18.11.12


Bżar fl-għajnejn

1.         Ftit huma dawk li jistgħu, b’xi mod, jiċħdu li din kienet leġislatura li ma rajniex bħalha fil-passat.  Id-diffikultajiet li soltu jakkumpanjaw Gvern sabu magħhom diversi oħrajn ġodda.  Oħrajn li kkumplikaw ferm iktar u, fl-istess ħin, żiedu fl-isfidi tal-ġurnata.  Ġiebu magħhom għażliet li kull min f’xi mument kien mgħobbi bil-piż tar-responsabbiltà jagħraf li ma kien faċli xejn.  Mhux ser noqgħod insemmi pass pass dak li seħħ f’dawn l-aħħar ħames snin.  Huma magħrufa għad-dinja, imma mhux neċessarjament f’dan il-pajjiż.  Għax għad hawn min jimmaġina li l-kriżijiet finanzjarji li seħħew u għadhom għaddejjin huma biss parti minn storja maħluqa mill-Gvern bħala skuża.

2.           Din hija, sfortunatament, parti mill-istorja ta’ dan il-poplu li parti minnu jrid jiġi misinfurmat.  Parti minnu jrid jiġi misqi dak li mhuwiex, fejn l-aħbar tiġi mdawra sabiex is-sabiħ ikun ikrah, il-fatti jinġiebu bħala gideb.  Ir-riżultat huwa doppju.  L-ewwel, ġabra ta’ persuni li huma aljenati, maqtugħa mill-ħajja, mir-realtà.  It-tieni, id-diffikultà futura ta’ min irid imexxi sabiex ifiehem li dak kollu li kien qiegħed jisqi ma kienx minnu.  Il-kunfidenza li tilgħab mal-verità twassal sabiex f’moħħ min jitkellem ma jibqax daqshekk ċar il-fatt mit-tgħawwig tiegħu.  Hemm min isir espert ta’ dan.  Kapaċi jbiddel dak li huwa minn dak li jiġi perċepit.  Għalhekk, il-kumplikazzjonijiet jikbru fis-soċjetà tagħna.

3.           Illum hija żviluppata b’mod ċar u dirett sistema differenti ta’ kif issir il-politika.  Għax appena taqta’ r-realtà u l-fatti mid-diskors politiku tiegħek, allura tkun qiegħed tibni fl-arja.  Tagħti x’tifhem ħaġa, tagħti x’tifhem li jista’ jseħħ dak li minnu nnifsu ma jistax għax hu mibni fuq ir-ramel.  Ramel li jiċċaqlaq u miegħu kull ma wieħed ikun iddikjara.  Kif tibda tindirizza l-viżjoni tiegħek, dak li trid li jseħħ fuq dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet taqta’ mill-possibilità li twettaq ħwejjeġ li jagħmlu verament il-ġid.  Jista’ jkollok ċapċip f’dak il-mument li tgħid il-ħmerijiet, però fit-tul ser ikollok taffronta li dak li għedt kien biss bżar, l-ewwel f’għajnejn min semgħek u wara f’tiegħek stess.  L-unika konsolazzjoni li jibqa’ jkollna hi li minn dak li nara u dak li jgħiduli, l-poplu jfittex il-verità.

4.            Ifittex, però jdum sabiex isibha u jifhem.  Fil-frattemp għandu perjodi li fihom hemm l-istedina li jibda jemmen li dak li m’huwiex minnu huwa l-verità.  Tul kull parti mill-ħajja politika ta’ stat demokratiku, dan qisu jrid iseħħ kontinwament.  Fejn kull partit, f’dożi differenti jkun irid jagħti x’jifhem dak li inti trid tifhem sabiex iġib il-kunsens elettorali.  Minn dak li nisma’ u  mmiss b’idejja però, hawn mewġa fi ħdan l-elettorat li ma jridx jiġi maħkum minn kampanji li jeħduh f’toroq li ma jridx u fuq kollox iwaqqgħu għaċ-ċajt l-intelliġenza tal-votant.  F’dawn l-aħħar xhur qed nara reazzjonijiet iktar qawwija kontra t-tabelli li bdew jiddominaw it-toroq tagħna, b’diversi jirnexxilhom jibgħatu messaġġi mhux differenti, imma l-kontra ta’ dak li oriġinarjament riedu jagħtu.

5.           Hawn diversi li bdew, b’effett kumulattiv, jibgħatu l-messaġġ lilna lkoll li qegħdin jippretendu ferm aħjar milli qegħdin nagħtu.  Il-politika tal-perċezzjoni naħseb li bdiet tasal fil-venda tagħha għall-partijiet determinanti mill-elettorat.  Hemm ferm inqas tolleranza għall-politika tal-parenza, tad-duwalità, fejn l-immaġini biss hija importanti.  Qiegħed nara, u ma naħsibx li jien żbaljat, li l-fiduċja fid-diskors tal-politiku trid tiġi mkejla l-ħin kollu b’persuni li jridu jdaħħlu idejhom fil-ferita.  Hawn iktar li jridu l-verità tingħad b’iktar saħħa minn qatt qabel.  Tingħad għax hawn min qiegħed jirreżisti b’iktar saħħa li jiġi mitmugħ in-nuqqas tagħha.

6.           Ħassejt iktar dan bl-aħħar avviż pubbliku tal-Partit Laburista, li qiegħed jiddikjara li hemm bżonn ta’ iktar flus fil-but.  Messaġġ li, mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn, irid jagħti x’jifhem li dan il-partit ser iġib iktar flus.  Messaġġ li minnu nnifsu huwa bażat fuq dak li ma jistgħux jagħtu.  L-ewwel, għax meta kienu fil-Gvern ma ġġenerawx xogħol u ġid għal kulħadd iżda għall-ftit minn tagħhom; it-tieni, għax fis-sitwazzjoni ekonomika li qed ngħixu, dan huwa biss daħk fil-wiċċ u t-tielet, għax l-istess messaġġ huwa biss dikjarazzjoni mingħajr xi forma ta’ impenn għaliha.  Il-politika tal-bżar fl-għajnejn ma twassalx għas-sewwa.  Il-poplu jarah dan, għax irid iktar li l-politiku jispjega fid-dettall x’ser jibdel, u kif.  Proċess li aktar ma jersaq jum l-elezzjoni ġenerali, iktar ser jesiġi risposti diretti.  F’dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura miegħu nnifsu li jibqa’ dak li jgħid is-sewwa u ma jkunx dak li jidħol fix-xalata li jixħet il-bżar fl-għajnejn.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...