
2. F’dawn is-snin, filwaqt li x-xogħol ġewwa s-sistema żdied bi kważi tlett darbiet, xorta waħda l-kawżi pendenti baqgħu jonqsu. Naqsu sija fin-numru, kif ukoll fl-età tagħhom. Ġew deċiżi ferm iktar kawżi antiki u dan seħħ proprju għax ġew meħuda deċiżjonijiet li ppermettew soluzzjonijiet diretti lejn il-kumplikazzjonijiet varji li kien hemm. Id-dħul tal-proċedura legali tal-ittra uffiċjali eżekuttiva u l-passi lejn użu differenti taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ ikkonċentraw fuq kawżi diffiċli. Servew ulterjorment sabiex iżidu fil-kapaċità tal-volum tax-xogħol li s-sistema setgħet tieħu.
3. Il-fatt li ġew ippreżenati madwar 25,000 ittra uffiċjali eżekuttiva u madwar 3,000 arbitraġġ serva biex ikun hemm iktar flessibilità u veloċita’ minn qabel. Mill-istatistika jidher ċar li l-kawżi pendenti naqsu sew. Minn 9,228 każ pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-aħħar tal-2003 dawn niżlu għal 6,660 fl-aħħar tal-2011 u dan minkejja l-fatt li l-kawżi ġodda baqgħu jiżdiedu. Fil-fatt, mill-1,757 kawża ġdida fl-2003 fil-Prim’Awla, fl-2011 dawn telgħu għal 2,330 – żieda ta’ 573. Il-Qrati Superjuri żammew ritmu qawwi li bih irnexxielhom inaqqsu l-kawżi l-antiki. Dan huwa mertu ta’ ħidma tajba u kostanti li baqgħet issir. Għalhekk, tajjeb li jiġi sottolinjat li mertu tal-fatt li f’disa’ snin ġew deċiżi 21,825 kawża u minkejja li daħlu 19,833 kawżi ġodda, xorta l-kawżi pendenti naqsu drastikament.
4. Dan huwa biss ġewwa l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għax hemm riżultati simili fil-Qorti tal-Maġistrati, fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar u fil-Qorti tal-Appell. Dawn ir-riżultati pożittivi kellhom effett ukoll ġewwa l-Qorti ta’ Għawdex, fejn ukoll, l-istatistika turi li kien hemm tnaqqis tajjeb tal-kawżi. Il-passi ‘l quddiem seħħew mertu ta’ numru ta’ miżuri li ġew meħuda. Il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ġie emendat numru ta’ drabi proprju sabiex saret reviżjoni effettiva tal-proċeduri legali f’diversi livelli li wasslu sabiex jagħmlu bidla għall-aħjar f’dak li jsir kull ġurnata fil-qorti. B’mod partikolari t-tibdil tad-diversi proċeduri ta’ mandati eżekuttivi u kawtelatorji, kif ukoll bil-mod effettiv li bih jibdew u jiġu ffissati l-kawżi għas-smigħ.
5. Nara dan fil-ħidma ta’ kull ġurnata ġewwa l-qrati tagħna fejn l-atmosfera hija ferm aħjar milli kienet għaxar snin ilu. Dan jgħodd sija għall-Qorti ta’ Malta kif ukoll għal dik ġewwa Għawdex, kif kelli l-opportunità nara wkoll f’dik il-gżira meta l-ġimgħa li għaddiet tlajt għal xi kawżi. Hemm sibt l-ispazju kollu fit-tlett awli li hemm jaħdmu f’daqqa. Kien hemm kawżi ċivili fil-Qorti Superjuri għadejja quddiem il-Maġistrat Paul Coppini. Stajt nara li hemm atmosfera kompletament differenti. Il-fatt li l-kawżi hawn naqsu drastikament u li nqasmu fuq żewġ ġudikanti li huma permanentement assenjati hemm sarraf f’ħidma aħjar. Hemm ferm iktar kawżi deċiżi f’dawn l-aħħar snin li serva sabiex jitnaqqsu l-kawżi pendenti hemm. Apparti dan, kelli s-sodisfazzjon nara li kien hemm ukoll it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva jaħdem hemm ukoll. Għalija pass verament ‘il quddiem fil-kamp tal-Ġustizzja Amministrattiva.
6. Fil-kamp ġudizzjarju huwa diffiċli ħafna, mill-esperjenza tiegħi impossibbli, li togħġob lil kulħadd. Dawk li l-kwistjoni tagħhom tiġi meħlusa malajr mod u dawk li jaraw it-tul, mod ieħor. Diversi drabi l-kawżi jitwalu minħabba kumplikazzjonijiet varji li jiżviluppaw tulhom. Drabi l-piki, oħrajn marbuta ma’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li mhux faċli tifred biex tifhem. Dan xorta ma jfissirx li wieħed għandu joqgħod lura u ma jippruvax ibiddel. Biss hemm linji li wieħed ma jistax jaqbeż biex jagħmel l-affarijiet aħjar. Isir xi jsir mill-aspett leġislattiv, xorta hemm il-fattur uman li jiddetermina u attwalment iseħħ f’kull kawża partikolari. B’danakollu, xorta waħda wieħed jista’ faċilment jara d-differenza bejn dak li kellna u dak li għandna jaħdem tajjeb illum.
No comments:
Post a Comment