1. Naħseb li l-Isqof Awżiljari
l-ġdid, Monsinjur Joseph Galea Curmi, kien jaf x’qed jagħmel. L-4 ta’ Awissu, il-jum tal-konsagrazzoni
tiegħu fl-Imdina, kien ukoll dak li fih il-Knisja tiċċelebra lill-Kurat ta’
Ars, San Ġwann Vianney. Mudell
għas-saċerdoti, ċertament għalih ukoll.
Għex ħajtu għas-sewwa. Jaħdem
biex ixerred il-verità. Ixerred
il-Vanġelu b’dedikazzjoni kbira f’post li ftit, anqas l-isqof li bagħtu, ma
kienu jafu bih. Għex ħajja
għall-parruċċani tiegħu, jiġbidhom lura lejn il-Knisja. Siegħat twal kull ġurnata b’sagrifiċċj, bla
waqfien jew tgergir. Jingħad li l-fama
tiegħu xterdet ħafna fi Franza, dik li kienet rat il-ħruxija tar-Revoluzzjoni u
l-persekuzzjoni tas-saċerdoti Kattoliċi.
Eluf kienu jmorru jżuruh kull sena.
Il-Knisja, illum, ġustament tqimu bħala l-Patrun tal-Kappillani.
2. Diffiċli, verament, tkun Nisrani
u tgħix hekk. Mhux biss illum, imma minn
dak li naraw u naqraw, f’kull żmien.
L-Isqof Awżiljari, fl-umiltà tiegħu, fl-attenzjoni, ġenerożità lejn
il-proxxmu, ma hemmx dubju li jagħraf dan.
Jagħraf sew u fil-fond il-missjoni kbira tiegħu, li ġie mbaskat u
preparat sewwa għaliha. Il-qari tal-jum,
fil-fatt, imiss dan kollu. L-ewwel qari
bil-Profeta Ġeremija li jiddikjara li kien mibgħut mill-Mulej biex iwettaq
missjoni f’avversità, li jitlob lil min qiegħed jisimgħu jirriforma egħmilu u
triqatu, però jagħraf li jista’, f’dan, jitlef ħajtu. L-istess is-silta qabel il-Vanġelu minn San
Mattew, tiddikjara li imberkin dawk li huma persegwitati minħabba s-sewwa. Wara, fil-Vanġelu, il-martirju ta’ San Ġwann
Battista. Għal min jieħu ħajtu
b’responsabbiltà, b’serjetà, jaf li meta jkun għas-servizz tas-sewwa jrid
jgħaddi minn dawn l-eżamijiet.
3. Kontra din il-ħidma hemm
il-qilla tal-ħażen. Il-qerq
tal-qarrieqi, li juża kull mezz biex is-sewwa, b’mod jew ieħor, jiddgħajjef. Il-ġlieda hija kostanti u kull Nisrani huwa
msejjaħ biex jikkumbatti. Imma s-suldati,
f’din id-dinja, biex ikunu jafu fejn u kif iridu jwettqu dan il-kumbattiment
għandhom bżonn id-direzzjoni, il-kelma ċara, l-iswed iswed u l-abjad abjad, li
fuqhom kapaċi jagħtu. Lesti
“jissagrifikaw” ruħhom imma jridu spjegazzjoni, jiġu motivati, u jsibu meta
jfittxu. Ifittxu kontinwament il-fidi,
il-verità. Kif jgħid Santu Wistin:
“Cerchiamo come coloro che devono trovare, e troviamo come coloro che devono
cercare ancora” (Infittxu bħal dawk li jridu jsibu, u nsibu bħal dawk li
għadhom iridu jfittxu).
4. Imma f’dan l-għan ċar u nobbli
hemm bżonn l-attenzjoni. Ċertament, min
iwettaq il-ħażen iġib lilu nnifsu għas-servizz tal-malizzja. Biss, dawk ta’ fuqna jagħmlu
distinzjoni. Il-bniedem innifsu rridu
nifirduh mill-att. Kif kien jgħid tajjeb
l-Abbe Pierre: “J’ai de la haine pour les actes mauvais des hommes, mais je ne
peux pas avoir de la haine pour les personnes” (Għandi mibgħeda lejn l-atti
ħżiena tal-bniedem, imma ma jista’ qatt ikolli mibgħeda lejn il-bnedmin). It-tieni, fis-sejħa lejn il-verità u
l-imħabba m’għandniex naslu f’punti ta’ relattiviżmu. L-atti li huma kontra s-sewwa, spiss, fi
ħsieb travers ta’ ħniena nsibuhom jiġu skużati, forsi wkoll ġustifikati. Fit-triq tas-sewwa, fis-soċjetà, hemm bżonn
essenzjali li wieħed ikun ċar u jgħid li l-att huwa ħażin, imma l-bniedem
jista’ u għandu jiġi assistit. Kif jgħid
Ġeremija: għandu jiġi msejjaħ direttament biex jibdel triqatu.
5. Għax hemm effetti kuntrarji meta
wieħed jieqaf milli jgħid dak li huwa sewwa, jew għalkemm jara dan, jieqaf pass
lura milli jikkontrasta, jispjega u jidentifika l-ħażen. Meta b’xi mod u bl-intenzjonijiet varji,
fir-realtà jmur lura mill-missjoni fdata lil dak il-profeta. L-effetti li jġibu magħhom huma varji. Nara, l-ewwel, il-ħsieb li min qiegħed
fit-triq żbaljata jilludi ruħu li, minflok, huwa miexi f’dik it-tajba; u
t-tieni, ta’ dawk li qed izappu, jaħsbu li mexjin sodi u dritti. Bnedmin li jintilfu f’forom ta’
awto-ċertifikazzjoni u jitilfu l-awto-kritika, ix-xafra tal-kuxjenza. Għax li wieħed jgħid is-sewwa, jispjega iva
iva, le le, u jindika fejn huwa żbaljat, mhux att ta’ ħruxija jew egħbusija.
Bħalma anqas ma huwa xi att ta’ ħniena li wieħed ma jispjegax lil min jaħseb li
qiegħed fit-triq it-tajba li mhuwiex.
Għax il-bniedem, min-natura tiegħu jrid is-sewwa, u jrid li jkollu lil
min jispjegalu u jifhem kif u għala.
Irid direzzjoni, qiegħed f’liema pożizzjoni qiegħed.
6. Sidna Ġesù Kristu nafu, ġie għal
dan: biex ixerred il-kelma t-tajba.
Qablu kien hemm il-profeti, warajh il-qaddisin u l-mexxejja
t-tajba. Dan huwa ċar; mhux
neċessarjament nifhmuh. Insibu
diffikultajiet, ħitan li warajhom nippruvaw nistkennu. Jew aħjar, titwieled fina dik il-biża’, kif
ifissirha Don Primo Mazzolari: “Si ha paura di prendere sul serio la parola del
Vangelo e della Chiesa, si ha paura di diventare santi, di correre la grande
avventura della carità senza limiti” (wieħed ikollu l-biża’ li jieħu
bis-serjetà l-kelma tal-Vanġelu jew tal-Knisja, ikollu l-biża’ li jsir qaddis,
li jiġri l-esperjenza straordinarja tal-karità mingħajr limiti). Nifhem: mhux kull bniedem ikun ferħan se jtir
bil-ħsieb li jista’ jispiċċa rasu maqtugħa bħal dik ta’ San Ġwann Battista.
7. Il-Knisja u l-Istat huma
mifruda, bħal ma huma l-politiċi u r-reliġjużi.
Imma dan ma jfissirx li ma jinfluwenzawx, inevitabilment, lil
xulxin. Anki fl-iktar reġimi ateji, kif
ix-xiehda tal-Qaddis San Ġwanni Pawlu II tagħti, dan iseħħ. Aħseb u ara f’wieħed bħal tagħna. Il-lezzjonijiet il-ħżiena tagħna l-politiċi
jwelldu u qed imexxu dan ir-relattiviżmu.
Dak tax-xejn ma huwa xejn. Fejn
inkabbru l-ħsieb fl-għalqa tal-voti, li l-iswed ma ġara xejn jekk tgħidlu
abjad. Għandna t-travi f’għajnejna li ma
nħossux u mhux dejjem niżirgħu ż-żerriegħa t-tajba. Anzi, kif jidher, indaħħlu s-sikrana. F’dan qegħdin, f’dan il-pajjiż li għandu
bżonn iktar vuċijiet għall-verità u s-sewwa.
8. Proprju għax hawn il-ħażen ma’
saqajna li hawn bżonn iktar ta’ vuċijiet ċari, veri u diretti għas-sewwa. Proprju għalhekk li waqt li minn qalbna
nawguraw lill-Isqof Awżiljari ta’ pajjiżna l-ħidma t-tajba, nifhmu ferm iktar
li l-missjoni ta’ min irid isegwi l-Kurat hija iebsa sew.
No comments:
Post a Comment