10.8.19

Dawk li jibqgħu jservu.




1.   Hemm raħal żgħir fl-Italja, mhux tant ‘il bgħid minna, bl-isem ta’ Nusco.  Jgħixu fih madwar erbat’elef ruħ.  Post merfugħ ‘il fuq fil-provinċja ta’ Avellino.  Għandu veduti mill-isbaħ, arja tajba u storja interessanti.  Jingħad li għadda minn hemm il-kmandant minn Kartaġni, Annibali, bl-iljunfanti tiegħu, li l-leġġenda tirrakkonta li mitulu maqbuda fit-tajn.  Iktar ‘il quddiem, il-Longobardi bnew kastell strateġiku li għadu hemm, jidher.  Post li għadda mit-tbatija tal-faqar u l-miżerja, li wasslu lil diversi biex jemigraw fl-Amerika Latina u l-Istati Uniti tal-Amerika.  Post li ra ħidmet il-Partit Demokratiku Kristjan ta’ Alcide de Gasperi jgħinu jieħu lura dinjità u ruħ.

Nusco fil-politika

2.   Illum, Nusco hija trasformata, nadifa u pjaċevoli.  Irid jiġi rikonoxxut li l-programm soċjali ta’ dak il-partit kien strumentali biex bidel ħafna lil dak il-pajjiż u ‘l-poplu tiegħu.  Għolla ‘l fuq u ġieb miegħu ġustizzja soċjali lil ħafna.  Mhux biss, imma kien xprun sabiex diversi bnedmin daħlu fil-politika sabiex iservu.  Ftit partiti jħarsu lejn din l-attività umana minn din il-lenti.  Ftit huma dawk li jorbtuha mas-servizz lejn il-poplu u lejn il-proxxmu.  Ftit jarawha f’dawl daqshekk nobbli, indipendentement jekk wieħed, fl-aħħar tal-ġurnata, jispiċċax mexxej kbir u nazzjonali.

Kungress tad-Demokrazija Kristjana

3.   Niftakar iktar f’dan meta fl-1986, bħala żagħżugħ, kelli x-xorti li nsib ruħi preżenti nisma’ f’wieħed mill-aħħar kungressi tal-Partit Demokratiku Kristjan Taljan.  Niftakar ċar lil Luigi Ciriaco De Mita, dak iż-żmien segretarju politiku, jitkellem u jippreżenta r-rapport tiegħu.  Erba’ sigħat sħaħ li fihom ma setax jieqaf, fost ċapċip u kunsens ġenerali.  Hemm stajt immiss u nifhem ferm iktar dak li kont ilni nsegwi.  Nifhem il-bnedmin, id-deputati, il-kunsilliera u t-tesserati.  Persuni ġejjin minn kull rokna tas-soċjetà.  Jagħtu sehemhom f’għan wieħed: dak politiku.

Luigi Ciriaco De Mita

4.   De Mita, raġel twil, b’vuċi partikolari ma kellux, u wieħed irid jgħid ukoll li sallum għad m’għandux, diffikultà biex jesprimi ruħu.  Ċar fil-ħsieb u fil-kliem.  Imma iktar minn hekk, kellu quddiemu l-kuntest storiku li kien qiegħed jitkellem fih.  Dak li wasslu sa dak il-mument.  U iktar minn hekk, proprju fl-għarfien tal-istorja fejn irid imur ‘il quddiem.  Fejn irid lill-poplu tiegħu biex jimxi iktar.  Dan il-politiku serva fil-partit, imma lill-pajjiż bħala Prim Ministru u ministru.  Kien fil-Parlament Taljan u dak Ewropew u baqa’, straordinarjament, sallum iservi.

Fondamento stesso della democrazia

5.   Fost il-kotba li għandi fil-librerija, hemm wieħed tiegħu.  Stampat fl-1988, it-titolu huwa Politica e Istituzioni nell’Italia Repubblicana.  Ktieb li huwa mimli b’ideat u osservazzjonijiet, li f’ħafna sens għadhom rilevanti sal-ġurnat tallum.  Għandu ħafna li jimmeritaw li nirriproduċi għalikom.  Ser nillimita ruħi għal dan: “Dobbiamo ricordare come, con il 1968 la coscienza giovanile, e anche non giovanile, è venuta come inadeguata.  Ma, anche dopo il 1968, i grandi mutamenti della società nazionale hanno creato nei cittadini una consapevolezza sempre crescente della inadeguatezza delle istituzioni e inoltre hanno messo in evidenza un problema, che è tutt’ora irrisolto, nell’ordinamento generale del paese: il problema della partecipazione.  Questa è il fondamento stesso della democrazia, perché significa il diritto del Cittadino di conoscere e determinare la politica del proprio paese.”

Il-problema tal-parteċipazzjoni

6.   Dak li ħass De Mita għadu magħna sallum.  Ir-raġunijiet storiċi tiegħu nbidlu, imma hemm bażi u raġuni kostanti.  Is-soċjetà tbati sabiex tiġbed bnedmin fid-dinja għas-servizz pubbliku.  Sija f’dik tal-politika, kif ukoll fid-dinja reliġjuża.  Tbati għax forsi ma tifhimhomx.  Għax huwa diffiċli li wieħed jimpenja ruħu.  Iktar u iktar meta jagħraf li jrid iwettaq sagrifiċċju kbir, tiegħu nnifsu, ta’ dak li l-bnedmin ġeneralment isejħu “ħajja normali”.  Jitlef dak li huwa, u jsib ruħu f’dak li oħrajn jgħidu li huwa.  Jipprova jkun ta’ għajnuna u servizz lil dawk li, f’mumenti, jsibhom ma jridux imissu miegħu.  Ta’ dawk li jridu minnu, imma jiċħduh.  Jiċħduh fis-sens li ma jkunux iridu jkollhom x’jaqsmu miegħu, qisu jġorr xi marda serja u kontaġġjuża.

Id-determinazzjoni

7.   Nistgħu nilmentaw kemm m’għadniex.  Però, iktar minn hekk, nikteb biex ngħid kemm għandna nirringrazzjaw lil dawk li jkomplu jkunu ta’ servizz.  Dawk li ma jieqfux, u jibqgħu jippruvaw.  Jagħtu eżempju b’ħajjithom.  Jippruvaw jispiraw u, fl-istess ħin, jiftħu orizzonti għal dawk li qed jaħsbuha.  Proprju għalhekk ktibt dan l-artikolu.

Wieħed u disgħin

8.   Dan iktar fid-dawl tal-fatt li De Mita twieled fit-2 ta’ Frar 1928 f’dan ir-raħal żgħir ta’ Nusco.  Illum, għalhekk, għandu wieħed u disgħin sena.  Età li fiha diversi jqisuk li spiċċajt, li m’għandekx aktar x’tagħti.  Imma hu, li kien fl-ogħla quċċati tal-pajjiż, ma ddejjaqx, b’umiltà, jqiegħed ruħu għas-servizz mill-ġdid.  Illum ilu mill-2014 jokkupa l-kariga ta’ Sindku ta’ Nusco, elett b’maġġoranza.  Wieħed fost ħames kunsilliera.  Baqa’ bniedem li jħobb lill-proxxmu u jagħti sehmu fil-ħajja pubblika.  Ma tantx għandi dubju li l-formazzjoni Demokratika-Kristjana tiegħu żammitu milli jkun wieħed minn dawk li jibqgħu jservu.




8.8.19

Passat, preżent u futur.




1.    Għadni ma tlaqtx minn idejja librett miktub mill-istoriku famuż Christopher Dawson (1888-1970), bit-titolu ‘The Judgement of Nations’, fejn l-awtur magħruf iressaq lid-dinja numru ta’ osservazzjonijiet lejn dawk bħalu li kienu qed jaraw konflitt mondjali ieħor iseħħ quddiemhom.  Il-kitba ġiet ippubblikata fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1943.  Fih iħares lejn dak li wassal lejn il-poter in-Nażiżmu u l-Faxxiżmu, b’rabta qawwija f’appell favur id-demokrazija, favur iċ-ċiviltà.

2.    F’analiżi mill-iktar interessanti, jagħmel numru ta’ osservazzjonijiet.  Laqtuni numru minnhom u qiegħed niċċitah mhux biex nippreżenta reċensjoni tal-ktieb, imma silta ta’ ideat.  Għax dak li kien qiegħed jappella għalih għandu rilevanza, ngħid kbira, illum.  F’Ewropa li qed terġa’ tara l-lemin estrem bl-ideat passati tiegħu jipprova jieħu lura lbies aċċettabbli, dan huwa iktar pertinenti.

3.    Dak li seħħ fl-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandu jibgħatilna f’dan messaġġi iktar ċari.  Dak li qabel ma kienx aċċettat.  Dak li għalih qabel kien hemm alleanza kulturali, politika u soċjali kontra l-lemin estrem issa m’għadux daqshekk sod daqs kemm kien.  L-esperjenza ta’ dak il-kunflitt, speċjalment f’dawk li ġarrbuh, welled fihom id-determinazzjoni li jirreżistu kull żerriegħa li tnibbet mill-ġdid din ix-xitla ħażina.  Ir-riżultat wera li l-bieb tbexxaq għal numru ta’ partiti politiċi, li qabel kien magħluq.  Jekk wieħed iħares lejn Franza u l-Italja jinnota iktar dan l-iżvilupp żbaljat.

4.    Proprju għalhekk din il-kitba qed insibha iktar rilevanti.  Għax qegħdin, sforz fatturi varji, forsi wkoll effett tat-teknoloġija moderna li neħħiet il-ktieb minn idejn il-bniedem, naraw dinja fejn il-passat qiegħed jiġi traskurat.  Anzi, fejn hemm min qiegħed jinsih, jew ma jarahx iktar rilevanti, kliemu huma importanti u rilevanti.  Proprju għax hemm min f’dan jilludi ruħu li l-preżent ser jagħtih soluzzjonijiet ġodda lejn il-futur.  Jinsa li l-passat huwa repożitorju ta’ ideat u esperjenzi għad-dispożizzjoni tagħna.  Jinsa dak kollu li għaddejna minnu.  Anzi, kif qed naraw, wara l-aħħar seklu d-demokrazija tiddependi fuq il-konoxxenza tajba tal-passat.  Mentri t-tirannija tiddependi fuq in-nuqqas ta’ lezzjonijiet passati.  Id-dinjità tal-bniedem, l-importanza tiegħu fis-soċjetà kontra stat dittatur jiddependu fuq l-għarfien tajjeb tal-passat.

5.    Tul dan il-ktieb hemm diversi siltiet li jolqtuk.  Għażilt dan il-kliem: “Before we can look forward to the future, we must recognise the mistakes of the past, and understand the real nature of the forces that are transforming the modern world.”  Il-bniedem, quddiem dawn it-tlett uċuh ta’ żmien, irid ikollu l-umiltà u mhux is-suppervja li jifhem dak li ħutu qablu għaddew minnu.  Irid jifhem li huwa fl-interess tal-ġid komumi fis-soċjetà li l-passat ikun mgħarraf dwaru.  Huwa l-iktar importanti li l-iżbalji katastrofiċi li wasslu lill-bnedmin fihom il-partiti tal-lemin estrem, jiġu mill-ġdid imxandra u mħabbra.

6.    Ngħid dan għax Dawson, fil-ġudizzji tiegħu, jimxi pass ieħor.  Jgħid, u dan bażat fuq il-qari u l-istudju tal-istorja, li l-popli jridu jassiguraw li l-Kristjaneżmu ma jintilifx.  F’dan huwa ċertament interessanti li storiku bħalu, flok jispjega l-bidu tat-Tieni Gwerra Mondjali fuq l-impostazzjonijiet tradizzjonali, imur iktar fil-fond fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem.

7.    Meta taqra siltiet bħal dan, l-ewwel meta jiddikjara: “But when Christianity disappears, the gulf becomes unfathomable, as it is to-day between the Nazi neo-paganism and the secularized liberalism or liberal socialism and the Anglo Saxon world.”  U jkompli: “Thus the belief in the ethical basis of social and political life which was the original inspiration of Western Democracy finds its justification in the teaching of the late church and the tradition of western Christendom.”  Iqiegħed f’dan iċ-ċentralità tal-prinċipji etiċi Nsara u tal-bżonn li l-Kristjaneżmu, bħala melħ tajjeb fis-soċjetà, ma jintilifx.

8.    Tul il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew kelli x-xorti nisma’ lil Manfred Weber jitkellem f’pajjiżna.  F’diskorsu reġa’ qiegħed din iċ-ċentralità Nisranija.  Ma beżax u ma qagħadx lura milli jiddikjara li, fl-opinjoni tiegħu, il-forza Ewropea, il-kunċett stess ta’ Unjoni Ewropea huwa bażat fuq dan il-pedament.  Semma u għamel osservazzjoni loġika.  F’kull belt u raħal fl-Ewropa hemm fin-nofs tagħha knisja Nisranija, li madwarha nbnew id-djar ta’ min jgħix u jaħdem hemm.  Dan huwa l-wirt tagħna.  Dan huwa li jagħmilna rilevanti fl-ideat.  Dan huwa li jagħti raġuni soda, loġika u spjegata kontra l-iżball tal-lemin estrem.

9.    Ċertament, f’dan kollu jibqa’ li l-passat, il-preżent u l-futur mhumiex faċli għas-soċjetà u għall-bniedem.  Mhux faċli tifhimhom.  Il-magħruf Albert Einstein (1879-1955) kellu x’jgħid sew fuq is-suġġett.  Imma llum, aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar insib konfort fit-talba partikolari ta’ San Padre Piju.  Waħda ta’ rassenjazzjoni, mimlija għaqal u direzzjoni, li tgħid hekk: “O Ġesù tiegħi, tajjar minn moħħi u minn qalbi kull inkwiet fuq l-imgħoddi, kull tħassib fuq il-preżent, u kull biża’ fuq li ġej, ħalli nkun nista’ nixtieq, dejjem u f’kollox, ħaġa waħda biss: li mmur kontra tiegħi nnifsi għall-imħabba tiegħek.  Nerħi għalhekk, O Mulej, il-passat ikrah tiegħi għall-ħniena kbira tiegħek; il-preżent imħawwad tiegħi għall-imħabba infinita tiegħek; il-futur misterjuż tiegħi għall-provvidenza qaddisa tiegħek.”





5.8.19

Dħalna sew fis-sajf.




1.    Is-sħana hija qawwija.  Ma’ kull jum, it-temperaturi jiżdiedu.  Drabi fin-normalità, u oħrajn f’dak li ma rajniex qabel.  Nafu li din il-pjaneta li ngħixu fiha għaddejja minn diffikultajiet ambjentali kbar.  Hemm min minna li qed jifhem li dan huwa parti sew minn dak li pajjiżi oħra mhumiex jirrispettaw.  Mhumiex jirrispettaw dak li ġie stabbilit fil-proċess magħruf bħala Paris Agreement.  Dak li waslu għalih 196 pajjiż fil-21 ta’ Diċembru 2015, u li nġieb fis-seħħ fl-2016.

Mhux nifhmu

2.    Kien hemm diffikultajiet kbar biex daqshekk stati waslu.  Ħafna mumenti kien mertu ta’ pajjiżi żgħar li dan il-proċess wasal fi tmiemu.  Ġie stabbilit li għandna naraw li nnaqqs t-temperatura mondjali b’żewġ gradi, kif ukoll li nassiguraw iktar miżuri li bihom nistgħu nnaqqsu l-carbon dioxide.  Kull stat għandu r-responsabbiltajiet tiegħu.  Dawk ikbar iġorru ferm iktar diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.  Jekk ma jkunx hemm l-isforz ta’ kull membru firmatarju, dak kollu li ġie diskuss u miftiehem ma jkunx jista’ jinġieb fis-seħħ.

Għandna bżonnu

3.    Forsi dak il-messaġġ mhuwiex jasal biżżejjed sabiex il-popli kollha jifhmu.  Speċjalment dawk li jmexxu f’diversi stati, li din m’għadhiex xi diskussjoni akkademika, imma realtà li jum wara jum tieħu u tagħti l-effetti negattivi tagħha.  Pajjiżna mhuwiex nieqes jew protett.  Huwa espost għal dak li oħrajn huma.  Proprju għalhekk li rridu  nifhmu li m’għadux il-każ li ngħidu ħaġa fil-fora internazzjonali li ma nimplimentawx fil-politika nazzjonali tagħna.  U ngħidu x’ngħidu, qed naraw li l-aġenda “ambjentali” mhix tittieħed bis-serjetà mill-Gvern kollu kemm huwa.

Insensittività

4.    Hemm nuqqas kbir da parti tal-Gvern, dan l-istess li ministri tiegħu marru u qablu f’Pariġi, li tul dan is-sajf, proprju fl-eqqel tas-sħana, jinxeħet fi programm ta’ qtugħ ta’ siġar li diffiċli ħafna li tkabbar mill-ġdid.  Mhux biss, imma diffiċli wkoll li tħawwel xi mkien ieħor.  Ħarġu diversi nuqqasijiet fuq dak li qed jiġri fit-triq bejn H’Attard u r-Rabat, kif ukoll f’Santa Luċija.  Ma sarux preparamenti tajba u dettaljati.  Wisq inqas ma kien hemm proċess li bih bdew jitħawlu siġar ġodda f’postijiet oħra.  Kollox ġie jiddependi fuq kemm huwa b’saħħtu l-poter politiku preżenti fil-medja.  Kemm kapaċi jikkonvinċi li għalkemm ma ħax ħsieb, xorta jidher li ħa.

Ġenerazzjoni ġdida

5.    Mhix biss kwistjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida.  Waħda ċertament iktar attenta għall-kwistjonijiet ambjentali, imma hija rabta inter-ġenerazzjonali.  Dak li ħafna ilhom jaraw jinbena issa qed jirreaġixxu.  Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’linja politika nazzjonali fejn dawn il-pożizzjonijiet ma nagħtux każ tagħhom fis-sħiħ.  Ċertament, tul dawn l-aħħar għoxrin sena, kull gvern ħa miżuri.  Ipprova jidħol għal proġetti ġodda, imma llum, sforz dak li qed jiġri, ma nistgħux inkunu ambivalenti; wisq inqas nittraskuraw.  Ir-realtà hija li dak li niddeċiedu llum kontra l-ambjent, diffiċli ħafna biex inġibuh lura.

Internazzjonali

6.    Tul din il-ġimgħa, il-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia kellu laqgħa interessanti ħafna mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, R.T. Hon. Patricia Scotland Q.C., persuna intelliġenti, avukat u mimlija b’sens u esperjenza, li ressqet diversi punti dwar l-importanza ta’ dan is-suġġett.  Punti li sabu l-qbil tal-Kap tal-Oppożizzjoni proprju għax, tul dawn l-aħħar xhur, fil-Partit dan is-suġġett għola ferm iktar ‘il fuq fl-importanza li ħaqqu.  Kien hemm konverġenza fuq l-impenn li għandna nieħdu.  Fuq dak li pajjiżna kapaċi jwettaq hawn, u dak li jista’ jiġi mwettaq minna f’konferenzi internazzjonali.  L-ambjent illum mhuwiex sempliċement parti mill-politika interna, imma ħa dimensjoni ferm ikbar.  Il-futur tad-dinja, dak tagħna lkoll, jiddependi fuq x’ser nidħlu għalih.

Esperjenzi

7.    L-ambjent mhuwiex parti mill-politika partiġġjana.  Ikun żball politiku jekk, flok nimxu f’daqqa, noqogħdu nilgħabu naħa jew oħra.  Huwa parti mill-eżistenza tagħna.  Huwa assolutament essenzjali li nifhmu li dan huwa parti mill-prijoritajiet ta’ pajjiżna.  Jekk ma nġibux l-affarijiet f’posthom.  Jekk ma nifhmux li rridu naħdmu f’daqqa biex nimxu ‘l quddiem ser niżbaljaw.  Pajjiżna diġà għandu diversi żvantaġġi, u jkun żball kbir jekk nassiguraw li nżiduhom.  Irridu nikkontrollaw dak li jagħmel il-ħsara, ma nsegwux eżempji ħżiena ta’ oħrajn u ninvestu ferm iktar.

Il-futur tagħna

8.    Hemm ħafna ħidma li qed issir barra minn xtutna.  Hemm bżonn li nlaħħqu magħha.  Hemm bżonn, ċertament, li ninvestu iktar – miljuni, mhux ftit eluf.  Iva, ferm iktar fuq din il-linja.  ‘L hekk imsejħa ‘Green and Blue Economy’ irnexxielhom jaslu fi fruntieri li rridu nkunu mgħarrfa iktar dwarhom u nġibuhom jaħdmu għalina.  Qed nidħlu għal politika li tista’ tidher li qed issolvi temporanjament ċerti problemi – l-iktar dik tat-traffiku, però fit huma konvinti li dak li qed isir ser iservi fit-tul, jew li ma jkollniex immorru lura minnu.  Huwa ċar li dħalna fis-sajf, imma dan ma jfissirx li l-poplu qed jinsa dawn l-isfidi.  Anzi, qed jitlob ferm u ferm iktar aħjar milli għandu llum.  Dan nifhmuh, u deċiżi li nimxu u mmexxu fit-triq it-tajba.



AMBAXXATA TA’ MALTA FL-IŻRAEL - ĦIDMA.




10549. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Iżrael fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onoroveli Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Iżrael fl-ewwel erba’ xhur huma:

Bilaterali
· Sa mill-ftuħ tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Tel Aviv fl-2008, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi kibru u twessgħu, u llum jinkludu mhux biss kuntatti G2G, imma anke interazzjonijiet varji B2B li jkabbru n-negozju u l-investiment, kif ukoll aktar kuntatti P2P grazzi għal żieda fit-turiżmu u l-interazzjoni kulturali.

· L-uffiċini l-ġodda ġewwa Tel Aviv, li bdew joperaw fil-15 ta’ Frar 2019, huma xhieda tal-impenn tal-Gvern Malti sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jissaħħu.  L-Ambaxxata mhux talli qiegħda toffri post adegwat minn fejn wieħed jista jaħdem, imma fetħet spazju importanti għall-impenn, iddiżinjat biex jilħaq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi li qegħdin dejjem jikbru bejn Malta u l-Iżrael.   L-Ambaxxata anki ssaħħet biż-żieda ta’ uffiċjal diplomatiku ieħor minn Jannar.

· Matul dawn l-aħħar 4 xhur l-Ambaxxata kienet involuta b’mod dirett f’numru ta' delegazzjonijiet għolja Maltin lejn l-Iżrael, b’mod partikulari:

- Iż-żjara tal-E.T. il-President Coleiro Preca lejn l-aħħar ta’ Jannar, li kienet akkumpanjata minn tliet Ministri.  Waqt iż-żjara tagħha il-President kellha laqgħa mal-President tal-Istat tal-Israel, ipparteċipat f’attività kummerċjali u anki żaret l-Isptar Hadassah, li jispeċjalizza fil-kura u r-riċerka tal-kanċer.     Waqt din iż-żjara id-Deputat Prim Ministru l-Onor. Dott. Chris Fearne kellu laqgħa mal-Ministru tas-Saħħa tal-Iżrael, u anki ġie ffirmat programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u mediċina.
- L-Ambaxxata tat l-għajnuna meħtieġa, kif mitluba, fit-tħejjijiet għaż-żjara fl-Iżrael tas- Segretarju Parlamentari, l-Onor. Dott. Deo Debattista.
- L-Ambaxxata kienet involuta fit-tħejjijiet u t-tfassil tal-programm għaż-żjara f’Ġunju tas-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Clifton Grima. Iż-żjara sejra tiffoka fuq żewġt oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi – il-qasam tal-isport u dak taż-żgħażagħ.

· Kif meħtieġ, l-Ambaxxatur u l-uffiċjal diplomatiku fi ħdan l-Ambaxxata, jattendu diversi laqgħat u attivitajiet li jiġu organizzati mill-awtoritajiet Iżraeljani, kif ukoll mill-Ambaxxati ġewwa Tel Aviv.  L-Ambaxxata żammet lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ministeri oħra infurmati fuq dawn l-attivitajiet, b’mod partikulari, fuq temi lokali li huma ta’ interess għal pajjiżna. 

· Fuq bażi regolari, l-Ambaxxata tassisti lill-Ministeru f’Malta sabiex jgħaddi informazzjoni dwar kandidaturi u setturi oħrajn lill-Awtoritajiet ġewwa Ġerusalemm.

· L-Ambaxxatur u l-uffiċjal diplomatiku iżuru l-Ministeru tal-Affarijient Barranin ġewwa Ġerusalemm regolarment, sabiex jiddiskutu temi bilaterali, multilaterali u reġjonali, u anki jaqsmu ħsibijiet fuq temi ta’ interess komuni. Laqgħat simili u regolari jsiru wkoll mal-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, li huwa akkreditat minn Ġerusalemm.

· Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li l-Ambaxxata għamlet minn kollox sabiex iżżomm lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin infurmat bl-aħħar żviluppi dwar l-elezzjoni li saret f’April ta’ din is-sena.

Kummerċjali

· Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma li tippromwovi l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll it-turiżmu minn Iżrael lejn Malta.   Dan sar permezz ta’ kuntatt ma’ numru ta’ kumpaniji Iżraeljani li wrew interess li jespandu/jinvestu l-operazzjoni tagħhom ġewwa Malta. 

· L-Ambaxxata iffaċilitat numru ta’ laqgħat u telefonati fuq Skype mal-entitajiet/uffiċini ġewwa Malta għal rappreżentanti ta’ kumpaniji li wrew interess u li qegħdin iħarsu lejn Malta għal investiment u/jew kooperazzjoni.  Dawn kienu kuntatti fl-oqsma tas-Sigurtà, iċ-Ċibernetika (Cyber), il-Katina ta’ Blokok (Blockchain) u l-Valuta Kripto.

· Ir-relazzjonijiet/kuntatti kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jissaħħu grazzi għax-xogħol tal-Kamra tal-Kummerċ bejn l-Iżrael u Malta, miftuħa uffiċjalment f’Ġunju tal-2018, u l-kuntatti kontinwi bejn din il-Kamra u l-Ambaxxata.   F’April saret laqgħa għall- membri ta’ din il-Kamra tal-Kummerċ ġewwa l-Ambaxxata fejn l-Ambaxxatur Attard-Pirotta u l-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, Eyal Sela, taw rendikont tal-istat tar-relazzjonijiet bilaterali.  L-Ambaxxatur Attard-Pirotta tat ħarsa ġenerali tal-potenzjal tan-negozju eżistenti bejn iż-żewġ pajjiżi, il-qagħda ekonomika Maltija, il-ħidma ta’ Malta fis-settur tas-servizzi, kif ukoll iktar reċentement il-katina ta’ blokok u l-valuta tal-kripto.  Dawk preżenti ġew ukoll infurmati dwar l-aħħar dokumenti tal-politika (policy documents) li ġew ippreżentati mill-Gvern ta’ Malta dwar l-Istrateġija tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ispazju.

· L-Ambaxxata kienet ukoll involuta fit-tfassil tal-programm għall-membri tal-Kamra tal-Kummerċ bejn Iżrael u Malta li kienu sejrin iżuru Malta fil-bidu ta Ġunju.


Kulturali


· L-Ambaxxata kompliet tesplora possibiltajiet ta’ attivitajiet kulturali li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond Diplomatiku Kulturali.  F’dan ir-rigward l-Ambaxxata kellha laqgħat mal-PHOTO IS:RAEL bi skop li Malta tipparteċipa f’wirja internazzjoni tal-fotografija f’Tel Aviv f’Novembru li ġej.  Kien hemm ukoll laqgħat ma’  JaffaAM, sabiex tiġi esplorata il-possibiltà li Malta tipparteċipa fil-Festival tal-Films ta’  Ġaffa li sejjer ikun organizzat għall-ewwel darba aktar tard din is-sena.

· L-Ambaxxata qiegħdatesplora il-possibiltà ta’ ġemellaġġ bejn belt/raħal f’Malta u ieħor f’Iżrael.  L-idea hi li jiġi esplorat ftehim ta’ ġemellaġġ bil-ħsieb li dan jieħu xejra konkreta.

· B’kooperazzjoni maċ-Ċentru Komunitarju Beit Reka ġewwa Ġaffa, l-Ambaxxata ħadmet sabiex tiġi organizzata attività kulturali f’Ġaffa lejliet il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovison Song Contest – li ssejħet Malta Night.  Ġie mħejji video tal-kanzunetta Maltija bis-sehem ta’ membri minn din il-komunità.   L-Ambaxxata tat kull għajnuna u appoġġ lil delegazzjoni Maltija li żaret Tel Aviv għal din l-attività kulturali.

Konsolari


· L-Ambaxxata dejjem kienet għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu f’Iżrael u dawk li jivvjaġġaw lejn Iżrael. Fl-istess waqt, l-Ambaxxata kienet ukoll ta’ għajnuna għaċ-ċittadini Iżrealjani, jew oħrajn, li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta u li kienu jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsolari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali.

· Fl-isfond tal-eskalazzjoni ta’ vjolenza li kien hemm fil-pajjiż tul dawn l-aħħar xhur l-Ambaxxata żammet kuntatt ma’ membri tal-komunità Maltija li setgħu jinsabu viċin ċertu żoni.   Minħabba dawn ir-realtajiet, l-Ambaxxata żammet ukoll kuntatt kontinwu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin f’Malta, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-aġġornament ta’ pariri dwar vjaġġar li joħroġ il-Ministru minn żmien għal żmien.

Promozzjoni ta’ Malta

· Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur flimkien mal-uffiċjal diplomatiku, jipparteċipaw f’attivitajiet organizzati u  jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu preżenti f’diversi attivitajiet li jsiru f’Iżrael biex pajjiżna jkun preżenti.  

· L-Ambaxxata kienet preżenti fl-ispazju allokat għal Malta waqt il-fiera tat-turiżmu (IMTM) li saret f’Tel Aviv fi Frar, flimkien ma’ rappreżentanti tal-MTA u l-Air Malta.

· L-Ambaxxatur ħadet sehem attiv f’attivitajiet li jiġu organizzati, ħafna drabi minn membri tal- Korp Diplomatiku, bil-għan li jippromovu ir-rowl tal-mara fis-soċjetà.

Oħrajn


· L-Ambaxxata fetħet paġna ta’ Facebook u Twitter bħala mezz sabiex ikollha kuntatt iktar mill-qrib mal-Maltin li jgħixu ġewwa l-Iżrael u sabiex iżżomm lill-pubbliku infurmat fuq ix-xogħol tal-Ambaxxata.

Seduta  248
10/07/2019

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-IRLANDA - ĦIDMA


  
10548. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Dublin, l-Irlanda fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Irlanda fl-ewwel erba’ xhur huma:

Bilaterali

Żjara tal-E T il-President Marie Louise Coleiro Preca bejn il-11 u t-12 ta’ Frar 2019, fejn għamlet diskors f’Dublin City University bħala parti mill-Mary McAleese Women in Leadership Initiative. Il-President żaret ukoll id-Dublin Rape Crisis Centre u ltaqgħet mal-E T Mary Robinson, li kienet President tal-Irlanda bejn l-1990 u l-1997, u l-Community Foundation for Ireland. Il-President laqgħet ukoll lill-Cadets tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, f’Dublin bejn id-19 u l-21 ta’ Frar 2019. Matul din iż-żjara il-Ministru ltaqa’ mat-Tánaiste (id-Deputat Prim Ministru) u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Simon Coveney. Il-Ministru kellu wkoll diskussjoni mal-Kumitat Konġunt għall-Affarijiet Barranin, il-Kummerċ u d-Difiża, u laqgħa ta’ kortesija mal-Ceann Comhairle tad-Dáil (l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati) u l-Leas Cathaoirleach tas-Seanad (id-Deputat Speaker tas-Senat). Il-Ministru Abela għamel keynote speech fl-Institute of International and European Affairs dwar Malta and Ireland as effective players in the global scene. Il-Ministru żar il-fruntiera mal-Irlanda ta’ Fuq u kellu intervistimal-istazzjon nazzjonali, l-RTÉ, u The Irish Times, wieħed mill-ġurnali ewlenin tal-Irlanda. Il-Ministru temm l-impenji tiegħu bi żjara lill-Cadets tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jitħarrġu mal-Irish Defence Forces.

Preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, fl-Our Ocean Wealth Summit, li sar f’Cork fid-9 u l-10 ta’ Ġunju 2019.

Parteċipazzjoni fiċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju mill-ewwel Laqgħa Pubblika tad-Dáil. L-attivita’ prinċipali kienet kommemorazzjoni permezz ta’ Seduta Konġunta tal-Parlament u s-Senat organizzata mill-Ispeaker tal-Parlament..

Laqgħat mal-Ministru Ministru għall-Impjiegi u Protezzjoni Socjali Regina Doherty u l-Ministru tal-Istat b’responsabbilta’ speċjali għad-Diaspora u l-Iżvilupp Internazzjonali Ciarán Cannon

Ħidma dwar immigrazzjoni, inkluż diskussjonijiet ma’ Ministri u uffiċċjali, laqgħat tal-Kumitati Konġunti fuq is-suġġett u monitoraġġ tal-media. Saru laqgħat mar-rapprezzentanti  ta’ NGO’s li jwettqu missjonijiet fil-Mediterran.

Għajnuna dwar laqgħat organizzati minn Ministeri f’Malta
Ħidma fuq kandidaturi
Ħidma biex Malta kienet inkluża fil-lista ta’ pajjiżi li żaru dinjitarji Irlandi għal St Patrick’s Day.
Rapporti dwar Brexit
Rapporti dwar issues politiċi, finanzjarji u suġġetti oħra  ta’ interess għal Malta



Kummerċjali

Preparamenti għall-parteċipazzjoni fl-Ireland South Business Expo, li se ssir f’Cork fis-17 ta’ Ottubru 2019. L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, Malta Enterprise u l-Gozo Business Chamber se jipparteċipaw f’din l-Expo.
Kuntatti ma’ għaqdiet tal-kummerċ Irlandiżi
Għajnuna lil diversi kumpaniji Maltin interessati li jbiegħu fis-suq Irlandiż.
Għajnuna lil diversi kumpaniji Irlandiżi interessati li jinvestu f’Malta jew jimportaw prodotti Maltin.


Kulturali

Preparamenti biex ikun iċċelebrat il-Jum Nazzjonali ta’ Malta f’Settembru
Preparamenti għal parteċipazzjoni ta’ artisti Maltin f’avvenimenti iffinanzjati mill-Cultural Diplomacy Fund.
Preparamenti għall-parteċipazzjoni fil-Literature Evening li saret fid-9 ta’ Mejju. L-Ambaxxata Maltija ippreżentat is-silta Comb meħuda mill-ktieb ta’ stejjer qosra mill-bieb ʹil ġewwa ta’ Loranne Vella, li nqrat minn Ger Ryan, waħda mill-aktar artisti magħrufa fl-Irlanda.
Ħidma ma’ korijiet Irlandiżi interessati li jipparteċipaw f’avvenimenti kulturali f’Malta
Għajnuna lil skola Irlandiża li organizzat diversi żjarat kulturali f’Malta
Parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-Francophonie wara li Malta saret osservatur, fosthom laqgħa li fiha l-Ambaxxaturi għażlu r-rebbieħa tal-Ireland Francophonie Ambassadors’ Literary Award, u l-Francophonie Festival in Ireland 2019.

Konsolari

Ħidma għall-ħatra ta’ Konslu ġdid f’Cork
Applikazzjonijiet għal viżi - 63
Ħruġ ta’ passaporti ġodda – 5
Tiġdid ta’ passaporti - 10
Ħruġ ta’ Emergency Travel Documents
Reġistrazzjoni ta’ Twelid - 3
Reġistrazzjoni ta’ Żwiġijiet - 1
Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza Maltija
Għajnuna lil turisti Maltin li kellhom diffikulta’ fl-Irlanda (bħal telf ta’ passaporti, eċċ)
Xhieda ta’ firem - 2


Promozzjoni ta’ Malta

Organizzazzjoni ta’ taħditiet bejn l-Universita’ ta’ Malta u Dublin City University dwar Artificial Intelligence waqt iż-żjara tal- E T Il-President Marie Louise Coleiro Preca
Preparamenti għaż-żjara tal-Kummissarju tal-Films, bħal follow up taż-żjara li kien għamel is-sena l-oħra
Pariri lil nies li jkunu jridu jivvaġġjaw lejn Malta
Għajnuna lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għall-parteċipazzjoni fil-Holiday World Show organizzata mill-Irish Travel Agents Association.

Oħrajn

Ħidma biex twaqqaf il-Parliamentary Friendship Group bejn il-Parlament ta’ Malta u d-Dáil tal-Irlanda
Attendenza għall-Commissioning Ceremony ta’ rekluti Maltin li tħarrġu mal-Irish Defence Forces.
Attendenza għal laqgħat tal-Joint Committee on Foreign Affairs and Trade and Defence
Attendenza għal laqgħat tal-Joint Committee on European Affairs
Parteċipazzjoni fil-Heads of Missions Meetings għall-Ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
Briefings għal-laqgħat tal-European Council
Briefings għal-laqgħat tal-Foreign Affairs Council

Briefings għal-laqgħat tal-General Affairs Council u tal-General Affairs Council (Article 50)
Briefings għal-laqgħat tal-Economic and Financial Affairs Council
Briefings għal-laqgħat tal-Agriculture and Fisheries Council
Laqgħat ta’ Citizens’ Dialogues
Laqgħat dwar il-Futur tal-Ewropa
Attendenza f’laqgħat ġenerali tal-Partiti Poliċi
Parteċipazzjoni f’attivita’ biex iċ-ċittadini kienu mħeġġa jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
Parteċipazzjoni f’diversi attivitajiet ta’ Ambaxxati oħra f’Dublin
Attivitajiet ta’ Commonwealth Day
Monitoraġġ ta’ rapporti dwar Malta fil-media Irlandiża

Seduta  248
10/07/2019

IX-XGĦAJRA – LATRINI PUBBLIĊI - MANUTENZJONI




10547. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-latrini pubbliċi li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra jiġu msewwija u rinovati?

17/06/2019

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Seduta  248
10/07/2019

IX-XGĦAJRA – LATRINI PUBBLIĊI - MANUTENZJONI





10546. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-latrini pubbliċi li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra jiġu msewwija u rinovati?

17/06/2019

  ONOR. OWEN BONNICI:  It-tweġiba tinghata f'seduta oħra.

Seduta  248
10/07/2019

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...