16.5.12

Pulizija u Kunsilli Lokali

1.    Tul din il-ġimgħa kelli l-okkażjoni li nkun preżenti għal-laqgħa ġewwa l-Ministeru bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsilli Lokali.  L-attendenza kienet waħda mistennija.  Is-suġġett ċentrali kien kif tista’ ssir ħidma aħjar bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għall-ġid dirett tal-poplu.  Iż-żminijiet inbidlu u filwaqt li tletin sena ilu ċ-ċentru tar-raħal jew belt kienet tkun l-għassa tal-Pulizija, illum dan sar il-Kunsill Lokali.  Il-Kunsilli saru ċentru ta’ informazzjoni u dan għandu impatt ġdid u differenti fil-formazzjoni u żvilupp tas-soċjetà tagħna llum.

2.    Diġà l-Att dwar il-Pulizija jitkellem dwar dan.  Iħares ‘il quddiem sabiex jassigura li jkun hemm laqgħat regolari bejn il-Pulizija u l-Kunsilli Lokali.  Laqgħat li permezz tagħhom wieħed jista’ jaħdem strateġija aħjar ta’ prevenzjoni u kontroll tal-kriminalità.  Ma kontx ċert li dawn il-laqgħat qed isiru u, jekk iva, li jsiru fuq bażi regolari.  Għalhekk qbilna li għandna nerġgħu nqajmu l-punt sabiex nassiguraw li din il-ħidma ssir.  L-għodda qegħda hemm, però trid tiġi użata għall-ġid taż-żamma tal-ordni u l-paċi pubblika.

3.    Il-kollaborazzjoni mal-poplu hija dejjem vitali fil-ġlieda u l-isfida li d-delinkwenza ġġib magħha.  Ħafna drabi persuni jaraw delitti jitwettqu li mhux neċessarjament jitkellmu dwarhom.  Informazzjoni li tidher inutili, li ma tingħatax biżżejjed importanza miċ-ċittadin tista’ tkun il-parti nieqsa jew dik li tmexxik ‘il quddiem f’direzzjoni tajba.  Direzzjoni li tgħin sabiex wieħed isolvi delitt jew iżomm wieħed milli jsir.  Għalhekk huwa iktar u iktar importanti li din il-linja ta’ komunikazzjoni tkun ħajja u attiva.

4.    Hawn insibu lok fejn wieħed ikun jista’ jimxi passi ‘l quddiem li, permezz tagħhom, il-Kunsill Lokali jħajjar lejn iktar kollaborazzjoni pożittiva.  Diversi drabi s-Sindki, il-Kunsilliera u s-Segretarji Eżekuttivi jkunu xprun biex dan isir tajjeb.  Mhux biss dan, imma anke fuq livell ta’ għajnuna lill-vittmi tar-reat hemm fejn taħdem u timxi ‘l quddiem.  Taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi għamilna passi oħra differenti li permezz tagħhom għandna sezzjoni ġdida li tieħu ħsieb il-vittmi tar-reat.  Din diġà qegħda taħdem u tiġi organizzata taħt id-Dipartiment tal-Probation u Parole.

5.    Fil-komunità hemm xogħol li jrid isir direttament mill-Kunsilli Lokali u dan għax fis-soċjetà tagħna hija l-aqwa għodda li jista’ jkollna.  Għodda għad-disposizzjoni tal-poplu li trid il-ħin kollu tiġi ttemprata u organizzata aħjar.  Hemm numru kbir ta’ servizzi ta’ kull tip li qegħdin jingħataw li, fir-realtà, akkumulaw matul is-snin.  Magħhom inġabret esperjenza amministrattiva li issa hija aktar u aktar f’pożizzjoni li minnha nieħdu l-frott.  Għalhekk hemm bżonn li tikber is-sinerġija bejn il-Korp u l-Kunsilli.

6.    Hemm lok għal iktar koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità.  Fil-kuntrast għat-traffikar u konsum tad-droga.  Fil-ħidma proattiva neċessarja sabiex ikun hemm prevenzjoni aqwa tal-possibilità ta’ reati.  Hemm ukoll il-bżonn ta’ tixrid dirett ta’ informazzjoni fuq il-liġijiet li saru.  Kif jistgħu jiġu organizzati laqgħat apposta biex jiġi spjegat dak li, per eżempju sar biex nipproteġu aħjar lit-tfal minn min irid jabbuża minnhom, jew kif qed jaħdem ir-Reġistru għall-protezzjoni tat-tfal jew dik li hi Ġustizzja Riparatriċi.  Dan huwa importanti fl-istrateġija neċessarja sabiex fil-pajjiż ikomplu jirrenjaw il-buon ordni u l-paċi pubblika.

1 comment:

melita said...

Ministru,Grazzi,Hafna tax-xoghol meqjus li inti B'responsabilita'kbiera terfa,jehtieg,li ix- xandir ghandu jigi masses,24 sija kulljum ,ghax lahaq inzerra wisq hazen,xi kulltant min ghant nies li ghadhom x'jaqsmu mal ligi.Dawn it talin jahsbu li huma il- fuq mill ligi,,sa hansitra,kien hemm zmien ,meta kien hemm avukat,li beda jinkuraggixi,L'Abort, u id- Divorzju,u dan it tali,ghamel zmien johoda kontra il- politici u il xi nies tal- qorti ,li ma jaqbilx maghahom.Jekk jogbok,nixtieq hafna li jkun hemm xi hadt inkarigat,li jiehu hsieb,li dawn L'affarijiet ma jigrux.grazzi hafna- Sahha.

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...