1. Qed ngħixu sajf ieħor mimli
b’aħbarijiet li jsewdulek qalbek.
L-attakki terroristiċi varji li rajna tul dawn l-aħħar żminijiet
iwassluna naħsbu iktar fil-fond fuq kemm il-bniedem inbidel. Għandna nistaqsu, forsi aħjar, jekk inbidilx
jew fil-fatt baqax l-istess. Nistaqsu
jekk, f’din l-età, f’dan iż-żmien, minkejja dak kollu li l-esperjenza umana
ġabret, imxejniex lejn is-sewwa jew bqajniex fl-istess pożizzjoni. Għax atti żbaljati, vjolenti, jibqgħu,
jgħaddu kemm jgħaddu snin. Dawk li,
minnhom, frott tajjeb għall-umanità ma joħroġx.
Sbatax-il sena
2. Ngħid dan fid-dawl ta’ dak li
mill-11 ta’ Settembru 2001 ilna naraw iseħħ.
L-attakki lejn iż-żewġ torrijiet, li fihom rajna tant jitilfu ħajjithom
inutilment. Aġir minn bnedmin li bdew
jagħmlu użu minn strumenti għas-sewwa biex jagħmlu ħsara lill-oħrajn. Ajruplani, vetturi ta’ kull daqs u forma li
ssoltu jintużaw biex iwasslu għal skopijiet ta’ trasport saru parti minn
mekkaniżmu ta’ distruzzjoni. Għax hemm
ħafna atti ta’ ħdura li joħorġu mill-ġenn intern li ċerti bnedmin jikkoltivaw
li, jingħad x’jingħad, ma hemmx ġustifikazzjoni għalihom. Huma atti ta’ tradiment lejn persuni li,
fl-innoċenza tagħhom, sabu ruħhom vittmi ta’ aġir tant iswed għax kienu
fil-post żbaljat fil-mument żbaljat.
Protezzjoni xierqa
3. Huwa f’dan ċertament iktar milli
utili li l-istati demokratiċi fid-dinja jgħollu kemm jistgħu l-livell
tas-sigurtà. Kull ċittadin jixraqlu li jkun
protett b’kemm wieħed jista’, u kemm wieħed jista’ jaħseb. Meta nara u naqra dak li jingħad fil-ġurnali
u fid-diskorsi politiċi jidher evidenti li, b’mod speċjali fl-Unjoni Ewropea,
l-attenzjoni lejn dan is-settur żdiedet.
Hemm ferm iktar strumenti teknoloġiċi sofistikati li qed jippermettu li
l-livell tad-difiża jiżdied. Dan l-infiq
mhuwiex lussu, imma huwa sempliċement neċessità, li jkun nuqqas jekk ma
jsirx. Pajjiż illum, biċ-ċirkostanzi li
qed naraw, għandu dmir li jonfoq u jieħu ħsieb iżomm ruħu l-ħin kollu aġġornat,
huwa jew le fl-Unjoni Ewropea. Dan
jgħodd iktar u iktar għar-Renju Unit, li daqt ser joħroġ barra minnha. Hemm bżonn li din il-kollaborazzjoni, din
l-għajnuna għas-sigurtà, ma tintilifx.
Pajjiżna wkoll
4. F’dak li għaddejt minnu, nifhem
ikar u iktar kemm kull pajjiż huwa viċin u miftuħ għal dawn l-elementi. Il-gwerra ċivili Libjana tal-2011 kienet
mill-iktar kiefra għal dak il-poplu, però ftit irrealizzaw kemm aħna wkoll
konna esposti. Is-sogri li għaddejna
minnhom, illum nistgħu ngħidu b’wiċċ il-ġid, kienu qawwija. Stajna verament sibna ruħna parti
mill-konflitt f’diversi modi. Strumenti
ta’ distruzzjoni moderni ma kienux il-bgħid minn xtutna. Pajjiżna huwa ċertament espost u ħadd ma
għandu jilludi ruħu li aħna tant maħbuba, jew tant tajbin, li għandna xi
garanzija speċjali. Irridu narmaw bħal
ħaddieħor u nkunu preparati.
Attakk lid-demokrazija
5. Dan qed ngħidu għax il-bnedmin
jibqgħu dawk li, fil-maġġor parti tagħhom, huma mħajrin għas-sewwa. Għandna fiduċja fil-bniedem. Biss, irridu naċċettaw li hemm uħud li jew
jiġu ndottrinati, jew influwenzati ħażin, jew jgħaddu minn xi esperjenza
partikolari, li jwassluhom sabiex jagħmlu dawn l-azzjonijiet żbaljati. Hemm forza għas-sewwa, imma hemm ukoll dik li
mhix hekk, u għal tat-tieni wieħed irid iżomm ruħu attent. Jifhem il-bniedem, u fl-istess ħin jassigura
dejjem iktar li billi, kif ngħidu, jaħseb il-ħażin, jirbaħ dak li hu
sewwa. Dan huwa iktar importanti
fid-dawl tal-fatt li demokrazija trid tikber fl-istabilità u fil-paċi. Meta jkun hemm dan l-aġir, dan l-attakk huwa
wieħed dirett lejn is-sistema ekonomika u soċjali li d-demokrazija tagħti.
Vjolenza ġiebet oħra
6. Għax wieħed għandu jgħid li,
minn dawn l-attakki, kull pajjiż ibati u miegħu jiġu wkoll effettwati stati
oħrajn. Meta jkun hemm atti terroristiċi
fuq l-oħrajn, dawn jolqtu lilna direttament.
Illum nieqfu mad-dinja libera nfakkru lill-eluf li mietu mingħajr ebda
forma ta’ ħtija ġewwa New York fil-11 ta’ Settembru. Fuq naħa nirriflettu mill-ġdid f’dak li ġara,
u fuq l-oħra nagħrfu kemm kull persuna għandha responsabbiltà morali u legali
li taġixxi sewwa f’ħajjitha. Id-dinja
ħadet direzzjonijiet differenti minn dak il-jum. Ir-reazzjonijiet ilkoll nagħrfuhom. Atti ta’ vjolenza ġiebu atti oħra.
Pjaneta li jixirqilha aħjar
7. F’dan għandna nistaqsu lilna
nfusna: wara din l-esperjenza, inbdilna jew le?
Id-dinja hija iktar miexja fid-direzzjoni t-tajba, jew baqgħet
l-istess? Ħafna, quddiem dan,
jikkonkludu li bqajna l-istess. Bqajna
dinja li fiha l-paċi hija dejjem mhedda.
Dinja fejn għadna naraw bnedmin li, fl-ideat żbaljati tagħhom baqgħu
jirrikorru għall-ħażin. Hemm ċirku li
jidher li huwa vizzjuż, li minnu qisu ma hemmx li noħorġu. Biss, billi din il-pjaneta jixirqilha f’dan
aġir differenti, għandna nibqgħu ulied is-sewwa. Sehemna huwa dak li ningħaqdu ma’ oħrajn niftakru,
sabiex filwaqt li nkunu viġilanti għal dak li jista’ jinqala’, naġixxu b’mod
pożittiv u nibnu ma’ dak li huwa tajjeb.
No comments:
Post a Comment