26.11.12

Inbidlet id-direzzjoni




1.             Il-vot favur il-ħabib u sallum Viċi Prim Ministru Tonio Borg fil-Parlament Ewropew tul din il-ġimgħa sabiex jilħaq Kummissarju għandu jservi bħala punt ta’ riflessjoni.  Riflessjoni fuq dak li seħħ u fuq dak li nbidel.  Fil-verità f’ebda mument, żgur mhux forsi, ma kellu jgħaddi mit-travalju li għaddewh minnu.  Ma kienx hemm bżonn ta’ diskors żejjed li ngħad minn membri parlamentari li, jew ma kinux infurmati tajjeb biżżejjed fuq il-fatti, inkella b’intenzjoni għażlu li jippruvaw jieħdu xi linja fil-gazzetti billi jgħidu l-ħmerijiet.  Il-preludju għal dan il-vot kien wieħed xejn denju tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni Ewropea.  Kien hemm għaddej manuvrar politiku marbut mal-fatt li l-gruppi politiċi li m’humiex mal-Partit Popolari Ewropew riedu jimbarazzawh.  Issa li kien hemm għażla ta’ Kummissarju waħdu u tal-Partit Popolari riedu jieħdu għalihom dak li ħasbu li ser ikun vantaġġ politiku.  Id-diskors li ngħad kien intenzjonalment u fir-realtà attakk dirett lejn il-valuri u l-pożizzjonijiet li dan il-partit ħa tul dawn is-snin.

2.             Kien u għandu jibqa’ hekk: eżerċizzju leġittimu u demokratiku li l-membri parlamentari jistaqsu domandi lil min ikun ser jiġi maħtur Kummissarju.  Biss, meta dan jaqbeż l-iskop prinċipali, allura jitlef mis-sens u s-sustanza tiegħu u jsir abbuż.  Ma kienx hemm lok għal sessjoni twila tlett siegħat b’domandi li wħud kienu fuq is-suġġett, però diversi oħrajn kienu kompletament barra minnu.  Kien ċar li kien hemm aġir żbaljat, iktar u iktar meta ma’ kull domanda kien hemm risposti diretti u ċari.  Ma kien hemm xejn kontra Tonio Borg, u kull min semgħu nduna li huwa għandu l-abbiltajiet iservi fil-kariga ta’ Kummissarju Ewropew.  Min daħal bi preġudizzju nduna kemm kien infondat.  Biss, kien ċar u ovvju għalina li minħabba raġunijiet politiċi riedu joħolqu pretest li fuqu ma jivvutawx favur.

3.             Kien proprju għalhekk li, minkejja l-fatt li ma setgħu jgħidu xejn fuqu, waqt l-udjenza xorta waħda ppruvaw jivvintaw raġuni biex jivvutaw kontra billi talbuh dikjarazzjoni fuq punti li għalihom kien diġà ta spjegazzjoni ċara.  Dan l-aġir, fl-opinjoni tiegħi, kien wieħed żbaljat u barra mit-termini li bihom l-istituzzjonijiet huma mistennija jaħdmu.  Seħħ preċedent perikoluż li ser jeffettwa xenarji oħra f’sitwazzjonijiet differenti.  Ngħid li ma kellux ikun, u anqas għandu jkun, li Kummissarju jiġi soġġettat għal dikjarazzjonijiet simili.  Ġej minn liema partit ġej.  Jekk tidħol din il-prattika jkollna pożizzjonijiet kaotiċi li jnaqqsu mill-paċi u koerenza li għandu jkun hemm.  Ngħid li l-Partit Popolari għandu jikkunsidra li jressaq dan l-aġir żbaljat għall-konsiderazzjoni u janalizza iktar jekk kienx illegali.

4.             Il-manuvrar li rajna quddiemna, fortunatament, ma rebaħx il-ġurnata.  Numru ta’ deputati mill-grupp tal-Partit Soċjalista u tal-Ħodor għażlu, fil-kuxjenza tagħhom, li ma jsegwux dak li kien qed jingħad mill-membri tal-partit tagħhom u vvutaw favur.  Il-vot tagħhom ingħaqad ma’ dawk tal-Partit Popolari u bihom, għal darb’oħra, rebħu r-raġuni u s-sens komun.  Fehmu li, żgur mhux forsi, kien ikun żball għall-Unjoni Ewropea li tivvota kontra persuna li nftiehem minn kull rokna tad-dinja li kien jaf x’inhuwa jgħid.  Persuna li fir-realtà ilu magħruf u b’mod tajjeb fil-ħidma tiegħu ta’ ministru fil-Kunsilli tal-Ministri varji li pparteċipa fihom.  Kien ikun żball oħxon għax l-Unjoni kienet tixħet fuqha dell ikrah.  Dell li jċekken ‘l-Unjoni fil-konfront ta’ żoni politiċi u ekonomiċi oħra.  Tnaqqas mill-fiduċja u fl-istess ħin tibgħat il-messaġġ li l-Unjoni ta’ 27 Stat mhix soda imma waħda difettuża, li mal-inqas ħmerija tispiċċa f’piki bla sens, li żżid is-saħħa tal-ewroxettiċi.

5.             Ħadd ma jista’ jippermetti lilu  nnifsu jaħseb li dak li hu, jew dak li jwettaq, ser ikollu l-kunsens ta’ kull prsuna.  Kien ċar mill-bidu li kien hemm min, jagħmel x’jagħmel il-Kummissarju l-ġdid, ma kienx ser jogħġbu.  Dan huwa normali fil-bnedmin, biss kien iktar interessanti mhux tant dan l-aġir, iżda fuq liema punt ma kienx ser ikun hemm qbil.  Dawk li riedu, u vvvutaw kontra, bbażaw kollox fuq l-abort u l-formazzjoni kattolika tiegħu.  Għal min huwa intiż, għal darb’oħra kien qiegħed jinħema x-xenarju li sab ruħu fih Rocco Buttiglione.  Ministru dak iż-żmien, u esponent importanti tal-linja demokratika nisranija Taljana.  Saret battalja li fl-aħħar tal-ġurnata ġie reġistrat, fil-qosor, li m’hemmx post għall-kattoliċi konvinti fl-istituzzjonijiet Ewropej.  Kien eżerċizzju mill-iktar umiljanti u li bagħat messaġġi żbaljati.

6.             Tonio Borg, mertu tiegħu, kien ferm iktar preparat għal dan l-appuntament.  Preparat fuq żewġ livelli : l-ewwel, l-esperjenza nazzjonali li basktitu biex jifhem u jiflaħ aħjar għall-attakki nġusti li ġew minn diversi direzzjonijiet.  It-tieni, kien diġà evidentement preparat għal din it-triq.  Preparat sabiex, bid-determinazzjoni tiegħu, jservi sabiex tinbidel id-direzzjoni fl-Unjoni Ewropea.  Dak li qabel kien kważi impossibbli għall-kattoliku li jaffronta u jirbaħ, issa ġie megħlub.  Issa hemm preċedent favur is-sewwa.  Dan fih innifsu għandu jawgura tajjeb għalina lkoll.  L-Ewropa għandha għeruq insara li ma tistax, avolja hemm min jipprova jagħmel dan, tiċħadhom.  L-impenn tagħna fil-politika għandu jibqa’ wieħed li juri b’mod ċar li l-valuri li nħaddnu m’aħniex ser immorru lura minnhom.  Anqas m’aħna ser nibżgħu niddefenduhom.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...