Showing posts with label Evarist Bartolo. Show all posts
Showing posts with label Evarist Bartolo. Show all posts

13.1.26

IR-RIĊERKA TAL-VERITÀ

1. Kif taħdem is-soċjetà u kif il-bnedmin fiha kienu jġibu ruħhom, u kif għadhom, ser jibqgħu suġġett ta’ studji varji. Dawk li jħarsu, josservaw, jaqraw u janalizzaw biex jifhmu huma, u fl-istess ħin jgħaddu l-informazzjoni lilna, għandna nagħrfu li ser jibqgħu għaddejjin. Mhux biss, imma ninsabu fil-vantaġġ li dawn jiġu pubblikati. Fuq il-karta, fil-ktieb preżenti u permanenti għalina. Kif Jean-Claude Carriere (1931-2021) u Umberto Eco (1932-2016) kitbu fil-ktieb interessanti tagħhom Non sperate di liberarvi dei libri (2009) jaffermaw fil-fiduċja tagħhom li l-ktieb ser jibqa’. Kif jiddikjara Eco: “Il libro è come il cucchiaio, il martello, la ruota, le forbici, una volta che li hai inventati non puoi fare di meglio.” (Il-ktieb huwa bħall-kuċċarina, il-martell, ir-rota, l-imqass, ġaladarba toħloqhom ma tistax tgħaddi mingħajrhom.)

Repożitorji

2. Dan ġie aktar quddiemi waqt li kont qiegħed naqra l-aħħar ktieb, mill-iktar interessanti, ta’ Evarist Bartolo (1952), Frak mill-Istorja. Ħarsa minn taħt (2025). Ktieb mimli b’punti storiċi li jżommuk taħseb u tirrifletti fit-tul. L-ewwel minħabba fihom infushom, u t-tieni minħabba fil-mod li bih ġew klassifikati loġikament. Xogħol mibni fuq il-qari tal-awtur u miegħu ir-riflessjonijiet kontinwi tiegħu fir-riċerka kostanti għall-fatti u l-veritajiet li ġew abbandunati. Dawk li ninsew warajna u li kull ġenerazzjoni, għalkemm tiktibhom ta’ warajha, insibu li tħallihom wieqfa jistennewna. L-awtur josserva sewwa b’attenzjoni u f’mument minnhom jgħidilna: “S’issa ftit għadna napprezzaw dan il-wirt ta’ ġensna u matul is-snin ħafna minnu ġie vandalizzat u meqrud għax ma kienx meqjus wirt storiku bħall-bini tal-Kavallieri u taż-żmien li konna kolonja tal-Imperu Brittaniku.”

Ġenerazzjonijiet

3. Kull ġenerazzjoni ġġorr magħha parti minn dak li trid li jibqa’ mfakkar minn tagħha u minn ta’ qabilha. Drabi tara xi punti fi żmienha bħala importanti għaliha, mentri ta’ warajha jaraw punti kompletament differenti. Ħafna drabi kollox jiddependi fuq dak li jinkiteb. Mhux faċli li ġġib it-trasmissjoni vokali passati lura fix-xena, għalkemm bil-mezzi elettroniċi li għandna hemm vantaġġi f’dan. Imma fil-verità kollox jiddependi mill-kitba. Dokumenti varji miġbura u miżmuma minn soċjetà huma determinanti għall-istorja tagħha u għall-identità nazzjonali li tikber u tiżviluppa. Eżamijiet varji u studji daqshekk ieħor jibdlu dak li nagħrfu bħala fatti u nifhmu dawk li mhumiex hekk. Xi drabi tista’ tibdel l-istampa u x-xenarju; oħrajn anki jekk id-definizzjonijiet jidhru mod li fil-fatt mhumiex, trid tirrepetihom xorta biex tinftiehem. B’kitbietu, Evarist Bartolo daħħal f’dan proprju s-subgħa fil-ferita storika tagħna. Fortunatament għandna ġenerazzjoni ta’ storiċi li jridu jifhmu aħjar. Dawk ta’ pajjiżna li huma wkoll influwenzati mill-kurrenti nazzjonali, dawk Ewropej u internazzjonali qed jiktbu u jirriflettu.

Giuseppe Sergi (1946)

4. Fuq dan, f’punt li dan l-awtur fil-ktejjeb mill-iktar interessanti tiegħu L’Idea del Medioevo. Fra Storia e Senso Comune (1998) jafferema dak li naħsbu u li fil-fatt ir-riċerka storika qed turi. Fil-kuntrasti bejn il-verità u l-perċezzjoni tagħha. Fil-kundanna żbaljata li saret minn oħrajn li ma qrawx sew dak li dan iż-żmien kien verament. F’dan huwa jippreċiża: “La percezione del senso comune sul medioevo nasce non dalla pratica storiografica degli specialisti, bensì da esperienze disciplinari non medievistiche, dalla didattica e dal giornalismo. C’è dunque una cultura storica non caratterizzata da una tempestività ricenzione dei progressi scientifici, ma corrispondente con un deposito di conoscenze sedimentate, spesso lontane dalla realtà accertibile del medioevo.” (Il-perċezzjoni tas-sens komun fuq il-medjuevu titwieled mhux mill-ħidma dixxiplinata tal-ispeċjalisti, minn esperjenzi dixxiplinari li mhumiex hekk, imma mit-tagħlim u l-ġurnaliżmu. Hemm għalhekk kultura storika li mhijiex bażata fuq il-konklużjonijiet tal-progress xjentifiku, imma tikkorrispondi ma’ depożitu ta’ konoxxenzi sedimentarji li huma lkoll, ħafna drabi, ’il bgħid mir-realtà tal-medjuevu li tista’ tiġi verifikata.)

X’qed, fil-fatt, jiġri

5. Qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn dan kollu suppost li qiegħed jonqos. Fuq naħa f’dak li qiegħed jiġri llum; u t-tieni, fir-riċerka kostanti ta’ dak li seħħ qabel. Xorta, minkejja dak li jidher li huwa trasparenti u li litteralment qiegħed jidher, hemm ferm iktar wara. Hemm dokumentazzjoni tradizzjonali li qegħda tidher u tista’ għada pitgħada tidher, imma fil-fatt xorta hemm dik li ma tidhirx. Proprju f’dan għandna vantaġġi, imma fl-istess ħin żvantaġġi wkoll. Diversi jisimgħu u jħarsu lejn dak li jxandru l-mezzi. Kif f’dan iressqu l-aħbar u kif jagħżlu li jagħżlu fatti minn oħrajn. Ħafna fis-soċjetà tagħna qegħdin f’dan il-punt: m’għadhomx jimxu ma’ dak li jingħadilhom. Hemm ġabra kostanti ta’ bnedmin li trid iktar il-verità u li tippretendi dan aktar mill-politiċi tagħha, dawk li jirrappreżentawha jew le.

Fix-xenarju

6. Waqt li ninsabu f’dinja fejn ir-regoli qed jitwarrbu u dak li m’għandux isir qiegħed isir, dan huwa iktar rilevanti. Waqt li qed nissugraw mill-ġdid li ninħakmu f’dinja ta’ gwerer, dak li niġu misqija u dak li huwa veru nagħrfu li jitlob mingħandna aktar attenzjoni u reqqa. Aktar u aktar fl-għarfien li sejrin f’dinja li ma nagħrfux. Dan jista’ jidher parti minn ripetizzjoni ta’ aġir żbaljat u rakkontat mill-passat, forsi wkoll mill-medjuevu li wħud jorbtu ma’ dak li huwa ikrah, imma li mhuwiex. Imma dan huwa kompletament differenti. Il-medjuevu jista’ jiġi identifikat ma’ passat ikrah imma fil-fatt, kif diversi storiċi juru, mhuwiex. Proprju f’dan, fir-riċerka kostanti u mitluba tal-bniedem lejn il-verità għandna nifhmu kemm dak li hu għaddej huwa serju, u fl-istess ħin, kif ma naħsbux li ma nistgħux inkunu bnedmin li nibqgħu naħdmu għas-sewwa? Jekk wieħed irid soċjetà, dinja aħjar, ma jistax ma jkunx vuċi kritika u attenta sabiex jirbħu lura l-paċi u l-liġi.

Fl-għarfien

7. F’dan, fl-għarfien li dak li seħħ verament kien inbidel minn dawk li kitbu wara, irridu naħdmu aktar sabiex illum ikollna l-fatti. Il-fatti qabel nitkellmu u qabel jittieħdu deċiżjonijiet politiċi li jorbtuna. Pajjiżna għandu l-vantaġġ taċ-ċokon tiegħu. Għandu l-vantaġġ li nistgħu niftehmu aktar minn oħrajn. Għandu dak ta’ bnedmin li huma ffurmati minn art komuni. F’dan nittama proprju li din is-sena tkun waħda fejn ma nitħallewx ninġibdu u nitkaxkru minn deċiżjonijiet żbaljati. Għandna dmirijiet ċari lejn l-oħrajn u lejna nfusna li rridu nġorru. F’dan għandna nagħrfu l-pariri u l-gwida ta’ Giuseppe Sergi u naħdmu għalhekk sabiex tul din is-sena nkunu parti akbar minn proċess lejn il-fatti u l-verità.

13.2.24

NITTAMAW FIL-FUTUR

1. Ċertament, pajjiżna għaddej minn diversi diffikultajiet. Uħud ser jirnexxilu jegħlibhom fil-preżent, imma ħafna oħrajn iridu viżjoni differenti, aktar fit-tul. Iridu dan għax jitolbu ħsieb sħiħ ta’ fejn sejrin, fejn ser inkunu u x’soċjetà rridu nibnu jew nikkonservaw. F’dan iż-żmien li ilni nservi fil-politika rajt ħafna tibdil isir. Ftit minnu kien ippjanat sew u pajjiżna ma kellux diffikultajiet biex jaċċċettah, anzi kien qiegħed jitolbu huwa stess. Tibdil ieħor li sar u li nisimgħu ħafna tifħir għalih sar b’reazzjoni. Hemm lista ta’ dak li ma ġiex aċċettat kif kellu, imma huwa ittollerat għax m’hemmx alternattiva fl-ideat li hemm bżonn bidliet fihom. Is-soċjetà tagħna hija waħda partikolari. Waħda li baqgħet soda fl-identità tagħha u fil-linja ta’ tradizzjonijiet u valuri Nsara li baqgħu ankri determinanti.

Tul il-ġimgħa

2. Nhar l-Erbgħa li għadda kelli x-xorti li nara l-aħħar pubblikazzjoni tiegħi tiġi għad-dawl fil-Kamra tad-Deputati, taħt il-patroċinju tal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Kien unur u privileġġ għalija li jsir dan. Saru numru ta’ diskorsi preċiżi u mimlija messaġġi politiċi li l-okkażjoni serviet. Smajt għalhekk b’attenzjoni dak li ntqal minn Victor Camilleri, mill-ex Ministru Evarist Bartolo, mill-Onor. Robert Cutajar, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Ispeaker innifsu. Kull kelma fissret ħafna għalija f’dan il-mument partikolari f’ħajti. Biss ħassejt aktar dan waqt li kont qiegħed nirrealizza li d-data tas-7 ta’ Frar hija waħda feliċi. Hija hekk għax fiha, ħames mija u sitta u erbgħin sena ilu twieled bniedem li kitbietu għadhom jinqraw u jiġu studjati.

Tumas More

3. San Tumas More, kif qrajt tant tajjeb f’pubblikazzjoni li kienet saret mill-istess Speaker: “... kien bniedem għaref, kolt, avukat, statista, kittieb. Wieħed mill-imħuħ kbar ta’ żmienu, li kien iż-żmien tar-Rinaxximent, meta l-Ewropa reġgħet skopriet il-Klassiċi Griegi.” Proprju f’dan kien il-bniedem li kiteb il-famuż Utopia. Dak li llum, fis-soċjetà Maltija tagħna ma jinstemax daqshekk, imma li influwenza u għadu, għal min irid jaqrah, jista’ jiġi minnu influwenzat. Inkiteb f’mument partikolari u wara ħafna ħsieb. Alternattiva kuraġġuża għas-soċjetà li kien qiegħed jgħix fiha li kienet iddominata minn ċentralizzazzajoni tal-poter f’idejn il-monarka. F’idejn persuna waħda, li minnha jitlaq u jispiċċa l-poter tal-Istat. Kellu l-ideat tiegħu ċari ħafna u f’dan fittex paġna ġdida lejn il-futur. Fittixha fit-tama lejn il-futur.

Fl-istess żmien

4. F’dan, il-piż tal-ktieb huwa ikbar, meta wieħed jagħraf iqegħdu mal-ideat li kitbu Erażmu ta’ Rotterdam (li miet fl-1536) u Niccolò Machiavelli (1469-1527). Wieħed li jħares li jagħti l-pariri lil prinċep Nisrani u l-ieħor li jaċċetta dak li kien hemm għaddej fi ħdan ir-renjanti ta’ dak iż-żmien. More kellu l-viżjoni li jinqata’ minn kollox u jipprova jibni soċjetà differenti ħafna. Kemm irnexxilu nafu. Imma f’dan inkunu qed niżbaljaw jekk ma naċċettawx li l-ideat tiegħu influwenzaw u sabu ruħhom applikati differentement. Għax l-ideat it-tajba jistgħu ma jiġux implimentati immedjatament. Wisq inqas kif riedhom jew fassalhom f’moħħu min ħareġ bihom. Imma l-esperjenza turik li llum jew għada jseħħu, dejjem jekk huma effettivament tajba u jsibu politiċi li jridu jwettquhom.

Proprju f’dan

5. Is-sitwazzjoni politika preżenti f’pajjiżna f’dan qed titlob aktar mingħandna. Fil-kumplikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u demokratiċi li qed naraw huwa essenzjali li nħarsu ’l quddiem. Għandna l-isfidi li nħolqu hawn internament, li huma tagħna, nazzjonali. Dawk li sa issa ma jidhirx li qed isibu l-livell ta’ paċi u stabilità li għandna bżonn. Biss, hemm iktar f’dawk internazzjonali. Ix-xenarju fl-Ukrajna, f’Gaża u issa bl-attakki fuq in-navigazzjoni mhumiex sfidi faċli. Daqshekk ieħor jekk fl-Istati Uniti tal-Amerika naraw tibdil fil-linja politika tallum. Id-daqqiet li ġejjin għalina rridu nassigurak li nkunu nifilħu sew għalihom. Biex ikollna dan hemm bżonn ta’ iktar ħidma u diskussjoni politika bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.

Forsi servejt


6. F’dan, nittama, naħseb li servejt sabiex ikun hemm aċċettat iktar il-prospett li ż-żewġ naħat tal-Parlament jidħlu fi djalogu aqwa. Il-botti u r-risposti tal-Ħadd jew ta’ matul il-ġimgħa jibqgħu weqfin hemm. Jistgħu jkunu konvenjenti biex juru attività, imma ħafna drabi sat-Tlieta filgħodu jkunu diġà “passato remoto”. Sfortunatament għad għandna, u f’dan għandna ninqatgħu minn dak li kellna, inħarsu iktar lejn xulxin fl-ideat li dan il-pajjiż għandu bżonn biex jibni iktar it-tama tiegħu lejn il-futur. Hawn bnedmin b’ideat. Hawn politiċi fuq iż-żewġ naħat li għandhom il-kapaċità li jidħlu f’dan il-proċess ta’ proposti u kontro-proposti. Naħseb li pajjiżna jikber, u mhux jiċkien politikament, meta juri li anke jekk aħna differenti fl-ideat, fl-ideoloġija, xorta kapaċi nwettqu proposti tajba. Proposti li l-pajjiż jitlob mingħandna.

Jitlob verament


7. Jekk aħna parti mill-klassi politika li nemmnu f’qalbna u f’moħħna li r-raġuni ma tridx forza, m’għandniex nibqgħu lura f’dan il-proċess. Dan, tul dawn is-snin li qiegħed inservi, żammejtu quddiemi. Mhux dejjem segwejt, imma meta għamilt hekk, kif inhuwa inevitabbli, żbaljajt. Għax il-ħidma tkun tajba meta ma tagħlaqx il-bibien tal-ideat, imma tassigurahom. Anke jekk ma taqbilx magħhom, trid tiddiskuti u turi r-raġunijiet tiegħek. Pajjiżna sar aħjar meta seħħ dan il-proċess demokratiku. F’dan, għalhekk, nibqa’ nemmen li dmiri huwa li nħares oġġettivament u mhux b’lenti partiġġjana.

Tamiet

8. Inħares lejn dak li jista’ jitwettaq tajjeb u ma nħallix għaddej dak li huwa ħażin. Pajjiżna għandu bżonn iktar paċi, iktar ġustizzja soċjali. Għandu bżonn viżjoni soda għall-futur tiegħu. Għandu, f’dan, iħares li jibni iktar it-tama lejn il-futur. Mingħajr it-tama l-bniedem ma jimxix ’il quddiem. Mingħajr dik it-tama li l-affarijiet isiru aħjar milli huma il-bniedem jitlef id-direzzjoni tiegħu. Għalhekk nibqa’ kommess u determinat li nippersevera sabiex bil-ħidma politika tiegħi inwettaq dan. Pajjiżna jixraqlu li kull bniedem jagħti sehmu sabiex ikollna futur aħjar. Jixraqlu li lkoll inkunu nistgħu nittamaw għall-futur.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...