1. Tul din il-ġimgħa kelli l-okkażjoni li nkun preżenti għal-laqgħa ġewwa l-Ministeru bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsilli Lokali. L-attendenza kienet waħda mistennija. Is-suġġett ċentrali kien kif tista’ ssir ħidma aħjar bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għall-ġid dirett tal-poplu. Iż-żminijiet inbidlu u filwaqt li tletin sena ilu ċ-ċentru tar-raħal jew belt kienet tkun l-għassa tal-Pulizija, illum dan sar il-Kunsill Lokali. Il-Kunsilli saru ċentru ta’ informazzjoni u dan għandu impatt ġdid u differenti fil-formazzjoni u żvilupp tas-soċjetà tagħna llum.
2. Diġà l-Att dwar il-Pulizija jitkellem dwar dan. Iħares ‘il quddiem sabiex jassigura li jkun hemm laqgħat regolari bejn il-Pulizija u l-Kunsilli Lokali. Laqgħat li permezz tagħhom wieħed jista’ jaħdem strateġija aħjar ta’ prevenzjoni u kontroll tal-kriminalità. Ma kontx ċert li dawn il-laqgħat qed isiru u, jekk iva, li jsiru fuq bażi regolari. Għalhekk qbilna li għandna nerġgħu nqajmu l-punt sabiex nassiguraw li din il-ħidma ssir. L-għodda qegħda hemm, però trid tiġi użata għall-ġid taż-żamma tal-ordni u l-paċi pubblika.
3. Il-kollaborazzjoni mal-poplu hija dejjem vitali fil-ġlieda u l-isfida li d-delinkwenza ġġib magħha. Ħafna drabi persuni jaraw delitti jitwettqu li mhux neċessarjament jitkellmu dwarhom. Informazzjoni li tidher inutili, li ma tingħatax biżżejjed importanza miċ-ċittadin tista’ tkun il-parti nieqsa jew dik li tmexxik ‘il quddiem f’direzzjoni tajba. Direzzjoni li tgħin sabiex wieħed isolvi delitt jew iżomm wieħed milli jsir. Għalhekk huwa iktar u iktar importanti li din il-linja ta’ komunikazzjoni tkun ħajja u attiva.
4. Hawn insibu lok fejn wieħed ikun jista’ jimxi passi ‘l quddiem li, permezz tagħhom, il-Kunsill Lokali jħajjar lejn iktar kollaborazzjoni pożittiva. Diversi drabi s-Sindki, il-Kunsilliera u s-Segretarji Eżekuttivi jkunu xprun biex dan isir tajjeb. Mhux biss dan, imma anke fuq livell ta’ għajnuna lill-vittmi tar-reat hemm fejn taħdem u timxi ‘l quddiem. Taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi għamilna passi oħra differenti li permezz tagħhom għandna sezzjoni ġdida li tieħu ħsieb il-vittmi tar-reat. Din diġà qegħda taħdem u tiġi organizzata taħt id-Dipartiment tal-Probation u Parole.
5. Fil-komunità hemm xogħol li jrid isir direttament mill-Kunsilli Lokali u dan għax fis-soċjetà tagħna hija l-aqwa għodda li jista’ jkollna. Għodda għad-disposizzjoni tal-poplu li trid il-ħin kollu tiġi ttemprata u organizzata aħjar. Hemm numru kbir ta’ servizzi ta’ kull tip li qegħdin jingħataw li, fir-realtà, akkumulaw matul is-snin. Magħhom inġabret esperjenza amministrattiva li issa hija aktar u aktar f’pożizzjoni li minnha nieħdu l-frott. Għalhekk hemm bżonn li tikber is-sinerġija bejn il-Korp u l-Kunsilli.
6. Hemm lok għal iktar koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Fil-kuntrast għat-traffikar u konsum tad-droga. Fil-ħidma proattiva neċessarja sabiex ikun hemm prevenzjoni aqwa tal-possibilità ta’ reati. Hemm ukoll il-bżonn ta’ tixrid dirett ta’ informazzjoni fuq il-liġijiet li saru. Kif jistgħu jiġu organizzati laqgħat apposta biex jiġi spjegat dak li, per eżempju sar biex nipproteġu aħjar lit-tfal minn min irid jabbuża minnhom, jew kif qed jaħdem ir-Reġistru għall-protezzjoni tat-tfal jew dik li hi Ġustizzja Riparatriċi. Dan huwa importanti fl-istrateġija neċessarja sabiex fil-pajjiż ikomplu jirrenjaw il-buon ordni u l-paċi pubblika.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Showing posts with label kriminalita. Show all posts
Showing posts with label kriminalita. Show all posts
Subscribe to:
Posts (Atom)
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
