wieħed xejn denju tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni Ewropea.  Kien hemm għaddej manuvrar politiku marbut mal-fatt li l-gruppi politiċi li m’humiex mal-Partit Popolari Ewropew riedu jimbarazzawh.  Issa li kien hemm għażla ta’ Kummissarju waħdu u tal-Partit Popolari riedu jieħdu għalihom dak li ħasbu li ser ikun vantaġġ politiku.  Id-diskors li ngħad kien intenzjonalment u fir-realtà attakk dirett lejn il-valuri u l-pożizzjonijiet li dan il-partit ħa tul dawn is-snin.

2.             Kien u għandu jibqa’ hekk: eżerċizzju leġittimu u demokratiku li l-membri parlamentari jistaqsu domandi lil min ikun ser jiġi maħtur Kummissarju.  Biss, meta dan jaqbeż l-iskop prinċipali, allura jitlef mis-sens u s-sustanza tiegħu u jsir abbuż.  Ma kienx hemm lok għal sessjoni twila tlett siegħat b’domandi li wħud kienu fuq is-suġġett, però diversi oħrajn kienu kompletament barra minnu.  Kien ċar li kien hemm aġir żbaljat, iktar u iktar meta ma’ kull domanda kien hemm risposti diretti u ċari.  Ma kien hemm xejn kontra Tonio Borg, u kull min semgħu nduna li huwa għandu l-abbiltajiet iservi fil-kariga ta’ Kummissarju Ewropew.  Min daħal bi preġudizzju nduna kemm kien infondat.  Biss, kien ċar u ovvju għalina li minħabba raġunijiet politiċi riedu joħolqu pretest li fuqu ma jivvutawx favur.

3.             Kien proprju għalhekk li, minkejja l-fatt li ma setgħu jgħidu xejn fuqu, waqt l-udjenza xorta waħda ppruvaw jivvintaw raġuni biex jivvutaw kontra billi talbuh dikjarazzjoni fuq punti li għalihom kien diġà ta spjegazzjoni ċara.  Dan l-aġir, fl-opinjoni tiegħi, kien wieħed żbaljat u barra mit-termini li bihom l-istituzzjonijiet huma mistennija jaħdmu.  Seħħ preċedent perikoluż li ser jeffettwa xenarji oħra f’sitwazzjonijiet differenti.  Ngħid li ma kellux ikun, u anqas għandu jkun, li Kummissarju jiġi soġġettat għal dikjarazzjonijiet simili.  Ġej minn liema partit ġej.  Jekk tidħol din il-prattika jkollna pożizzjonijiet kaotiċi li jnaqqsu mill-paċi u koerenza li għandu jkun hemm.  Ngħid li l-Partit Popolari għandu jikkunsidra li jressaq dan l-aġir żbaljat għall-konsiderazzjoni u janalizza iktar jekk kienx illegali.

4.             Il-manuvrar li rajna quddiemna, fortunatament, ma rebaħx il-ġurnata.  Numru ta’ deputati mill-grupp tal-Partit Soċjalista u tal-Ħodor għażlu, fil-kuxjenza tagħhom, li ma jsegwux dak li kien qed jingħad mill-membri tal-partit tagħhom u vvutaw favur.  Il-vot tagħhom ingħaqad ma’ dawk tal-Partit Popolari u bihom, għal darb’oħra, rebħu r-raġuni u s-sens komun.  Fehmu li, żgur mhux forsi, kien ikun żball għall-Unjoni Ewropea li tivvota kontra persuna li nftiehem minn kull rokna tad-dinja li kien jaf x’inhuwa jgħid.  Persuna li fir-realtà ilu magħruf u b’mod tajjeb fil-ħidma tiegħu ta’ ministru fil-Kunsilli tal-Ministri varji li pparteċipa fihom.  Kien ikun żball oħxon għax l-Unjoni kienet tixħet fuqha dell ikrah.  Dell li jċekken ‘l-Unjoni fil-konfront ta’ żoni politiċi u ekonomiċi oħra.  Tnaqqas mill-fiduċja u fl-istess ħin tibgħat il-messaġġ li l-Unjoni ta’ 27 Stat mhix soda imma waħda difettuża, li mal-inqas ħmerija tispiċċa f’piki bla sens, li żżid is-saħħa tal-ewroxettiċi.

5.             Ħadd ma jista’ jippermetti lilu  nnifsu jaħseb li dak li hu, jew dak li jwettaq, ser ikollu l-kunsens ta’ kull prsuna.  Kien ċar mill-bidu li kien hemm min, jagħmel x’jagħmel il-Kummissarju l-ġdid, ma kienx ser jogħġbu.  Dan huwa normali fil-bnedmin, biss kien iktar interessanti mhux tant dan l-aġir, iżda fuq liema punt ma kienx ser ikun hemm qbil.  Dawk li riedu, u vvvutaw kontra, bbażaw kollox fuq l-abort u l-formazzjoni kattolika tiegħu.  Għal min huwa intiż, għal darb’oħra kien qiegħed jinħema x-xenarju li sab ruħu fih Rocco Buttiglione.  Ministru dak iż-żmien, u esponent importanti tal-linja demokratika nisranija Taljana.  Saret battalja li fl-aħħar tal-ġurnata ġie reġistrat, fil-qosor, li m’hemmx post għall-kattoliċi konvinti fl-istituzzjonijiet Ewropej.  Kien eżerċizzju mill-iktar umiljanti u li bagħat messaġġi żbaljati.

6.             Tonio Borg, mertu tiegħu, kien ferm iktar preparat għal dan l-appuntament.  Preparat fuq żewġ livelli : l-ewwel, l-esperjenza nazzjonali li basktitu biex jifhem u jiflaħ aħjar għall-attakki nġusti li ġew minn diversi direzzjonijiet.  It-tieni, kien diġà evidentement preparat għal din it-triq.  Preparat sabiex, bid-determinazzjoni tiegħu, jservi sabiex tinbidel id-direzzjoni fl-Unjoni Ewropea.  Dak li qabel kien kważi impossibbli għall-kattoliku li jaffronta u jirbaħ, issa ġie megħlub.  Issa hemm preċedent favur is-sewwa.  Dan fih innifsu għandu jawgura tajjeb għalina lkoll.  L-Ewropa għandha għeruq insara li ma tistax, avolja hemm min jipprova jagħmel dan, tiċħadhom.  L-impenn tagħna fil-politika għandu jibqa’ wieħed li juri b’mod ċar li l-valuri li nħaddnu m’aħniex ser immorru lura minnhom.  Anqas m’aħna ser nibżgħu niddefenduhom.

24.11.12

La Fortuna Non Esiste

Non importa quante volte cadi.  Quello che conta è la velocità con cui ti rimetti in piedi”.



Għadni kif spiċċajt ktieb interessanti miktub mill-ġurnalist Taljan Mario Calabresi, li kien fl-Istati Uniti tal-Amerika fil-perjodu meta l-President attwali Barack Obama kien għaddej bil-ewwel kampanja Presidenzjali tiegħu.  Il-ktieb huwa sempliċi u kumplikat fl-istess ħin.  Sempliċi għax jagħżel li jaffronta, b’kapitli qosra, il-ħajjiet ta’ diversi persuni.  Kumplikat għax kull persuna magħha tieħu, u ġġib għalina, l-intoppi u l-problemi li tikkonfronta.
                          
Is-sabiħ tal-ktieb hu li l-awtur jirnexxilu jiġbor xhieda ħajja u unika ta’ dak li diversi ċittadini għaddew u għadhom għaddejjin minnu, sija kaġun tal-kriżi ekonomika, kif ukoll b’konsegwenza ta’ deċiżjonijiet politiċi li ġew meħuda minn dak il-pajjiż.

It-tema rikorrenti hija waħda, fis-sustanza, pożittiva.  Pożittiva għax l-awtur, permezz ta’ dawn il-laqgħat li kellu ma’ karattri varji juri kif irnexxielhom, minkejja d-diffikultajiet u hitan impossibbli li jgħaddu minnhom, jirbħu l-eventi u lilhom infushom sabiex jerġgħu jidħlu lura għad-dinja.

Huma rakkonti diretti ta’ ħaddiema li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom minn kumpanniji tal-produzzjoni ta’ vetturi, General Motors, kif ukoll ta’ dawk li kienu jaħdmu mal-Lehman Brothers.  Hemm kull darba xhieda storika ta’ dak li bnedmin bħalna sabu x’jaffrontaw fil-ħajja ta’ kuljum.  Persuni li kienu sodi fix-xogħol, finanzjarjament, f’darhom, fin-negozju li f’daqqa waħda sabu ruħhom b’xejn.  Flok baqgħu jħarsu lura, għażlu li jimxu ‘l quddiem.  Iħallu warajhom id-diżgrazzji tagħhom, jerġgħu jqumu u jkomplu b’ħajjithom.  Verament ktieb sabiħ u mimli balzmu, sija għal min jgħaddi minn problemi varji fil-ħajja, kif ukoll għal dawk li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji li nħolqulhom minħabba l-kriżi finanzjarja.

It-tema prinċipali hija, fil-qosor, li l-għawġ jiġi fuq kull persuna.  L-importanti hu li wieħed iqum minnu kemm jista’ jkun malajr.  F’dan jiġi kwotat Joe Biden, il-Viċi President Amerikan, li kien f’incident tat-traffiku kien tilef lil martu u lil bintu u kellu żewġ ulied feriti gravement, li jgħid: Non importa quante volte cadi.  Quello che conta è la velocità con cui ti rimetti in piedi”.

L-iktar żewġ rakkonti li laqtuni kienu dawk ta’ sindku ta’ belt magħrufa bħala “Braddock”, li waqgħet fi kriżi għax fabbrika kbira li kien hemm fiha żarmat. John Fitterman qiegħed jaħdem sabiex jibdel u jerġa’ jġibha lura għall-ħajja.  Wieħed mill-punti prinċipali fil-programm elettorali tiegħu, kien dak li jġib lura ristorant iservi fil-belt.  Laqatni proprju għax, mingħajr ma trid, tiftakar fil-kliem “tama kontra kull tama”.  Minkejja l-avversitajiet kollha, n-natura umana tibqa’ taħdem biex tbiddel.

Ir-rakkont l-ieħor hu dwar Tammy Duckworth, mara li waqt li kienet pilota abbord helikopter fil-gwerra tal-Iraq, intlaqtet u tilfet saqajha u partijiet minn idha l-leminija.  Persuna li tammira għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħha.  Ġiebet lilha nfisha lura, sija fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll f’dik politika.  Illum ġiet eletta membru fil-parlament Amerikan u fit-3 ta’ Jannar 2013 tieħu l-ġurament tal-ħatra.

Dan huwa ktieb mexxej, sempliċi u dirett li però jirnexxilu jwassal il-messaġġ lil diversi li fil-ħajja m’għandhomx jaqtgħu qalbhom.  Nirrakkomandah.

20.11.12

Għaliex Ġustizzja Riparatriċi?





1.         Meta ġejna biex nibdew il-proċess sabiex nintroduċu mekkaniżmi ġodda ta’ kif wieħed jipprovdi għal persuni li nstabu ħatja mill-Qorti biex jirrijabilitaw ruħhom ħarisna lejn dak li kien għaddej, kemm fl-Ewropa kif ukoll internazzjonalment.  Ħarisna sabiex indaħħlu mhux numru limitat ta’ miżuri, iżda pakkett sħiħ li permezz tiegħu stajna nibdlu mill-qiegħ il-kunċett sħiħ tar-rijabilitazzjoni.  Oriġinarjament, il-linja li kien jindika l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista kienet dik li l-Parole tidħol fis-sistema ġuridika tagħna.  Biss, ma ridtx li nħallu barra punti oħra li fil-frattemp żviluppaw.


2.         Kont ilni numru ta’ snin nittama li nara wkoll, mal-Parole, tlett punti oħra u f’dan il-proġett ġietni l-opportunità li nagħmilhom.  Dawn kienu: l-ewwel, l-introduzzjoni tal-medjazzjoni bejn min wettaq id-delitt u fuq in-naħa l-oħra rappreżentant tas-soċjetà u l-vittma tar-reat; it-tieni, it-twaqqif ta’ Unità li tieħu ħsieb lil dawk il-vittmi diretti tar-reat fir-rigward ta’ persuni li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin; u t-tielet, aġġornament u fl-istess ħin riforma tal-mod kif persuni li għandhom it-teħid tad-droga bħala problema isegwu programmi li jibdluhom.


3.         It-triq ta’ dan il-proċess ta’ bidla ma kenitx waħda qasira, imma twila.  Twila għax, l-ewwel, ridna nippreżentaw dokument ta’ konsultazzjoni għad-diskussjoni pubblika; it-tieni, ngħarblu dak kollu li ngħad u t-tielet, nerġgħu nippreżentaw il-konklużjonijiet u minn hemm nimxu ‘l quddiem biex nippreparaw abbozz ta’ liġi.  Wieħed li sar, ġie preżentat fil-Parlament u ġie approvat.  Waqt li l-abbozz kien pendenti ġew meħuda żewġ miżuri importanti.  L-ewwel, ġie mwaqqaf kumitat apposta biex jara bil-preċiż u fid-dettall dak li liġi bħal din kellha bżonn biex tibda taħdem.  It-tieni, saru numru ta’ laqgħat oħra bejn id-dipartimenti konċernati sabiex wieħed jassigura li l-aspett legali u amministrattiv f’din il-linja jkun, kemm jista’ jkun, konformi.


4.         Fortunatament, mertu tad-diversi persuni involuti li daħlu għal dan, lejn l-aħħar ta’ Settembru tas-sena li għaddiet, kollox kien kważi finalizzat.  Id-dokumentazzjoni neċessarja għall-ħruġ tas-sejħiet ta’ ingaġġ ta’ persuni ġodda kienet lesta f’dak li kien hemm bżonn.  Matul din is-sena stajt nara li diversi minnhom ġew, biċċa biċċa, approvati u ħarġu.  Dan jawgura tajjeb għax il-liġi, għalkemm toħloq pożizzjonijiet ġodda, kien ikun żball li kieku dawn ħarġu kollha f’daqqa.  Għalhekk, fil-Faċilità Korrettiva issa hemm żerriegħa ġdida li bdiet tiġi kultivata.


5.         Għażilna l-isem ta’ “Ġustizzja Riparatriċi” għax ridna nibgħatu messaġġ ċar.  Kull soċjetà, minnha nfisha għandha l-bżonn li tassigura li min jikser il-liġi jkollu jħallas ta’ għemilu billi jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu, kif ukoll li tara li min jiġi maqful ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu, dejjem jekk ikun irid, programmi u għajnuna biex jibdel lilu nnifsu.  Is-soċjetà trid tħares u jkollha fiduċja f’dan.  Għalhekk, daħħalna b’mod ċar li min jiżbalja għandu jħallas lura lejn is-soċjetà jew lil dak l-individwu tan-nuqqasijiet li wettaq.  B’hekk “riparatriċi”, għax min daħal hemm irid jirripara sakemm huwa possibbli.  Dan irid iwettqu f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel li jibdel lilu nnifsu; u t-tieni li jaħdem biex jew lill-vittma jew lis-soċjetà jroddilha lura f’dak li naqasha.


6.         Għalhekk, għall-ewwel darba għandna liġi li qegħda fit-triq li tbiddel ta’ taħt fuq dak li huwa magħruf man-nies bħala “l-ħabs” li ismu proprju huwa “Faċilità Korrettiva”.  Kull bidla legali kbira, minnha nfisha, trid iż-żmien.  Rajtha fid-diversi abbozzi oħra li rnexxieli nġib fis-seħħ.  Għax hemm mument li fih wieħed jiżra’, mument li fih jikkoltiva u ieħor li fih jaħsad.  Il-ħsad jiġi, però jrid iż-żmien tiegħu.  Żmien li huwa verament vitali li jieħu għax inkella l-affarijiet, flok isiru tajjeb, isiru b’għaġġla fix-xejn u ma jirnexxux.  Il-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fortunatament qegħda taħdem u qegħda fi triqitha.  Ċert li mertu tal-persuni li qed iħaddmuha, din qegħda u ser tkompli tirnexxi, jingħad x’jingħad kontra tagħha.



18.11.12


Bżar fl-għajnejn

1.         Ftit huma dawk li jistgħu, b’xi mod, jiċħdu li din kienet leġislatura li ma rajniex bħalha fil-passat.  Id-diffikultajiet li soltu jakkumpanjaw Gvern sabu magħhom diversi oħrajn ġodda.  Oħrajn li kkumplikaw ferm iktar u, fl-istess ħin, żiedu fl-isfidi tal-ġurnata.  Ġiebu magħhom għażliet li kull min f’xi mument kien mgħobbi bil-piż tar-responsabbiltà jagħraf li ma kien faċli xejn.  Mhux ser noqgħod insemmi pass pass dak li seħħ f’dawn l-aħħar ħames snin.  Huma magħrufa għad-dinja, imma mhux neċessarjament f’dan il-pajjiż.  Għax għad hawn min jimmaġina li l-kriżijiet finanzjarji li seħħew u għadhom għaddejjin huma biss parti minn storja maħluqa mill-Gvern bħala skuża.

2.           Din hija, sfortunatament, parti mill-istorja ta’ dan il-poplu li parti minnu jrid jiġi misinfurmat.  Parti minnu jrid jiġi misqi dak li mhuwiex, fejn l-aħbar tiġi mdawra sabiex is-sabiħ ikun ikrah, il-fatti jinġiebu bħala gideb.  Ir-riżultat huwa doppju.  L-ewwel, ġabra ta’ persuni li huma aljenati, maqtugħa mill-ħajja, mir-realtà.  It-tieni, id-diffikultà futura ta’ min irid imexxi sabiex ifiehem li dak kollu li kien qiegħed jisqi ma kienx minnu.  Il-kunfidenza li tilgħab mal-verità twassal sabiex f’moħħ min jitkellem ma jibqax daqshekk ċar il-fatt mit-tgħawwig tiegħu.  Hemm min isir espert ta’ dan.  Kapaċi jbiddel dak li huwa minn dak li jiġi perċepit.  Għalhekk, il-kumplikazzjonijiet jikbru fis-soċjetà tagħna.

3.           Illum hija żviluppata b’mod ċar u dirett sistema differenti ta’ kif issir il-politika.  Għax appena taqta’ r-realtà u l-fatti mid-diskors politiku tiegħek, allura tkun qiegħed tibni fl-arja.  Tagħti x’tifhem ħaġa, tagħti x’tifhem li jista’ jseħħ dak li minnu nnifsu ma jistax għax hu mibni fuq ir-ramel.  Ramel li jiċċaqlaq u miegħu kull ma wieħed ikun iddikjara.  Kif tibda tindirizza l-viżjoni tiegħek, dak li trid li jseħħ fuq dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet taqta’ mill-possibilità li twettaq ħwejjeġ li jagħmlu verament il-ġid.  Jista’ jkollok ċapċip f’dak il-mument li tgħid il-ħmerijiet, però fit-tul ser ikollok taffronta li dak li għedt kien biss bżar, l-ewwel f’għajnejn min semgħek u wara f’tiegħek stess.  L-unika konsolazzjoni li jibqa’ jkollna hi li minn dak li nara u dak li jgħiduli, l-poplu jfittex il-verità.

4.            Ifittex, però jdum sabiex isibha u jifhem.  Fil-frattemp għandu perjodi li fihom hemm l-istedina li jibda jemmen li dak li m’huwiex minnu huwa l-verità.  Tul kull parti mill-ħajja politika ta’ stat demokratiku, dan qisu jrid iseħħ kontinwament.  Fejn kull partit, f’dożi differenti jkun irid jagħti x’jifhem dak li inti trid tifhem sabiex iġib il-kunsens elettorali.  Minn dak li nisma’ u  mmiss b’idejja però, hawn mewġa fi ħdan l-elettorat li ma jridx jiġi maħkum minn kampanji li jeħduh f’toroq li ma jridx u fuq kollox iwaqqgħu għaċ-ċajt l-intelliġenza tal-votant.  F’dawn l-aħħar xhur qed nara reazzjonijiet iktar qawwija kontra t-tabelli li bdew jiddominaw it-toroq tagħna, b’diversi jirnexxilhom jibgħatu messaġġi mhux differenti, imma l-kontra ta’ dak li oriġinarjament riedu jagħtu.

5.           Hawn diversi li bdew, b’effett kumulattiv, jibgħatu l-messaġġ lilna lkoll li qegħdin jippretendu ferm aħjar milli qegħdin nagħtu.  Il-politika tal-perċezzjoni naħseb li bdiet tasal fil-venda tagħha għall-partijiet determinanti mill-elettorat.  Hemm ferm inqas tolleranza għall-politika tal-parenza, tad-duwalità, fejn l-immaġini biss hija importanti.  Qiegħed nara, u ma naħsibx li jien żbaljat, li l-fiduċja fid-diskors tal-politiku trid tiġi mkejla l-ħin kollu b’persuni li jridu jdaħħlu idejhom fil-ferita.  Hawn iktar li jridu l-verità tingħad b’iktar saħħa minn qatt qabel.  Tingħad għax hawn min qiegħed jirreżisti b’iktar saħħa li jiġi mitmugħ in-nuqqas tagħha.

6.           Ħassejt iktar dan bl-aħħar avviż pubbliku tal-Partit Laburista, li qiegħed jiddikjara li hemm bżonn ta’ iktar flus fil-but.  Messaġġ li, mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn, irid jagħti x’jifhem li dan il-partit ser iġib iktar flus.  Messaġġ li minnu nnifsu huwa bażat fuq dak li ma jistgħux jagħtu.  L-ewwel, għax meta kienu fil-Gvern ma ġġenerawx xogħol u ġid għal kulħadd iżda għall-ftit minn tagħhom; it-tieni, għax fis-sitwazzjoni ekonomika li qed ngħixu, dan huwa biss daħk fil-wiċċ u t-tielet, għax l-istess messaġġ huwa biss dikjarazzjoni mingħajr xi forma ta’ impenn għaliha.  Il-politika tal-bżar fl-għajnejn ma twassalx għas-sewwa.  Il-poplu jarah dan, għax irid iktar li l-politiku jispjega fid-dettall x’ser jibdel, u kif.  Proċess li aktar ma jersaq jum l-elezzjoni ġenerali, iktar ser jesiġi risposti diretti.  F’dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura miegħu nnifsu li jibqa’ dak li jgħid is-sewwa u ma jkunx dak li jidħol fix-xalata li jixħet il-bżar fl-għajnejn.

16.11.12

L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi

1.    Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, dan l-Att ġie approvat mill-Parlament tagħna u sussegwentement, is-sena ta’ wara, nġieb fis-seħħ.  Dan l-Att huwa pass importanti fis-sistema ġuridika tagħna.  Pass li fuqu nistgħu niftħu kapitolu verament ġdid sabiex persuni li jsibu ruħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara sentenza tal-Qrati ta’ dawn il-gżejjer, ikunu jistgħu jirriformaw ruħhom.  Il-piena minnha nnifisha hija deterrent.  Il-ħsieb biss li tista’ tqatta’ xi żmien nieqes mil-libertà tiegħek ġewwa ċella, żgur mhux forsi, għandu l-effett li jżomm lil dak li jkun milli jġib ruħu b’mod żbaljat.  Dan fih valur, però l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin turi biċ-ċar li m’huwiex biżżejjed.  Hemm bżonn ta’ strutturi oħra li jibdlu lil dawk li jirfsu l-bieb tal-post.  Dawn huma issa parti mis-sistema, u bdew jaħdmu.

2.    Dan il-pass huwa wieħed importanti ħafna.  Diġà għamilnih u qiegħed jagħti l-frott tiegħu.  M’huwiex faċli tibdel bnedmin li jkunu draw jgħixu ħajja li twassalhom għall-kriminalità.  Hemm min żbalja darba u hemm min iktar minn darba.  Kull persuna ħaqqha l-attenzjoni neċessarja da parti mill-Istat.  Ħaqqha li wieħed jipprova jibdilha billi jagħtiha programm biex tista’ taqbad triq differenti milli qabdet.  L-eżempji ħżiena jridu jiġu kumbattuti b’dawk tajba.  Ċittadin, jekk mar fejn m’għandux, irridu ngħinuh.  Dik l-għajnuna tista’ ssir billi jinbena pjan għal kull persuna skont il-karattru, l-esperjenza, l-edukazzjoni u t-tfixkil li għandha.  Bl-Att hawn fuq imsemmi, sar issa parti mil-liġi li min daħal fil-Faċilità jitqiegħed fuq ħidma biex jinbidel.  Mhux kull programm huwa l-istess.  Dak li jgħodd għal persuna mhux neċessarjament ikun jgħodd għal persuna oħra.  Mhux biss, imma dik il-persuna jrid ikollha l-volontà li tibdel lilha nfisha billi tidħol għal dan il-programm ta’ riforma.

3.    Biex tassigura li min qiegħed fil-Faċilità, hu min hu, jidħol għal dan il-programm, il-liġi ħadet ħsieb iddaħħal għall-ewwel darba żewġ kunċetti ġodda.  L-ewwel, dak tal-parole; u t-tieni, li r-remissjoni trid taħdem għaliha.  Is-sistema ma tħarisx lejn il-parole u r-remissjoni bħala toroq alternattivi għal xulxin, fis-sens li min qiegħed fil-Faċilità jrid jagħżel liema triq jaqbad, bl-esklużjoni tal-oħra.  Imma triq hemm waħda: dik li jekk trid tieħu l-benefiċċju tal-parole jew tar-remissjoni, trid bilfors tidħol għall-programm.  Jekk trid toħroġ qabel il-piena imposta mill-Qorti, allura trid taħdem għaliha.  Dan sar għax inkella kien ikun hemm il-periklu li ma jkunx hemm l-impenn neċessarju sabiex, min qiegħed hemm ġew, jibdel lilu nnifsu.  Għax qabel, ġaladarba priġunier ma kienx jaqla’ nkwiet, allura kien jista’ jieħu r-remissjoni, li hija tnaqqis ta’ terz tal-piena.  Dan fisser għalhekk li r-remissjoni ma baqgħetx tiġi kkunsidrata bħala awtomatika, imma sistema li fiha persuna trid tibda taħdem għaliha wkoll, bħall-parole.

4.    Illum, il-Bordijiet kollha taħt il-liġi huma mwaqqfa.  Għalhekk, il-pjan ta’ kura għal kull persuna jrid jiġi approvat mill-Offender Assessment Board, li jorbot.  Fuq dan il-pjan, dak li twettaq il-persuna li tkun hemm ġew, allura tista’ tibbenefika skont kemm issegwih u kemm taħdem, sija mir-remissjoni kif ukoll mill-parole.  Fil-Faċilità diġà hemm qed jaħdmu l-mekkaniżmi neċessarji għal dan il-għan.  Il-Bord tar-Remissjoni, magħmul minn erba’ persuni, diġà qiegħed jara jekk japprovax jew le l-għotja tar-remissjoni u jista’ jimponi kundizzjonijiet fuq min jingħata dan il-benefiċċju.  Il-Bord tal-Parole twaqqaf huwa wkoll u diġà qiegħed jikkunsidra t-talbiet għal dan il-għan.  Kuntrarjament għad-diskors żbaljat li ngħad minn uħud, is-sistema diġà bdiet taħdem, u b’mod tajjeb.

5.    Biss, bħal kull sistema ġdida, ma tistax tirnexxi f’daqqa imma meta takkumula l-esperjenza li tiġi maż-żmien.  Biex persuni jkunu jistgħu jibdew jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-sistema jrid ikun jimmeritahom.  Il-liġi, li ġiet approvata bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra, tippreskrivi li biex persuna toħroġ bil-parole, per eżempju wara nofs it-terminu mogħti lilha, trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Offender Assessment Board u dawk tal-Bord tal-Parole innifsu.  Hemm attenzjoni kbira mogħtija lil dan il-proċess mil-liġi billi għandu jkun hemm kontrolli neċessarji li permezz tagħhom jiġi assugurat li min qiegħed joħroġ qabel, qiegħed verament jirriforma ruħu u jħallas lura ta’ dawk li wettaq ħażin, sija lill-vittma diretta, kif ukoll lis-soċjetà.

6.    Il-proċess tal-bidla li sar permezz tal-Ġustizzja Riparatriċi huwa kbir.  L-impatt tagħha huwa wieħed kumulattiv.  Ma’ kull ġurnata tiżdidilha fl-importanza u fil-mod tajjeb ta’ kif tiġi mħaddma.  Is-suċċess ma jistax ikun immedjat jekk irid isir bis-serjetà, iżda fit-tul.  Żgur mhux forsi, però, sar xogħol tajjeb u kbir sabiex inbidlu diversi strutturi interni, kif ukoll biex tinbidel il-kultura tal-post.  Dak li sar huwa diġà tajjeb ħafna.  U żgur mhux forsi, il-benefiċċju ta’ din il-liġi ser jinħass għada pitgħada fis-soċjetà tagħna.  M’huwiex sew però li hawn min, għall-iskopijiet elettorali tiegħu, jrid jipprova jċekkinha, jmaqdarha u joskuraha fix-xejn.  Filwaqt li nittama li jkolli l-okkażjoni nikteb aktar fuq dan is-suġġett irrid ngħid li x-xogħol li sar, qiegħed isir u għad irid isir, sabiex ikompli jirnexxi appoġġ għandu bżonn u mhux tmaqdir.

15.11.12


Tħajjar ‘il-poplu għas-sewwa.

 

Tul din il-ġimgħa ġew quddiemi, għal darb’oħra dawn il-kliem li San Pawl, fl-ittri tiegħu, jgħallem.  Din is-sentenza, tul din il-leġislatura żammitni naħseb, inżommha f’qalbi u f’moħħi.  Il-politiċi, meta jidħlu fil-Parlament, jidhru minn barra li huma lkoll l-istess.  Biss, l-ideat tagħhom, il-formazzjoni li jġorru, jifirduhom.  Min huwa nisrani u fil-politika għandu responsabbiltà.  Irid jassigura li dak li qiegħed iwettaq huwa konformi mal-valuri li jħaddan.  Din hija linja ta’ ħsieb u aġir hi ferm iktar diffiċli għal dawk li m’humiex hekk preparati u ffurmati.  Min m’għandux prinċipji, min m’għandux direzzjoni, jara l-politika b’mod differenti.

 

Ma jarahiex bħala mezz għas-servizz tal-poplu.  Anqas ma jara li jrid joqgħod attent fil-mod li bih jaġixxi.  M’għandux fih il-bżonn li jkun ġust u li jaġixxi hekk, sija fil-metodu kif ukoll fil-għan tiegħu.  L-ingann, id-doppja faċċja, id-duwalità, in-nuqqas ta’ konsiderazzjoni għad-dinjità tal-bniedem huma aċċettabbli għalih.  Aċċettabbli għax fil-materjaliżmu tiegħu, l-għan jiġġustifika kull mezz.

 

Id-demokratiku nisrani mhux talli m’għandux jagħmel dan, anzi huwa msejjaħ biex ikun politiku ta’ kwalità aqwa.  Irid iġib ruħu skont dawn il-valuri, u fl-istess ħin jara li mhux biss qiegħed jaħdem sew, b’onestà, b’integrità, b’serjetà imma li jwettaq passi, miżuri u liġijiet li jħajru ‘l-poplu għas-sewwa.  Pass diffiċli, ma hemmx dubju.  Iżda jrid isir.  Għax soċjetà timxi ‘l quddiem meta mhux biss tara s-sewwa jsir, imma meta tħajjarha li jaqblilha twettaq is-sewwa.

13.11.12

Wettaqna s-sewwa

1. L-aħbarijiet ekonomiċi ta’ dawn l-aħħar jiem għandhom ikomplu jqawwulna qalbna. Jimlewna bit-tama li d-diffikultajiet fis-swieq, fil-kummerċ u fil-finanzi varji tal-Ewropa u tad-dinja qegħdin fit-triq tal-bidla. Qabdu l-mixja sabiex nirkupraw u nerġgħu naraw il-bini mill-ġdid ta’ soċjetà li kapaċi timxi passi oħra ‘l quddiem. Meta nduru lura u naraw fuq naħa x’ġara lil popli oħra madwarna u fuq in-naħa l-oħra x’ġara f’pajjiżna, nistgħu ngħidu li għamilna ħilitna. Għamilna dak kollu li huwa possibbli sabiex, kemm jista’ jkun, ma ngħaddux minn dak li għaddew minnu oħrajn. Ma jkollniex il-bżonn li ngħaddu minnu. Ta’ dawk li kellhom inaqqsu l-ħaddiema mal-Gvern, ta’ dawk li naqqsu l-pensjonijiet, ta’ dawk li raw inqas nies jaħdmu u negozji jagħlqu.

2. Il-kriżi ekonomika li ħakmitna f’dawn l-aħħar erba’ snin issa qegħda tidher li qed tbatti. Is-sitwazzjonijiet f’numru ta’ pajjiżi madwarna jidhru li qegħdin jinbidlu. Dak li qabel ma kienx kontrollat, issa jidher li huwa. Dak li kien jidher li nieżel ‘l isfel il-ħin kollu, issa hemm stabilità u sinjali li r-rota bdiet iddur biċċa biċċa lura ‘l fuq. Pajjiżna f’dan għandu vantaġġ li jista’ juża tajjeb. Għandu l-vantaġġ li m’għaddiex mill-istess intensità ta’ diffikultajiet u tbatijiet li għaddew minnhom oħrajn. Żammejna l-ekonomija għaddejja, l-impjiegi baqgħu jiżdiedu, bqajna niġbdu l-investiment varju hawn u dan għax ħadna l-miżuri tajba sabiex salvajna dak li ħaddieħor ma kienx kapaċi jsalva. Il-fatt li għażilna li nagħtu prijorità lix-xogħol u nikkonċentraw l-isforzi tagħna biex insalvaw u nkabbru d-diversi fabbriki li daħlu fi kriżi salvatna lkoll.

3. Wettaqna s-sewwa, biss dan ma jfissirx li kull persuna ħadet benefiċċju dirett, anzi diversi minn dak indirett. Dawk li baqgħu fl-impjieg, dawk li sabu wieħed ġdid ħadmu huma u b’dak li qalgħu ħaddmu lill-oħrajn. L-ekonomija hija katina ċara: iktar ma tikber u tkun soda, iktar tmexxi ‘l quddiem ‘il-pajjiż. Fir-realtà, il-pajjiż għandu llum varjetà ta’ setturi li jiggarantixxu x-xogħol. M’għadniex marbuta ma’ linja waħda, iżda b’ġabra li qed iservu sabiex ikabbruna b’rati ta’ tkabbir li qatt ma kellna bħalhom qabel f’pajjiżna. L-iktar importanti però jibqa’ żgur li ma rajniex biss tkabbir temporanju. Żammejna li naraw li kull settur li twieled ġdid kompla jikber u javvanza u ma marx lura. Is-settur tas-servizzi finanzjarji huwa eżempju mill-iktar ċar ta’ dan, fejn il-fruntieri ġodda ma jiqfux jiżviluppaw.

4. Iċ-ċavetta ta’ dan is-suċċess ġejja minn deċiżjonijiet strateġiċi u tajba li ħadna f’dawn l-aħħar snin. Biex kabbarna l-ekonomija ħadna ħsieb li nipprovdu lil min irid jiftaħ negozju ġdid jew investimenti ġodda b’ħaddiem li huwa ferm iktar mgħallem minn ta’ postijiet oħra. Ma ħallejniex l-edukazzjoni tagħna tibqa’ waħda utilitarja. Għax it-tagħlim huwa neċessarju fih innifsu, independement mill-ekonomija. M’għandux jiddependi minnha biex jeżisti. Biss, meta tieħu deċiżjonijiet strateġiċi f’dawn iż-żewġ setturi ssib li l-ekonomija ma tavvanzax ‘il quddiem jekk ma jkollhiex edukazzjoni b’saħħitha li trid li jkollha iktar ċittadini jitgħallmu. U proprju għalhekk li kellna suċċess, għax l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna tant qed iħarrġu tajjeb li għandna x’noffru dak li oħrajn ma jistgħux.

5. Kienet u baqgħet deċiżjoni li ggarantiet is-suċċess tagħna dik li stabbilejna li l-pajjiż irid jinvesti tajjeb fis-soċjetà billi jgħin lill-istudenti f’diversi setturi jirċievu stipendju kontinwu fit-triq tagħhom. Fejn, f’liema pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandhom dan il-vantaġġ li assigura, tul dawn l-aħħar snin, li jkollna aktar Maltin u Għawdxin mgħallma, gradwati, professjonisti li permezz tagħhom il-pajjiż seta‘ jwieġeb f’dan il-perjodu partikolari għall-isfidi li qed niffaċċjaw ilkoll? Il-ġebla tax-xewka tagħna lkoll hija proprju din. Iktar edukazzjoni għal iktar persuni. Illum, tmur fejn tmur, titkellem ma‘ min titkellem issib li għandek iktar familji li għandhom ulied jew neputijiet li daħlu f’xi istituzzjoni edukattiva u ħarġu gradwati.

6. Jistgħu jmaqdruna. Faċli tipprova tagħti x’tifhem li hemm xi ħadd aħjar minna, imma r-realtà hija li ħadd ma jista‘ jmeri li f’dawn l-aħħar snin ħadna deċiżjonijiet tajba. Wettaqna s-sewwa billi ħadna ħsieb norbtu tajjeb l-ekonomija, l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa b’xejn. Fejn ħaddieħor kellu jaqta’ u jnaqqas, aħna minflok għamilna l-kontra. L-impjiegi żdiedu, il-pensjonijiet baqgħu garantiti, il-ħaddiema tal-Gvern baqgħu jaraw is-salarji tagħhom jikbru u kabbarna l-infiq fl-edukazzjoni. Dan huwa mertu ta‘ varjetà ta‘ deċiżjonijiet li ġew meħuda għas-sewwa u t-tajjeb. Il-valuri demokratiċi nsara tagħna żammewna ngħarfu dak li huwa tajjeb minn dak li m’huwiex, dak li huwa ġust minn dak li hu inġust. Wettaqna s-sewwa, u għalhekk qed nerġgħu nsibu s-sewwa.

9.11.12

Moħħ tajjeb

1.    Id-dibattitu li kellna l-Ġimgħa filgħaxija bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni kien verament interessanti.  Kull min daħal lura sabiex jagħti attenzjoni lill-politika f’dawn il-jiem seta’ jara, seta’ jqabbel.  Jara dak li huwa kapaċi jwettaq wieħed u dak li qiegħed jgħid li ser ikun kapaċi jwettaq l-ieħor.  L-elettorat preżenti mhux dejjem jifhem biżżejjed dak li ser niffaċċjaw fl-elezzjoni ġenerali li, għada pitgħada, trid tiġi.  Hawn wisq vuċijiet f’daqqa u hemm ukoll messaġġi li qegħdin jitilqu minn postijiet differenti fl-istess partit.  Dan inissel nuqqas ta’ għarfien ta’ x’qiegħed isir u x’qed jiġi offrut miż-żewġ partiti għal-leġislatura li ġejja.

2.    Għalhekk id-dibattitu tal-bieraħ serva.  Serva biex diversi jaraw li l-Prim Ministru huwa l-uniku persuna li huwa verament kapaċi jmexxi ‘l quddiem lill-poplu u lill-pajjiż tagħna.  Il-bniedem, tul id-dibattitu kollu baqa’ attent u ffukat f’dak li qiegħed jgħid.  Preparat ħafna, u kien kapaċi jfiehem tajjeb ħafna dak li aħna, ir-riżultati li ksibna u fejn qed nimmiraw li mmorru.  Kien ċar mill-bidunett li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedx jidħol fid-dibattitu.  Jibqa’ jsegwi dik il-linja politika li biha toqgħod barra milli tipprova tagħti kontribut, tistenna biss il-jiem tal-elezzjoni biex minn hemm tipprova tagħti perċezzjoni li kapaċi.  Hemm forom differenti ta’ għażż mentali u, sfortunatament, din waħda minnhom.  Fir-realtà hija għal kollox żbaljata għax proprju kull politiku għandu dmir li jkun pożittiv u jaħdem għas-sewwa.

3.    F’dan id-dibattitu, il-Kap tal-Oppożizzjoni tilef opportunità oħra li jibda jiddikjara dak li beħsiebu jimplimenta jekk l-elettorat jivvutalu.  Kien il-ħin kollu f’pożizzjoni li mhux biss jikkritika, imma li jkun ukoll kostruttiv f’dak li ser ikun qed jipproponi.  Minflok mar direttament għall-punt baqa’ jdur, jitkellem fl-arja u jipprova jagħti x’jifhem li dak li jaħseb,  min qed jisimgħu, qed jifhmu.  Da parti tiegħu kien fiċ-ċar eżerċizzju f’dak li hija l-politika żbaljata.  F’dak li m’għandniex nistennew u dak li, fir-realtà, jixħet lura l-kamp politiku kollu kemm huwa.  Meta politiku jieħu dan l-atteġġjament, flok ikun qiegħed iwassal għall-ideat li jagħmlu l-ġid, ikun qiegħed jostakolahom.  Ngħid li b’dak li sar il-Ġimgħa l-pajjiż qiegħed, biċċa biċċa jinduna li l-linja tiegħu hija waħda li la għamlet terrimoti u wisq u wisq inqas kapaċi tibdel xi ħaġa.

4.    Il-kuntrast kien ikbar għalhekk waqt id-dibattitu.  L-uċuh taż-żewġ mexxejja kienu jindikaw, fuq naħa l-indifferenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u l-oħra l-għarfien tal-piż tar-responsabbiltà ta’ min irid imexxi ‘l quddiem.  Kull domanda li saret lil Lawrence Gonzi weġibha.  Ma ħarabx b’risposti sempliċi jew li jevadu l-punt.  Kien kull darba preċiż, korrett u trasparenti.  Ta spjegazzjonijiet li juru li wara d-deċiżjonijiet u l-linji politiċi li ħa kien hemm raġunijiet li huwa wera.  Kien f’dan ukoll kapaċi jmur fil-livell ta’ kull wieħed u waħda minna.  Ma ppruvax jitkellem għall-udjenza intellettwali jew li hi biss tifhem fis-suġġett, imma mar biex iwassal biċ-ċar il-kif u l-għala.  Dan, il-persuni li segwew il-programm, apprezzawh.  Bħal ma apprezzaw ħafna li f’ebda mument ma kien hemm xi kumment żejjed u bla sens da parti tiegħu.  Żgur mhux forsi, min jaħseb għaraf li, anke jekk ma jaqbilx miegħu xorta huwa bniedem mimli b’esperjenza u intelliġenza.

5.    Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma qagħadx attent f’dan.  Il-politika mhix xi logħba madwar il-mejda tal-ikel li tista’ tqum minnha u tittraskura.  Kull min qiegħed fiha jrid jagħti sehmu.  Il-Ġimgħa deher li jrid jagħmel dan, u dan minkejja li issa ż-żmien qiegħed isir.  Għalhekk, il-partit fl-Oppożizzjoni, għalkemm għandu d-dmir jieħu sehem veru, qiegħed jiżbalja li jkompli jaħrab minnu.  Għandu d-dmir li jibda jindika x’ser jipproponi li jagħmel għal-leġislatura li ġejja.  Ma jistax, dejjem jekk l-ewwel irid ikun kredibbli u t-tieni jipparteċipa fil-politika t-tajba, jibqa’ jkun gallarija jħares ‘l isfel lejn dak li huwa għaddej.  Il-politika ekonomika tiegħu hemm bżonn tkun trasparenti, bħal ma hemm bżonn jiċċara kif ser inaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew kif ser jibni s-sistema ta’ tassazzjoni tagħna lkoll.  Li taħrab minnhom kull darba, li taħrab li twieġeb, turi li minflok ma għandek ebda politika ta’ xejn ippreparata.  Allura l-linja tiegħek tiegħek hija biss li tidher li ser twettaq xi ħaġa li fil-fatt illum diġà taf li  m’intix kapaċi twettaq.

6.    Fl-aħħar tad-dibattitu, deher ferm iktar evidenti li l-Prim Ministru kien serju u onest f’dak li qal u wettaq.  Kien ferm iktar leali lejn il-poplu Malti.  Ma ppruvax juri dak li m’huwiex, iżda wera x’inhija l-pożizzjoni preżenti tal-pajjiż.  Wera iktar li, fix-xenarju sħiħ tagħna, kien mhux biss kapaċi jaffronta dak li għaddejna u għadna għaddejjin minnu, imma wkoll li jħares ‘il quddiem.  Kliemu ma’ kienux marbuta ma’ viżjoni limitata għall-preżent, imma waħda li qegħda tħares lejn il-futur.  Tul il-programm ħarġet il-verità li l-bniedem għandu ċar f’moħħu dak li jrid iwettaq għada pitgħada.  Ta’ dak li jara x’għandu jsir sabiex il-poplu javvanza mhux bi proposti li ma jistgħux iseħħu, imma proprju sforz l-esperjenza li ġabar ta’ dak li verament kapaċi jitħaddem biex minnu joħroġ il-ġid.  Żgur mhux forsi, fl-aħħar tal-programm dawk li huma liberi fl-opinjonijiet tagħhom fehmu li ma hemm ħadd li huwa kapaċi jissuperah, li għandu l-moħħ sabiex imexxi tajjeb lil dan il-poplu u lil dawn il-gżejjer.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...