28.3.19

Ir-Raġuni Waħedha Biżżejjed



1.      Fi ftit jiem oħra ser tintemm il-ħatra tal-President tar-Repubblika, Mare Louise Coleiro Preca.  Ma kellhiex presidenza faċli, imma kienet waħda mimlija sfidi, uħud neċessarji, uħud le, maħluqa minn oħrajn, fix-xejn.  Tul il-perkors ta’ dawn il-ħames snin rajniha attiva kontinwament.  Ma tiqafx tiddiskuti u tipprova tbiddel għas-sewwa, b’enerġija qawwija.  Ċertament, ħidma pożittiva li diversi ċittadini jħarsu lejha bi gratitudni għas-servizz leali u distint tagħha.



L-aħħar viżta



2.      Għamlet iktar sew li għażlet li f’dawn l-aħħar jiem tiltaqa’ mal-Papa Franġisku.  Qegħda tagħlaq fuq l-istess nota li daħlet biha f’din il-kariga.  Hemm messaġġ ċar f’dan, bħal ma kien ukoll dak li ltaqgħet mal-President tar-Repubblika Taljan Sergio Mattarella.  Huwa wkoll magħruf għall-għaqal u l-valuri nsara li ggwidawh f’ħajtu.  Pajjiżna għandu bżonn li jsaħħaħ iktar ir-relazzjonijiet ma’ dak il-pajjiż.  Ma jistax jippermetti l-kontra, anki jekk wieħed ma jkollux l-istess ideat.



Deċiżjoni tajba



3.      F’dan wieħed għandu jgħid li aħna l-membri tal-Oppożizzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista konna ħadna deċiżjoni tajba meta għażilna li nivvutaw favur tagħha.  Presidenza għandha bżonn konsultazzjoni ċertament, però, iktar ma jkollha l-vot taż-żewġ naħat tal-politika Maltija, iktar aħjar.  Huwa sinjal ta’ maturità.  Jekk wieħed irid jagħmel punt politiku kontra l-Gvern, il-Presidenza m’għandhiex tħallas dak il-prezz.



Oppożizzjoni li tħares fit-tul



4.      Tul dawn il-jiem, il-partit irnexxielu f’dan juri kemm huwa kapaċi jħares fit-tul.  Anki jekk hemm vuċi ta’ propaganda żbaljata li trid tkerraħna, illum id-diska li smajna ftit xhur ilu tidher li, bil-fatti, qegħda tinbidel.  Hemm numru ta’ punti determinanti f’dan.  Għax huwa ċar li l-Gvern qiegħed, jum wara jum, jaċċetta l-pożizzjonijiet tal-partit u jipprova jagħmilhom tiegħu.  Jipprova jneħħi mill-kredtu li jixraq ġustament lill-Oppożizzjoni.  Imma kif nafu, ir-raġuni m’għandhiex bżonn forza.



Sistema elettorali



5.      Tul il-ġimgħa rajna, l-ewwel, il-Prim Ministru stess jaqbel mal-pożizzjoni li ħa l-partit dwar dak li qiegħed jiġi propost minn parti mill-Kummissjoni Elettorali.  Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ressaq l-oġġezzjonijiet u l-emendi neċessarji sabiex il-vot jibqa’ wieħed liberu.  Ma jistax jiġi permess li xi ħadd ikollu xi forma ta’ sistema li biha jidentifika kif ċittadin partikolari vvota.  Dejjem emminna f’dan id-dritt u assigurajna li jaħdem kif għandu, fil-libertà assoluta li jixraqlu.  Huwa żbaljat li timxi b’xi mod li tnaqqas dan, u wieħed għandu jirreġistra li beħsiebna naraw li kollox jibqa’ kif inhuwa.



Il-Kummissjoni Venezja



6.      Ċertament, hemm dejjem lok biex tmexxi b’attenzjoni ‘l quddiem l-istituzzjonijiet demokratiċi.  Iċ-ċirkustanzi tal-ħajja jinbidlu, u magħhom il-prijoritajiet.  F’dan ukoll, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, ilu issa għal dawn l-aħħar xhur jinsisti mal-Gvern li f’dak li żviluppa f’dawn l-aħħar snin hemm bżonn li jkun hemm tibdiliet.  Il-pressjoni tidher li serviet tajjeb għax issa l-Gvern qiegħed jintrabat li jwettaq numru ta’ bidliet li din il-Kummissjoni Venezja pproponiet.  Wieħed għad irid jara, għax ġie dikjarat li, wara Ġunju ta’ din is-sena, dawn l-emendi ser jaraw id-dawl.  Imma l-Gvern, fl-aħħar ċeda wkoll għal din il-pressjoni demokratika u leġittima tal-Oppożizzjoni.



Nafu triqitna



7.      Ċertament, nafu triqitna.  Nafu li hija diffiċli u nitilqu bi żvantaġġi varji.  Biss, ma’ kull ġurnata, il-ħidma tagħna qegħda takkumula u tirranka.  Il-futur, kif nemmnu, huwa wieħed miftuħ.  Ħadd ma għandu l-monopolju fuqu.  Ħadd ma jista’ jaħseb li ser jikkontrollah.  Jista’ biss, fil-ġudizzju imperfett tal-bniedem, jipprova jipprevedih.  Li huwa ċert huwa l-preżent, li minnu qed naraw it-tibdil neċessarju.  Mhux biss, imma qed naraw iktar li dan ġej fuq l-inizjattivi li qed jieħu l-Partit Nazzjonalista.  Dan għax dan il-partit huwa mimli bi bnedmin li jemmnu li r-raġuni m’għandhiex bżonn forza, għax waħdeha biżżejjed.







 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...