1. Fil-ħajja, fil-politika, tista’ tkun int innifsek u tista’ tipprova timita lil ħaddieħor. Tista’ turi lilek innifsek f’dak li m’intix, jew tibqa’ tikkumbatti sabiex tkun li int. Meta tkun dak li m’intix, tispiċċa tiżbalja. Dan hu li qiegħed jiġri preżentement fil-Partit Laburista. Irid ikun dak li m’huwiex. Irid jidher f’termini li għalih huma aċċettabbli għal diversi setturi fis-soċjetà. Għalhekk telaq jgħid u jagħmel diskors, azzjonijiet li qed isiru mhux fuq xi linja ta’ prinċipju, fuq xi linja ta’ valuri li huma kienu jew għadhom iħaddmu, imma għall-espedjent politiku. Ma hemmx direzzjoni interna vera, ma hemmx boxxla ċara li permezz tagħha l-elettorat jista’ jifhem u, jekk irid, jidentifika ruħu magħha. Hemm minflok varjetà ta’ messaġġi li joħorġu skont l-udjenza. Messaġġi li jħawdu u, fl-istess ħin, jikxfu dak li huma.
2. Fil-politika ta’ sustanza, l-ewwel linja li trid titlaq tikteb minnha hija dik li turi dak li int u dak li verament trid tirrappreżenta. F’dawn l-aħħar snin il-Partit Laburista, permezz tal-mexxej il-ġdid però mingħajr esperjenza, irnexxilu jitlef lilu nnifsu. Daħal fi sqaqien politiċi li minnhom irid bilfors imur lura. Ftit ilu l-ħsieb kien li biex it-tmexxija tkun aċċettabbli trid tibda timita lill-Partit Nazzjonalista, mentri issa qegħdin joħorġu bl-ideat tagħhom. Dak li jiġi naturali fi ħdan il-partit fil-Gvern, f’dak tal-Oppożizzjoni qiegħed jiġi b’artifiċjalità. Altru temmen f’linja politika għax hija verament tajba u ċert li ser tagħti frott bnin lill-poplu, u altru tiddikjara l-affarijiet fuq xufftejk mingħajr ma tifhem sewwasew x’qiegħed tgħid. Mexxej ta’ dawn il-gżejjer għandu, bħala minimu, jkun jaf dwar x’hiex qiegħed jitkellem u almenu jemmen b’parti sew minn qalbu f’dak li qiegħed jgħid.
3. Meta ma tkunx ċar miegħek innifsek, meta ma jkollokx diġà l-ideat retti tiegħek, allura tispiċċa titmexxa minn ħaddieħor. Tispiċċa jkollok id-diskorsi importanti tiegħek miktuba minn oħrajn. Oħrajn li jeħduk mhux fejn forsi trid tmur int, imma fejn iridu jmorru huma. Jekk ma jkollokx l-ankri tas-sewwa politika fik, allura serraħ moħħok li mhux ser tinduna b’dak li qiegħed isir u għalhekk sejjer titkaxkar. Hekk qed nifhem li ġralu l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar meeting pubbliku ġewwa Ta’ Qali. L-isforz prinċipali tiegħu kien dak li jikkonċentra iktar fuq il-forma, milli fuq is-sustanza. Iktar kif ser jidher li qiegħed jitkellem, ma’ min ser jiġi mqabbel, milli ma’ dak li hu verament il-messaġġ. Rajnih u smajnih irid juri lilu nnifsu bħala mexxej partikolari passat.
4. Rajnih jipprova jimita lil dak li huwa inimitabbli. Forsi qiegħed jerġa’ jara l-filmati l-antiki tad-diskorsi li kienu saru qabel fil-Menqa, li llum huma irrepetibbli. Salv li f’moħħ ċerti nies fi ħdan il-grupp ta’ direzzjoni tal-partit jaħsbu, tajjeb jew ħażin, li l-elettorat laburista jrid jerġa’ jisma’ u jara l-istess spettakli li kien jara qabel. Is-Sibt li għadda kien hemm ċar għad-dawl tax-xemx li dak il-partit għadu mwaħħal fil-passat tiegħu. Sfortunatament għadu jaħseb li l-pajjiż baqa’ lura u fih ma sarx progress. Għadu ma fehemx li l-poplu huwa iktar edukat u mgħarraf minn qabel. Għalhekk joħroġ bi proposti mwielda fil-passat u llum qed jingħadu lura. Hemm lista tagħhom li tarahom joħorġu biċċa biċċa. Ma hemmx biss din id-dikjarazzjoni li l-pagi tal-ħaddiema m’għandhomx jiġu mċaqalqa. Hemm oħrajn li nagħrfuhom fil-pinna ta’ min għadu jaħseb li huwa tajjeb li tikkontrolla n-negozju, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-bnedmin fil-bżonnijiet tagħhom. Ta’ min mill-passat irid jiddetta lil tal-preżent.
5. Li taħseb biss li għandek tħabbar politika ekonomika li fiha l-pagi tal-ħaddiema għandhom jiġu ffriżati sakemm, skont xi ħadd fil-Partit Laburista jiddeċiedi li l-pajjiż ħareġ minn kriżi li ser jidħlu fiha huma bil-proposti żbaljati tagħhom, hija verament inkredibbli. Ma titwemminx proprju għax konna qed nippruvaw naħsbu, u bil-ħniena nittamaw, li bil-mexxej il-ġdid l-affarijiet iċċaqilqu f’direzzjoni tajba. Imma minflok qed nerġgħu nifhmu dak li qal deputat laburista ftit taż-żmien ilu meta kkwota ġurnalist Sqalli li kien qal fi ktieb famuż li iktar ma jidhru li jinbidlu l-affarijiet, iktar jibqgħu l-istess. Il-mimmi t’għajnejn il-Partit Nazzjonalista tul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari f’din il-leġislatura, kienu u baqgħu l-ħaddiema. Bqajna ffukati biex insalvaw u nżidu fl-impjiegi f’dawn il-gżejjer. Bqajna nfittxu strumenti ġodda biex nagħtu dinjità u fl-istess ħin nassiguraw li jkun hemm pagi aħjar. Il-poplu, żgur mhux forsi, illum japprezza ferm iktar li għalkemm konna ssikati ħafna bil-pressjonijiet ekonomiċi li nħolqu minn barra minn xtutna, qatt ma waqajna f’din il-ħmerija.
6. Anqas min iħaddem ma jibla’ ħaġa bħal din. Illum, min qiegħed iħaddem, min għandu l-ispazju liberu li juża t-talenti tiegħu fil-kummerċ jagħraf li hija kontroproduċenti li timxi ma’ din il-linja ekonomika. Jagħraf li l-friża tal-pagi tnaqqas mill-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiem. Min iħares ‘il quddiem, min irid jiġbed iktar xogħol minn barra minn xtutna jagħraf li ċ-ċavetta hija l-edukazzjoni u mhux il-kontroll tal-pagi. Għax l-edukazzjoni, illum ilkoll għandna (mertu tal-Partit Nazzjonalista) nirrikonoxxu li hija ċ-ċavetta sabiex il-ħaddiem Malti u Għawdxi jiġi stmat u mhux mormi. Il-Partit Laburista, sfortunatament, lura mill-passat għandu f’rasu li ser isolvi l-problemi billi jiffriżahom. Il-mentalità, il-linja politika tagħhom hija għal kollox żbaljata. Il-ħaddiem ma jixraqlux Gvern immexxi minnhom proprju għax jitlef dak li għandu llum. Għalhekk, nibqgħu impenjati u determinati sabiex il-pajjiż ma jaqax f’idejn tmexxija antika, imma jibqa’ f’idejn dik progressiva – dik tal-Partit Nazzjonalista.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment