15.3.19

Ulied l-Unjoni Ewropea




1.     Dan huwa l-partit tal-Ewropa.  Dak li emmen li postu qiegħed ma’ dak il-kontinent.  Postu, kulturalment, ekonomikament, u ċertament politikament, hemm qiegħed.  Diġà, meta fl-1964 ksibna l-Indipendenza mir-Renju Unit, wieħed mill-ewwel passi tagħna kien li nsiru membri tal-Kunsill tal-Ewropa.  Diskors George Borg Olivier f’dak il-jum li sseħibna huwa mimli b’ideat, b’viżjoni ċara u b’appartenenza.  L-ewwel messaġġ tiegħu kien li, issa li aħna indipendenti, qed nidħlu lura fi ħdan il-familja li aħna parti minnha.

Pass naturali

2.     Kien għalhekk pass naturali għalina li nimxu iktar ‘il quddiem.  Il-vantaġġi llum nafu li huma qawwija għalina.  Però, hawn għandna nirreġistraw li batejna sew biex pajjiżna sar membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.  Għandna nfakkru li kienet il-persistenza tal-Partit Nazzjonalista li jidħol, li fl-aħħar, vinċiet.  Waqt li, fuq l-oħra, kien hemm id-diffidenza u r-reżistenza tal-Partit Laburista biex insiru parti.  Infakkru li meta applikajna kien hemm min, fl-ewwel jiem tiegħu fil-Gvern fl-1996, irtiraha.  Infakkru li meta erġajna konna lura fil-poter fl-1998 applikajna u rajna minn kollox min-naħa tal-Partit Laburista biex ma nsirux membri.

Aħna l-partit tal-Ewropa

3.     Fir-realtà, meta tqis dak li ngħidu aħna u dak li jingħad mill-Gvern tal-ġurnata, joħroġ ċar il-kuntrast.  Aħna l-partit li aħna favur, u dawk li jifhmu l-vantaġġi u l-potenzjal tal-Unjoni Ewropea.  Insemmu ħafna vantaġġi li ħadna.  Dawk li jissemmew fil-politika ta’ kuljum juru kemm kien kbir il-pakkett finanzjarju li l-Gvernijiet Nazzjonalisti rnexxielhom iġibu għalina.  Pakketti finanzjarji li xprunawna f’diversi toroq ekonomikament u soċjalment.  Dawk li qatt ma ħadna qabel, dawk li din l-amministrazzjoni taf li m’għandhiex l-abbiltà politika biex terġa’ takkwista.

Pożizzjoni politika

4.     Imma, aktar minn hekk, hemm il-pożizzjoni politika tagħna.  Dik li permezz tagħna nsemmgħu leħinna u għandna s-saħħa tal-vot, li kif nafu, jagħmel differenza.  Dan huwa vantaġġ li qatt ma kellna fis-sekli tal-eżistenza tagħna.  Dan huwa vantaġġ li nistgħu ngħidu, imma m’aħniex.  Għandna madwarna eventi politiċi li qed iseħħu, li m’aħniex nieħdu parti attiva u determinanti fihom.  Għax m’għandniex inkunu dak li Emanuel Macron kiteb tul din il-ġimgħa għalina wkoll: “We cannot sleepwalk through a diminished Europe”.  Ġejjin konsegwenzi fuqna li ilhom jinġabru u li issa uħud bdew jifhmu.

Recover the spirit of progress

5.     F’ittra mimlija punti għal riflessjoni ta’ dan il-President tar-Repubblika Franċiża hemm, dak li nittama, bidu ta’ proċess ġdid.  Proċess li jagħraf fejn aħna u fejn għandna mmorru.  Hemm bżonn pjan ċar u fit-tul li għandu jsir bejn l-Istati Membri f’dak li rnexxielna nwettqu.  Hija ittra mimlija spirtu Ewropew.  Waħda li tolqtok.  Bħalma tmissek il-parti ċentrali fejn jingħad minnha hekk: “Europe is not a second-rank power.  Europe in its entirety is a vanguard: it has always defined the standards of progress.  In this, it needs to drive forward a project of convergence rather than competition: Europe, where social security was created, needs to introduce a social shield for all workers, east to west and north to south, guaranteeing the same pay in the workplace, and a minimum European wage appropriate to each country and discussed collectively each year.”

Take back control

6.     L-Ewropa għandha bżonn mexxejja tajba.  Għandna bżonn iktar minn dawk li jagħrfu li l-proġett Ewropew m’għandux bżonn jiġi inventat mill-ġdid.  Għandu bżonn jitħaddem fl-ispirtu u l-viżjoni li dejjem kellu.  Biex dan iseħħ, għandna bżonn iktar deputati fil-Parlament Ewropew li jagħrfu u jifhmu l-importanza tal-Unjoni Ewropea.  Iktar ulied l-Ewropa.  Għax irridu nassiguraw li jkun hemm iktar minn dawk li huma leali lejn din il-linja li għamlet il-ġid u assigurat progress.  Ma jistax ikollna iktar ipokrezija politika.  Anqas tradiment li joħroġ minn komportament ambivalenti.

Nissudawn ‘l-Unjoni Ewropea

7.     Il-kwistjoni Brexit, ċertament, hija mument importanti.  Taf tkun deċiżiva u determinanti.  Hemm impatt immedjat, imma ħidmitna trid tkun fit-tul.  Irridu nħarsu lejn dak li ġej sabiex naqbżu l-ostakli u l-kumplikazzjonijiet li ser ikollna.  Pajjiżna għandu numru ta’ vantaġġi f’dan.  Nifhmu aħjar il-mentalitajiet li qed jitħabtu bejniethom.  Kemm ser inħaddmu dan kollu sabiex isir il-ġid għalina fil-futur tagħna jiddependi mill-abbiltà politika tagħna.  Kemm ser inkunu kapaċi ningħaqdu bħala membri attivi u mhux passivi ma’ politiċi bħal Macron jiddependi mill-għażla li ser inwettqu f’Mejju.  Għax aħna verament ulied l-Unjoni Ewropea nifhmu kemm dan huwa importanti u deċiżi li, fl-interess nazzjonali, inwettqu l-aħjar għażla.


   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...