1. Hemm ħidma li ssir fil-Kamra tad-Deputati li ma tingħatax attenzjoni fit-tul. Dak il-ħin li tiġi preżentata u diskussa, din il-ħidma tingħata xi forma ta’ kitba fil-gazzetti lokali iżda wara tintesa’ għax diversi emendi li saru f’dawn l-aħħar snin, proprju għax kollox jiddependi minn xi jkun hemm x’jiġi rappurtat, ftit ġew għad-dawl. Biss, l-emendi li saru għad-diversi liġijiet ta’ pajjiżna qed iservu sabiex imexxu ‘l quddiem is-setturi varji tal-aspetti soċjo-ekonomiċi ta’ din is-soċjetà. Stat jimxi fit-triq it-tajba skont kemm ikollu liġijiet li jimxu id f’id man-nies. Dak li sar minn dan il-Gvern assigura iktar li aħna għandna għad-disposizzjoni tagħna qafas ta’ liġijiet li jindikaw li hawn ċiviltà akbar, livell ogħla minn dak li qatt kellna.
2. Hemm lista twila ta’ emendi u liġijiet ġodda li saru. Kelli l-esperjenza pożittiva li rajt l-effett dirett ta’ dak li twettaq u nġieb fis-seħħ. Il-Kodiċi Ċivili ġie emendat numru ta’ drabi u kull darba mxejna sabiex nirfinaw dak li konna għamilna u dak li kellna preċedentement. Huwa diffiċli li f’dan l-artikolu ndur kull emenda, speċjalment fl-ewwel ġabra li kont tajt sehmi fiha fis-sena 2004 fejn saru tibdiliet varji fil-Kodiċi li jirrigwardaw il-familja, il-proprjetà u s-suċċessjoni. Fortunatament imxejna sew ‘il quddiem u rnexxielna nibqgħu nħarsu lejn partijiet varji tal-liġi. F’kelma waħda, li tara kif qegħdin jiffunzjonaw għall-ġid tal-poplu dawk il-miżuri li jkunu saru u jekk humiex jiġbdu fit-triq li kienet oriġinarjament indikata. Dan kien jitlob ħin u diskussjoni mal-persuni direttament involuti biex wieħed jifhem bil-preċiż dak li qiegħed isir u kif jista’ jiġi effettivament ameljorat.
3. Kien hemm ukoll avvanzi li saru fejn daħħalna fil-liġi partijiet li qatt qabel ma kienu jeżistu u effettivament ġew regolati setturi li kienu qegħdin jaħdmu legalment mhux għax kellna liġi speċifika dwarhom. Żewġ setturi partikolari li kelli l-pjaċir nara jidħlu fis-seħħ wara snin ta’ ħdima kienu dawk tal-assikurazzjoni fuq il-ħajja u dawk marbuta mal-persuna ġuridika, il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet. L-assikurazzjoni fuq il-ħajja (life insurance) kienet ilha titħaddem f’kuntratti (poloz) varji ta assikurazzjoni li daħlu għalihom il-Maltin u l-Għawdxin. Biss, ħafna drabi konna nemmnu dak li tgħid il-liġi Ingliża mingħajr ma konna nħarsu effettivament lejn integrazzjoni tajba mas-sistema legali, speċjalment fil-każijiet ta’ wirt. Dan apparti problemi marbuta mal-flessibilità ekonomika tagħha, l-operazzjoni u l-kontroll, kif ukoll l-estenzjoni ta’ poloz ta’ assikurazzjoni għal setturi varji (group policies). Illum, is-sistema legali tagħna hija ferm iktar progressiva u filwaqt li qabel il-polza ta’ assikurazzjoni kienet marbuta mal-konjuġi fiż-żwieġ, din issa hija miftuħa wkoll, per eżempju, għad-dinja tax-xogħol bejn min jaħdem u min iħaddem.
4. L-istess fl-emendi li saru għall-persuna ġuridika, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet. Ma kienx faċli li tilleġisla fuq dan is-settur, speċjalment meta fis-sistema ġuridika tagħna kien hemm numru ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati u prattika legali li kienet ikkristallizzat ruħha fil-kuntratti varji ta’ twaqqif ta’ fondazzjonijiet. Biss kien hemm il-bżonn li nilleġislaw u nibdew regoli f’ħafna aspetti ġodda. Ħadna in konsiderazzjoni sistemi ġuridiċi barranin li kienu diġà mxew qabilna, senjatament dawk Svizzeri u Ġermaniżi. Għalhekk illum għandna reġistru ta’ dawk il-fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet. Daħlu ġodda, antiki nbidlu u t-tnejn ġew reġistrati. Mhux biss, imma ftaħna l-opportunità għall-fondazzjonijiet u persuni ġuridiċi li jirreġistraw ruħhom hawn. Dan kien pass ‘il quddiem però hawn ukoll kont qiegħed nipprepara numru ta’ emendi ġodda sabiex numru ta’ persuni ġuridiċi antiki oħra jiġu wkoll regolati u reġistrati.
5. F’dawn il-liġijiet żammejna ċar il-bilanċ neċessarju bejn il-libertà ta’ kull ċittadin u r-responsabbiltà legali li jrid jidħol għaliha bl-aġir tiegħu. Fost l-aħħar ġabra ta’ emendi li kont responsabbli għalihom fil-vesti ta’ Ministru tal-Istat kien hemm waħda partikolari li kienet interessanti mill-aspett legali u uman. Is-settur tax-xjenza biddel il-liġi f’diversi modi. L-avvanz xjentifiku li sar ġieb liġijiet, sentenzi tal-qrati, kitbiet ta’ awturi legali bħala sorpassati. Settur partikolari li għamel dan kien dak tad-DNA. Il-vantaġġi fis-settur tal-investigazzjonijiet kriminali ħadnih b’makkinarju komparattiv avvanzat fuq livell Ewropew. Bdejnih ukoll fis-settur tal-familja, b’mod partikolari l-identifikazzjoni tal-paternità f’ulied fejn din ma ġietx indikata fiċ-ċertifikat tat-twelid inkella f’kawżi ta’ denegata paternità.
6. Il-liġi kienet ġiet emendata biex twieġeb għal dan l-avvanz u l-qorti setgħet tordna li jsiru dawn l-eżamijiet komparattivi. Il-qorti kellha l-poter li tagħmel dan jekk kemm-il darba l-partijiet indikati kienu jaqblu. Dan, f’dak iż-żmien, kien pass ‘il quddiem għax qabel konna niddependu fuq id-demm biex isir dan l-eżami. Sfortunatament, mhux f’kull kawża kien hemm koperazzjoni u allura missirijiet veri kellhom id-dritt li jirrifjutaw, u hekk kienu jagħmlu. B’emenda li daħlet fis-seħħ reċentement, tajna d-dritt lill-qorti li tista’ tordna lill-partijiet li jagħtu u jikkollaboraw fl-eżami mediku sabiex il-paternità tal-wild tiġi identifikata. Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem, li għandu jwassal sabiex nasserixxu li l-ulied għandhom id-dritt li jkunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom u dan fl-istess ħin billi żammejna l-bilanċ effettiv bejn il-libertà u r-responsabbiltà ta’ kull persuna fis-soċjetà.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment