17.3.19

Delega fid-djalettika




1.     Il-Ħadd li għadda, is-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista taw risposta ċara.  Il-fatt li tul jum wieħed inġabru xejn inqas minn tlett mija u wieħed u tmenin elf ewro jitkellem waħdu.  Hemm realtà li qed tinbena biċċa biċċa.  Waħda li qegħda tirreġistra ruħha fil-bidla li għaddejja.  Waħda li tagħti kuraġġ.  Waħda li turi li hemm diversi li qegħdin japprezzaw u jappoġġjaw.  Japprezzaw il-linja politika l-ġdida li tittieħed mill-Kap, Dr Adrian Delia.  Jappoġġjaw l-isforzi fil-ħidma varja li mexjin fiha.

Fi proċess ta’ djalogu

2.     Mexjin ‘il quddiem għax tul dawn l-aħħar xhur inbeda proċess ta’ djalogu.  Wieħed bażat fuq il-kuntatt lura mas-soċjetà tagħna.  Dak li għaddej mhuwiex eżerċizzju artifiċjali.  Mhuwiex wieħed intenzjonat biex jittieħdu r-ritratti jew isiru r-rapporti.  Imma huwa wieħed li jrid jara u jisma’ mingħand il-poplu f’dak li qiegħed imiss miegħu.  Imiss miegħu fit-tajjeb u f’dak ferm inqas tajjeb.  Sija fil-vesti preżenti tagħna ta’ Oppożizzjoni, kif ukoll għal dak futur, fejn irridu nifhmu r-realtajiet biex inwieġbu u nirreaġixxu sewwa f’ħidmietna.

F’lokalitajiet differenti

3.     Kelli l-opportunità li nkun mal-Kap tal-Partit waqt li kien qiegħed iżur il-komunità kummerċjali fil-Fgura u f’Raħal Ġdid.  Ittieħdu ritratti, imma l-iktar likien hemm kien dan il-proċess demokratiku.  Għax iltaqa’ ma’ varjetà ta’ persuni, u daħal fi ħwienet ta’ ġeneru differenti.  Tkellem, imma l-iktar staqsa kontinwament.  Għax id-domandi jwelldu diskussjoni, djalogu, u jagħtu lura risposti, ħafna drabi ċari.  Għax għandu ċertament il-kilba li jkun jaf x’qiegħed jiġri.  Irid ikun jaf proprju għax verament jagħti każ.  Jagħti każ dak li jkun qiegħed jingħadlu b’attenzjoni.

Nibnu d-delega

4.     Kull partit irid jibni l-programm elettorali tiegħu.  Jista’ jibnih billi jingħalaq f’kamra u jibda joħroġ b’dak li jaħseb li l-bnedmin fis-soċjetà għandhom bżonn.  Jista’, minflok, jitlaq minn mal-bniedem.  Jitlaq minn ma’ dawk id-diversi punti li verament iġibu differenza fil-ħajja tiegħu.  Ħafna drabi, aħna l-politiċi naħsbu li huma l-proġetti li nidentifikaw bħala “kbar” li ser jiġu nnutati.  Fil-verità, huma iktar dawk li huma “tikkiet”.  Dawk li jbiddlu billi jneħħu l-intoppi li l-Maltin u l-Għawdxin jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kull ġurnata.  Bħal stennija żejda, ansjetà biex wieħed jinqeda f’dak li għandu dritt għalih, f’kelma waħda: rispett fid-dinjità li kull persuna ħaqqha.

Demokrazija indiretta

5.     Proprju għax aħna l-partit ta’ kulħadd fis-soċjetà.  Għax aħna l-partit tal-Ewropa li nifhmu aktar dan.  Minn meta laħaq il-Kap il-ġdid inbeda l-proċess biex nibnu l-programm għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.  Id-demokrazija tagħna hija waħda indiretta.  Hija hekk għax fis-snin serviet tajjeb, u fl-għarfien tal-limitazzjonijiet ta’ dik diretta.  Tista’ titħaddem sewwa u tista’ tiġi abbużata.  Nifhmu aktar dan fil-kuntest tat-teknoloġija moderna, li qegħda issa toħroġ idha biex timmanipula kif naħsbu u kif nivvutaw.

Djalettika

6.     Biex id-demokrazija taħdem tajjeb għandna bżonn djalettika.  Sija dik li tibbaża ruħha fuq il-proċess ta’ bnedmin li jridu jaslu għall-verità, għar-raġuni, kif ukoll f’dik ta’ konflitt, kontradizzjoni bejn ideat varji.  Iż-żewġ proċessi huma neċessarji fis-soċjetà.  Huma neċessarji fil-partit.  Kif ukoll fis-soċjetà.  Kif ukoll fis-soċjetà mal-partit.  L-argumenti, id-diskussjoni, in-nuqqas ta’ qbil ma jinkwetawx.  Huma neċessarji għalina, jekk irridu nwelldu programm ta’ ħidma futura tajjeb.

Elezzjonijiet

7.     Ser ikollna daqt elezzjonijeit għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali.  Dawn għandhom il-piż tagħhom.  Huma l-bidu ta’ dak li qiegħed isir; mhumiex it-tmiem.  Preparazzjoni fil-proċess li għaddej.  Xejn ma jitwieled perfett.  Jista’ jsir aħjar.  Jista’ jitjieb, imma jrid żmien normali li l-bnedmin, fid-diffikultajiet tagħhom, jieħdu.  Nistgħu f’dan niġu kritikati.  Nistgħu nsibu ħafna puritani u dawk tal-partit ta’ “kif suppost”, imma dan ma jaqtagħlniex qalbna.  Dawn jgħinu sabiex wieħed itejjeb dak li aħna.

Il-bidla

8.     Dan għax nifhmu li għandna dmir lejn dan il-poplu, li jrid pajjiż aħjar u tmexxija aqwa milli għandna.  Dak li jixraqlu bidliet verament tajba għalih.  Dak il-poplu li mhuwiex “komdu” jgħix f’soċjetà li sikktet il-kuxjenza soċjali tagħha biex tikkoabita ma’ Gvern li qed jippermetti dak li m’għandux jiġi permess  Il-proċess tal-bidla beda, u qiegħed jirranka sew.  Il-Maratona tal-Ħadd li għadda bagħtet messaġġi lil min għandha.  Il-fiduċja li ġiet reġistrata turi li qegħdin fuq it-triq lejn is-sewwa.  Waħda li qed tibni delega ġdida fid-djalettika.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...