16.11.12

L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi

1.    Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, dan l-Att ġie approvat mill-Parlament tagħna u sussegwentement, is-sena ta’ wara, nġieb fis-seħħ.  Dan l-Att huwa pass importanti fis-sistema ġuridika tagħna.  Pass li fuqu nistgħu niftħu kapitolu verament ġdid sabiex persuni li jsibu ruħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara sentenza tal-Qrati ta’ dawn il-gżejjer, ikunu jistgħu jirriformaw ruħhom.  Il-piena minnha nnifisha hija deterrent.  Il-ħsieb biss li tista’ tqatta’ xi żmien nieqes mil-libertà tiegħek ġewwa ċella, żgur mhux forsi, għandu l-effett li jżomm lil dak li jkun milli jġib ruħu b’mod żbaljat.  Dan fih valur, però l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin turi biċ-ċar li m’huwiex biżżejjed.  Hemm bżonn ta’ strutturi oħra li jibdlu lil dawk li jirfsu l-bieb tal-post.  Dawn huma issa parti mis-sistema, u bdew jaħdmu.

2.    Dan il-pass huwa wieħed importanti ħafna.  Diġà għamilnih u qiegħed jagħti l-frott tiegħu.  M’huwiex faċli tibdel bnedmin li jkunu draw jgħixu ħajja li twassalhom għall-kriminalità.  Hemm min żbalja darba u hemm min iktar minn darba.  Kull persuna ħaqqha l-attenzjoni neċessarja da parti mill-Istat.  Ħaqqha li wieħed jipprova jibdilha billi jagħtiha programm biex tista’ taqbad triq differenti milli qabdet.  L-eżempji ħżiena jridu jiġu kumbattuti b’dawk tajba.  Ċittadin, jekk mar fejn m’għandux, irridu ngħinuh.  Dik l-għajnuna tista’ ssir billi jinbena pjan għal kull persuna skont il-karattru, l-esperjenza, l-edukazzjoni u t-tfixkil li għandha.  Bl-Att hawn fuq imsemmi, sar issa parti mil-liġi li min daħal fil-Faċilità jitqiegħed fuq ħidma biex jinbidel.  Mhux kull programm huwa l-istess.  Dak li jgħodd għal persuna mhux neċessarjament ikun jgħodd għal persuna oħra.  Mhux biss, imma dik il-persuna jrid ikollha l-volontà li tibdel lilha nfisha billi tidħol għal dan il-programm ta’ riforma.

3.    Biex tassigura li min qiegħed fil-Faċilità, hu min hu, jidħol għal dan il-programm, il-liġi ħadet ħsieb iddaħħal għall-ewwel darba żewġ kunċetti ġodda.  L-ewwel, dak tal-parole; u t-tieni, li r-remissjoni trid taħdem għaliha.  Is-sistema ma tħarisx lejn il-parole u r-remissjoni bħala toroq alternattivi għal xulxin, fis-sens li min qiegħed fil-Faċilità jrid jagħżel liema triq jaqbad, bl-esklużjoni tal-oħra.  Imma triq hemm waħda: dik li jekk trid tieħu l-benefiċċju tal-parole jew tar-remissjoni, trid bilfors tidħol għall-programm.  Jekk trid toħroġ qabel il-piena imposta mill-Qorti, allura trid taħdem għaliha.  Dan sar għax inkella kien ikun hemm il-periklu li ma jkunx hemm l-impenn neċessarju sabiex, min qiegħed hemm ġew, jibdel lilu nnifsu.  Għax qabel, ġaladarba priġunier ma kienx jaqla’ nkwiet, allura kien jista’ jieħu r-remissjoni, li hija tnaqqis ta’ terz tal-piena.  Dan fisser għalhekk li r-remissjoni ma baqgħetx tiġi kkunsidrata bħala awtomatika, imma sistema li fiha persuna trid tibda taħdem għaliha wkoll, bħall-parole.

4.    Illum, il-Bordijiet kollha taħt il-liġi huma mwaqqfa.  Għalhekk, il-pjan ta’ kura għal kull persuna jrid jiġi approvat mill-Offender Assessment Board, li jorbot.  Fuq dan il-pjan, dak li twettaq il-persuna li tkun hemm ġew, allura tista’ tibbenefika skont kemm issegwih u kemm taħdem, sija mir-remissjoni kif ukoll mill-parole.  Fil-Faċilità diġà hemm qed jaħdmu l-mekkaniżmi neċessarji għal dan il-għan.  Il-Bord tar-Remissjoni, magħmul minn erba’ persuni, diġà qiegħed jara jekk japprovax jew le l-għotja tar-remissjoni u jista’ jimponi kundizzjonijiet fuq min jingħata dan il-benefiċċju.  Il-Bord tal-Parole twaqqaf huwa wkoll u diġà qiegħed jikkunsidra t-talbiet għal dan il-għan.  Kuntrarjament għad-diskors żbaljat li ngħad minn uħud, is-sistema diġà bdiet taħdem, u b’mod tajjeb.

5.    Biss, bħal kull sistema ġdida, ma tistax tirnexxi f’daqqa imma meta takkumula l-esperjenza li tiġi maż-żmien.  Biex persuni jkunu jistgħu jibdew jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-sistema jrid ikun jimmeritahom.  Il-liġi, li ġiet approvata bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra, tippreskrivi li biex persuna toħroġ bil-parole, per eżempju wara nofs it-terminu mogħti lilha, trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Offender Assessment Board u dawk tal-Bord tal-Parole innifsu.  Hemm attenzjoni kbira mogħtija lil dan il-proċess mil-liġi billi għandu jkun hemm kontrolli neċessarji li permezz tagħhom jiġi assugurat li min qiegħed joħroġ qabel, qiegħed verament jirriforma ruħu u jħallas lura ta’ dawk li wettaq ħażin, sija lill-vittma diretta, kif ukoll lis-soċjetà.

6.    Il-proċess tal-bidla li sar permezz tal-Ġustizzja Riparatriċi huwa kbir.  L-impatt tagħha huwa wieħed kumulattiv.  Ma’ kull ġurnata tiżdidilha fl-importanza u fil-mod tajjeb ta’ kif tiġi mħaddma.  Is-suċċess ma jistax ikun immedjat jekk irid isir bis-serjetà, iżda fit-tul.  Żgur mhux forsi, però, sar xogħol tajjeb u kbir sabiex inbidlu diversi strutturi interni, kif ukoll biex tinbidel il-kultura tal-post.  Dak li sar huwa diġà tajjeb ħafna.  U żgur mhux forsi, il-benefiċċju ta’ din il-liġi ser jinħass għada pitgħada fis-soċjetà tagħna.  M’huwiex sew però li hawn min, għall-iskopijiet elettorali tiegħu, jrid jipprova jċekkinha, jmaqdarha u joskuraha fix-xejn.  Filwaqt li nittama li jkolli l-okkażjoni nikteb aktar fuq dan is-suġġett irrid ngħid li x-xogħol li sar, qiegħed isir u għad irid isir, sabiex ikompli jirnexxi appoġġ għandu bżonn u mhux tmaqdir.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...