1. Tul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nidher quddiem il-Qorti Kriminali niddefendi persuna li ġiet imressqa għax ma mxietx mal-ordnijiet tal-uffiċjal tal-Probation. Din il-proċedura hija frott ta’ emendi li saru tul din il-leġislatura sabiex is-sistema tal-Probation taħdem aħjar milli kienet. Tiġi rfinata aktar fejn huwa possibbli. Il-fatti huma li madwar seba’ snin ilu kienu saru diġà numru ta’ tibdiliet li l-Ministru Tonio Borg kien mexxa ‘l quddiem. Niftakar sew dawk l-emendi li għalihom kont preżenti fil-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi, emendi li l-uffiċjali li jaħdmu fil-Probation kienu sodisfatti bil-passi li ħadna fihom. Kien pass ‘il quddiem, verament iktar progressiv u li ġedded l-ispirtu sħiħ tal-liġi.
2. Stajt ninnota li l-uffiċjal tal-Probation għamel dmiru mill-ewwel u appena l-persuna li kellu l-ordni ma baqax jiltaqa’ u jsegwi d-direzzjonijiet neċessarji sar rikors quddiem il-qorti. Dan ġie appuntat mill-ewwel u għalhekk il-persuna li kien ingħata l-ordni ta’ Probation kellu jidher sabiex jagħti l-ispjegazzjonijiet neċessarji. Ħadt pjaċir nara li s-sistema ħadmet b’veloċità u fl-istess ħin kelli s-sodisfazzjon li nara li emenda li kont introduċejt f’din il-leġislatura qegħda tiġi użata tajjeb ħafna. Dan għax dan il-proċess, magħruf bħala “d-denunzja”, mill-Qorti tal-Maġistrati ġie mtellgħa quddiem il-Qorti Kriminali preseduta minn Imħallef.
3. Għalkemm fil-bidu mhux kulħadd fehem din il-bidla u kien hemm reżistenza għaliha, illum tidher li ġiet aċċettata u qed trendi l-ġid. Tagħti l-frott għax is-sistema tal-Probation qegħda fil-liġijiet tagħna sabiex tassigura li persuni li nstabu ħatja mill-qorti ta’ reati kriminali jiġu ggwidati biex joħorġu barra mit-triq tad-delinkwenza. Il-pajjiż tagħna huwa magħruf li għandu rata ta’ kriminalità baxxa. Parti tajba tar-raġuni li tikkontribwixxi għaż-żieda fil-persuni li jiġu f’pajjiżna għal skopijiet turistiċi u finanzjarji hija proprju din. Il-fatt li aħna kkunsidrati bħala pajjiż li huwa stabbli u li fih hawn paċi pubblika u ftit delinkwenza jagħmlilna ħafna ġid soċjali u ekonomiku. Għalhekk, l-użu tajjeb u korrett tas-sistema legali tal-Probation qegħda tkompli tnaqqas minn persuni li jew jikkommettu reati jew huma għas-servizz tad-delinkwenza.
4. L-effikaċja o meno tal-istrutturi legali u demokratiċi tal-Istat jiddependu dejjem minn kemm jinżammu aġġornati. Jinżammu b’saħħithom u, fl-istess ħin, kapaċi li jrendu lura dak li s-soċjetà tippretendi li jkunu. Biss, sabiex dan jibqa’ għaddej hemm bżonn kontinwu ta’ attenzjoni lejn kif taħdem is-sistema. Dan il-proċess ta’ bidla kontinwa jassigura li l-magna tal-Istat tibqa’ tinżamm taħdem. Anzi, kif kull persuna taf, ebda magna, tajba kemm hi tajba, ma tista’ tibqa’ l-istess jekk ma tiġix ikkurata u kkontrollata.
5. Tul din il-leġislatura, u anke f’dawk preċedenti jrid jingħad li gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista żammew lill-poplu u lill-pajjiż jimxu ‘l quddiem proprju għax żammew ċar quddiem għajnejhom dan il-bżonn ta’ bidla. Hemm linja ta’ ħsieb li ma tħarisx lejn is-soċjetà bħala statika, anqas li b’xi mod għandha tibqa’ li hi. M’aħniex, u anqas qatt ma konna partit konservattiv, iżda wieħed li jħares li jbiddel għas-sewwa. Jibdel biex jagħmel l-affarijiet aħjar billi jirrispetta l-prinċipji tal-protezzjoni u d-dinjità tal-persuna umana. Proprju għalhekk li l-progress huwa sinonimu ma’ dak li sar minn Gvern Nazzjonalista. Fir-realtà però, jekk il-proċess tal-bidla jrid isir sew, hemm bżonn li dan isir b’attenzjoni u mhux bl-għaġġla.
6. L-għaġġla hi dejjem moviment li jwassal lejn toroq li m’hemmx wisq frott x’tieħu minnhom. Min irid jibdel jaf li għandu żewġ għażliet quddiemu: jew jaqbad it-triq tal-bidla biex ibiddel akkost ta’ kollox u biex jidher li qiegħed jagħmel xi ħaġa li ma tkunx, jew inkella dik li tħares li dak li qed jibdel qiegħed iżomm sħiħ dak li hu tajjeb u fl-istess ħin ibiddel dak li mhux. Mhux kull persuna għandha l-istess dożi ta’ għaqal. Uħud għandhom ħafna u oħrajn m’għandhom xejn. Però huwa kwalità essenzjali li permezz tagħha trendi tajjeb u mhux ħażin. Fl-aħħar mill-aħħar, hemm diversi forom ta’ bidla. Uħud iwasslu għall-progress filwaqt li oħrajn, sfortunatament, għar-rigress.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment