5.3.19

Flimkien għal pajjiżna.




1.    Ċertament, dawn l-aħħar jiem servew sabiex il-partit ikompli jissoda lilu nnifsu.  Tul il-jiem li kelli x-xorti, minkejja diversi diffikultajiet li nkun preżenti għalihom, stajt nara iktar kunsilliera jsemmgħu leħinhom.  Iktar persuni attivi fi ħdan il-partit li jridu jagħtu l-kontribut tagħhom.  Il-linja politika tagħna tinbena proprju mis-sehem dirett ta’ dawk kollha li tkellmu u kitbu.  Huwa proċess kompletament ġdid.  Huwa wieħed li qiegħed, fil-fatt, jifrex fuq ġimgħa sħiħa fejn hemm impenn politiku qawwi.  Kull min irid il-ġid lil dan il-partit politiku ġie, u b’xi mod, ħa sehem.

Ideat varji

2.    Fil-linja politika li stabbilixxa s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, qed iġib il-Kunsill Ġenerali lura fil-post li jixraqlu.  Mhuwiex formalità li ngħaddu minnha kull sena, imma l-bażi tal-preżenza politika tagħna fuq skala nazzjonali u lokali.  Partit huwa ħaj meta iktar militanti jingħataw l-opportunità li jitkellmu.  Partit jaqbad it-triq it-tajba meta jkollu min jiġbidlu l-attenzjoni.  Jiġbidlu lejh dak li qiegħed isir fil-pajjiż f’parti essenzjali ta’ awto-kritika libera u diretta.  Kuntrasti, riflessjonijiet u pass pass lejn l-għarfien li għandna fil-missjoni politika tagħna.  Dan jiġi u jinġabar direttament mill-ideat varji li għandna.

Awto-kritika

3.    Għandu raġun is-Segretarju Ġenerali jgħid li rridu nibnu l-programm elettorali tagħna minn issa sabiex nagħtu alternattiva soda.  Irridu nħarsu minn issa ‘l quddiem nett.  Irridu nippreparaw b’fiduċja għal dak li ġej.  Nippreparaw billi niddiskutu, niddjalogaw, nipproponu u nikkritikaw.  Il-kritika hija essenzjali sija għal dak li għaddej fil-pajjiż, imma wkoll għall-partit.  Irridu l-affarijiet isiru aħjar fil-pajjiż tagħna.  Hemm wisq nuqqasijiet li issa ġejjin biċċa biċċa kollha f’daqqa.  Nagħrfu li l-Gvern, illum, qiegħed jaħrab kemm jista’ minn dawn.  Però, nafu għax hemm ir-regola tal-eżistenza li llum jew għada ser jilħquh.

Saret il-ħidma t-tajba

4.    Qegħdin illum f’dan il-proċess ta’ bidla, ta’ tiġdid, għax sar ħafna xogħol fix-xhur ta’ qabel.  Dak li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, bena bid-direzzjoni tiegħu lura b’għaqal.  Jekk kien hemm min ħaseb li ser nieqfu, jew tlifna mir-ritmu, tul din il-ġimgħa seta’ jara li dan mhuwiex minnu.  Il-partit huwa ħaj.  Mhuwiex miżmum lura.  Miexi ‘l quddiem b’ritmu ferm iktar qawwi milli ħaddieħor jista’, jew seta’, jaħseb.  Il-linja politika tagħna tibqa’ fermament dik demokratika Nisranija.  Hija dik li bnew tant tajjeb ta’ qabilna, u li issa reġgħet qabdet triqitha.  Jekk hemm min jipprova jċekkinna, il-fatti qed juruh kemm huwa żbaljat.

Hemm min ma jafx

5.    Il-punt li tqajjem tant tajjeb tul id-diskussjoni huwa dak li huwa marbut ma’ kemm il-vuċi tagħna qed tinstemgħa fis-soċjetà.  Il-vuċi tagħna hemm qegħda.  Il-pożizzjonijiet tagħna aħna naffermawhom.  Biss nagħrfu li għandna bżonn iktar sostenituri tal-mezzi tal-komunikazzjoni tagħna.  Huwa ċertament determinanti li nżommu għaddejjin In-Nazzjon, Il-Mument, Netfm u Net TV.  Però huwa iktar importanti li nsibu aktar bnedmin li jixtru l-gazzetti tagħna u li nxerrduhom.  Dak li jinkiteb jinqara’.  Daqshekk ieħor huwa vitali li nsegwu dak li jingħad fuq il-mezzi l-oħra.  Il-vuċi tagħna hija essenzjali fid-demokrazija Maltija, però trid l-assistenza kollha tagħna.

‘Il quddiem

6.    Il-partit għalaq formalment dan il-kapitolu nhar l-Erbgħa li għadda.  Biss, il-ħidma mhix sejra tieqaf hemm.   L-appuntamenti elettorali jridu jiġu rispettati.  Dak li sejrin għalih fih il-piż tiegħu. Dan nagħrfuh.  M’aħniex ser nibqgħu lura.  Ser inkomplu naħdmu b’iktar determinazzjoni.  Il-pajjiż għandu bżonn jisma’ l-vuċi tagħna.  Il-pajjiż għandu bżonn dan il-partit li qiegħed, jum wara jum, jaqbeż għal dawk li qegħdin minn taħt.  Partit li qed jitkellem sabiex l-affarijiet isiru aħjar milli huma.  Partit li jagħraf il-missjoni kontinwa tiegħu.  Dik li jkun il-katalist tal-bidla vera u tajba.  Dak li jħares b’għaqal fit-tul u li jmexxi b’ġustizzja soċjali.  Dak li huwa fiċ-ċentru, u għax huwa hekk jaqbeż għall-membri kollha tas-soċjetà fil-vokazzjoni popolari u interklassista tiegħu.  Għalhekk aħna flimkien għal pajjiżna.  


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...