14.3.23

Fejn qiegħed jonfoħ ir-riħ

Fejn qiegħed jonfoħ ir-riħ

1.      L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, kif ukoll kif il-poplu qiegħed iħares illum lejn il-politika għandhom ikunu fatturi u indikaturi lejn il-futur tagħna.  Il-futur ta’ pajjiż li anki jekk għadu qiegħed jaħsibha sew jappoġġjax lilna, xorta mhuwiex proprju ferħan b’dak li ġara.  F’dawn l-għaxar snin, li mhumiex qosra, ta’ dawn il-Gvernijiet Laburisti, il-poplu ra wisq minn dak li ma jistenna qatt li jara.  Ngħid fiċ-ċertezza li fl-2013 ħadd ma basar, ħlief uħud, li ser jaraw daqshekk żbalji u dnubiet mortali jitwettqu f’daqqa waħda, wieħed ikbar mill-ieħor.  Aġir mhux involontarju, imma fl-għarfien sħiħ ta’ dak li kien qiegħed iseħħ u l-konsegwenzi.  L-agħar, fil-ħsieb li dak li kien qiegħed isir, diversi nvoluti kienu qed jaħdmu fuq il-premessa li l-poplu mhuwiex ser jinduna, u għalhekk, mhuwiex ser jagħti każ.

 

Proċess

 

2.      Proprju għalhekk li wieħed għandu jeżamina u jqis, f’din it-triq twila li ninsabu fiha, sabiex wieħed jara u jkejjel sew.  Iqis li l-eventi li jseħħu ma jġibux mill-ewwel l-effetti li wieħed jippretendi.  M’hemmx fattur wieħed, gravi kemm hu gravi, li jċaqlaq l-affarijiet sabiex jikber il-kunsens elettorali għall-Partit Nazzjonalista.  Għandu jkun ċar, speċjalment għal dawk li jimmaġinaw li l-politika hija xi forma ta’ ‘logħba’ faċli.  Waħda li tikkonsisti f’li sempliċement tixħet ballun minn naħa għal oħra.  Jew dik ibbażata fuq l-iżball politiku li timmarka lilha nfisha biss f’”aħna u intom”.  Fejn “aħna” nagħmlu kollox sew, u “intom” kollox ħażin.  Inkella f’dik fejn min jgħolli leħnu u jakkuża lin-naħa l-oħra l-aħjar, jiġbor l-iktar voti.  Inkella, agħar, dik ibbażata fuq il-mibgħeda u l-piki bla sens.  Hemm ferm iktar minn hekk li wieħed irid jidħol għalih, dejjem jekk irid jaqbad sew it-triq.

 

Long-time Checklist

 

3.      Il-politika vera trid iktar dożi ta’ sabar u paċenzja.  Fejn tibni mill-ġdid dak li int, u tibni wkoll programm aħjar ibbażat fuq ideat li jistgħu jitwettqu.  Fuq proċess ta’ identifikazzjoni ta’ proġetti, liġijiet u politika li ssir billi wieħed jiddjaloga mal-pajjiż kollu.  Mhux biss, imma iktar ukoll li wieħed jiltaqa’ u jiġi magħruf, aċċettat li jaf x’inhu jagħmel.  Li kapaċi jżomm il-bilanċi neċessarji bejn l-interessi u l-prinċipji, b’kalatura lil tat-tieni.  Hemm min jimmaġina li tiġi elett għax tqassam, mentri l-fatti huma li l-bnedmin iħarsu lejn min, fl-opinjoni tagħhom, huwa l-aħjar li jmexxihom.  Mhux li jkunu konvinti li qed jivvutaw għall-perfezzjoni, imma l-aħjar fost dawk li għandhom id-difetti tagħhom.  Biss, f’dan, xorta biex wieħed jifhem il-missjoni tiegħu fil-Gvern irid ifittex li jolqot lista ta’ punti li jġibu l-kunsens.  U forsi, aktar minn hekk, li jġibu fil-politiku l-għarfien ta’ dak li għandu jwettaq sabiex jibdel pajjiżu għas-sewwa.  Dak li kapaċi jitkellem fl-Oppożizzjoni u jwettaq verament fil-Gvern.

 

Nibnu aħjar

 

4.      F’dan il-mument għad fadal sabiex niġu aċċettati mill-maġġoranza li aħna dawk li qed nitolbu li ningħataw l-opportunità li ngħinu fil-bini tas-soċjetà ta’ bnedmin aħjar milli għandna llum.  Irridu nikkonvinċu lill-poplu fil-kawtela tiegħu, li huwa deċiż fil-valuri tiegħu, li hemm iktar minn karattri varji.  Hemm, veru, min jemmen biss fil-bniedem, kif ingħad li: “people believe in character, because politics is about judgement as well as reason.”  Imma r-realtà titlob ferm iktar minn hekk.  Titlob l-għarfien li wieħed ikun kapaċi jkun pragmatiku quddiem is-sitwazzjonijiet li jiżviluppaw taħtu.  Li jkun kapaċi jagħżel bejn dawk id-deċiżjonijiet li jrid jittieħdu mill-ewwel u dawk li għandhom jistennew li l-pożizzjoni timmatura u tiċċara.  Li, anzi, kapaċità li wieħed jifred l-interessi tal-partit minn dawk nazzjonali.

 

Managing Maltese Politics

 

5.      F’dawn il-ġimgħat ħarġu iktar għad-dawl l-iżbalji ta’ kalkolu u ġudizzju li ġew meħuda mill-Gvern.  Anzi, iktar fi preċiżjoni, minn dan it-tieni Gvern Laburista.  Il-Kuntratt tal-Isptarjijiet kien żbaljat fuq diversi prinċipji mill-bidunett tiegħu, imma żied fil-karga proprju għax il-mottivi warajh ma kinux leġittimi.  Ma sarx kuntratt biex il-poplu jimxi ‘l quddiem.  Sar kuntratt biex flejjes kbar jidħlu fil-bwiet ta’ bnedmin diversi li għad ma nafux min huma.  Mhux biss, imma dan kollu żied fid-doża ta’ responsabbiltà politika, għax jekk kien hemm kuntratt li wieħed ried jaġixxi fuqu mill-ewwel, kien proprju dan.  M’hemmx dubju li kienet ir-responsabbiltà tal-Gvern Laburista tallum li jwaqqaf immedjatament il-kuntratt.  Dan għal żewġ raġunijiet: l-ewwel, għax huwa mimli b’aġir frawdolenti fejn il-pajjiż ma ħa xejn lura; u t-tieni, għax hekk seta’ jinqata’ mill-ewwel Gvern u mhux jiġi, kif inhuwa llum, kompromess.

 

Dak li għadda

 

6.      F’dan, dak li għadda għadda, u ħadd mhu ser iġib lura ż-żmien mitluf.  Biss, dak li seħħ huwa indikatur mill-iktar ċar ta’ dak li jinsab fih il-Gvern.  Dak li ilu jiġma u kien qiegħed jinħeba, issa qiegħed għad-dawl.  Ċar li d-deklin tiegħu huwa mmarkat.  Iktar bnedmin, wara dan kollu, ser jagħżlu li ma jagħtux il-kunsens u ma jivvutawx.  Proprju f’dan irid isir ix-xogħol preparatorju min-naħa tagħna sabiex isseħħ il-bidla.  Proċess twil li jitlob diversi tibdiliet li hemm bżonn li jsiru llum qabel għada, għax kull ġurnata taf tkun mitlufa.  Il-bidliet li jridu jsiru bil-ħsieb.  Ċert li għandna l-intelliġenza biex dan inwettquh.  Dawk li jridu jsiru billi wieħed jagħraf ċar dak li l-pajjiż hu llum, u dak li għandu bżonn.  Isiru billi f’dan kollu nwettqu dmirna u nagħrfu fis-sod, fis-sewwa u bil-preċiż fejn verament qiegħed jonfoħ ir-riħ.

 

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...